L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“B’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom” (Lq 24:17). Dan hu l-mod kif San Luqa, fl-Evanġelju tiegħu, jiddeskrivi lil dawn iż-żewġ dixxipli li kienu mexjin minn Ġerusalemm lejn raħal jismu Għemmaws. Hemm xi seba’ mili minn post għal ieħor, u dawn kienu mexjin; imma li jinnota l-Evanġelju huwa kif dawn kienu mnikktin, kienu diżappuntati. Kienu għadhom kif għaddew mill-ġrajja – li għalihom kienet trawma – tal-mewt ta’ Ġesù. Lil Ġesù qatluh. Fih kienu qiegħdu t-tama tagħhom, kienu qed jaħsbu li se jkun xi ħadd speċjali, imbagħad spiċċa biex qatluh. 

Huma reġgħu lura nies mingħajr tama. Fil-fatt, tolqtok kif jgħidu: “Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Israel” (Lq 24:21). “Konna nittamaw”. Jolqtok ħafna dal-kliem għax hu eżatt il-kontra ta’ dak li nsibu f’Salm 22 – “Fik ittamaw missirijietna, fik ittamaw u inti ħlisthom” (Salm 22:5). Dawn tilfu din it-tama f’Ġesù.

Jismagħhom u jistaqsihom

Huma u mexjin, qalbhom tqila, jimxi magħhom xi ħadd – li kien Ġesù, imma huma ma għarfuhx, tant kienu diżappuntati, mimlijin niket. Ma għarfux lil Ġesù. Hu mexa magħhom. Nixtieq li naraw ftit x’jagħmel Ġesù. L-ewwel ħaġa li jagħmel Ġesù mhuwiex li jaqbad u jgħidilhom kollox. L-ewwel ħaġa: jismagħhom u jistaqsihom. Dawn it-tnejn huma dawk li nsibu fil-fatt, ħafna snin qabel, meta Ġesù kien intilef fit-tempju u marru jfittxuh Marija u Ġużeppi, u l-Evanġelju jgħid li kien hemmhekk mal-għorrief “jismagħhom u jistaqsihom” (Lq 2:46).

Hekk għamel hawn Ġesù. L-ewwel ħaġa li għamel hu u jakkumpanjahom, beda jismagħhom u jistaqsihom. Jisma’ kif huma kienu qiegħdu t-tama tagħhom f’dan Ġesù – fil-fatt, l-istorja miktuba sabiħa meta dawn jgħidu lil Ġesù “inti biss il-barrani?” (Lq 24:18). Mela hu kien l-iktar bniedem importanti f’din l-istorja, u huma jgħidulu: inti biss il-barrani li ma tafx x’ġara?

Il-Kelma u l-Ewkaristija

Imma Ġesù jismagħhom. U wara li huma jgħidulu, imbagħad jibda hu jfissrilhom il-ġrajja. Imma jagħmel dan billi jinterpreta din il-ġrajja fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, tal-Iskrittura. Hemmhekk hu jgħinhom biex jifhmu li dak ma kienx, fil-fatt, it-tmiem; li Ġesù kellu jgħaddi mill-passjoni u l-mewt biex iqum imbagħad għal ħajja ġdida, u jirbaħ il-mewt. Hu bil-mod il-mod beda jfissrilhom. U huma bdew isiru iktar midħla tat-tifsira vera ta’ din il-ġrajja – fil-fatt, iktar ’il quddiem jgħidu: “Ma kinetx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” (Lq 24:32).

Meta mbagħad Ġesù jagħmel ta’ birruħu li se jibqa’ sejjer, u huma qalulu jibqa’ magħhom, u jibqa’ magħhom, hemmhekk l-Evanġelju jgħid li waqt li kien fuq il-mejda magħhom “qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom” (Lq 24:30). Mela għandna l-kelma ta’ Alla, it-tifsira tal-Iskrittura, u għandna hawnhekk l-istess kliem li juża San Luqa stess meta Ġesù waqqaf l-Ewkaristija – meta jgħid “qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom”. Kien f’dak il-mument li nfetħulhom għajnejhom u għarfuh. Hemmhekk għarfu tassew li Ġesù huwa ħaj. Wara li semgħu l-kelma tiegħu, it-tifsira tal-Iskrittura, u proprju fil-waqt tal-Ewkaristija.

L-Evanġelju jgħid li hemmhekk saret il-bidla kbira fihom. Lilu ma baqgħux jarawh, imma ntrabtu miegħu b’mod iktar qawwi. Għax hemmhekk għarfu li hu ħaj, u reġgħu lura t-triq kollha, reġgħu lura Ġerusalemm, biex jagħtu l-aħbar li Ġesù huwa ħaj.

Dixxipli ta’ Ġesù li hu ħaj

X’tgħidilna dil-kelma ta’ Alla għal ħajjitna llum? L-ewwel nett tfakkarna li aħna dixxipli ta’ Ġesù li hu ħaj. Aħna m’aħniex qed nitkellmu fuq xi ħadd li għex tant snin ilu, kien raġel tajjeb, għallem ħafna affarijiet sbieħ, għamel il-mirakli, u spiċċa. Ġesù huwa ħaj. U dan jagħmel id-differenza kollha fil-ħajja tagħna. Aħna qed nitkellmu fuq Ġesù li huwa ħaj, u Ġesù li – bħalma għamel hawn ma’ dawn id-dixxipli tiegħu – jakkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna. Kemm hija sabiħa meta niftakru x’differenza għamlet il-preżenza ta’ Ġesù fil-ħajja ta’ dawn id-dixxipli.

Ġesù jakkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna, speċjalment fil-mumenti li ngħaddu minnhom ilkoll ta’ diżappunti, meta naħbtu se nitilfu t-tama, fil-qtigħ ta’ qalb, fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna. Hemmhekk għandna lil Ġesù li jakkumpanjana. Anke jekk ma nagħrfuhx, qiegħed hemm – bħalma ma għarfuhx dawn id-dixxipli. Ġesù jgħinna, bil-kelma tiegħu u bl-Ewkaristija, biex aħna nagħrfu tassew it-tifsira tal-ħajja tagħna, u nistgħu nagħrfuh tassew bħala dak li jsalvana, dak li jagħtina l-ħajja li għandna bżonn.

Fil-quddiesa għandna l-akbar teżor

Tinnutaw żgur li hemm xebh kbir bejn din il-ġrajja u dak li niċċelebraw fil-quddiesa. Fil-fatt, l-ewwel dixxipli għarfu din ir-rabta kbira bejn il-ġrajja tad-dixxipli ta’ Għemmaws u l-quddiesa. Għax x’nagħmlu fil-quddiesa? Aħna niġu hawnhekk il-knisja, u niġu b’dak kollu li nkunu għaddejna minnu jew għaddejjin minnu fil-ħajja tagħna, b’talba lill-Mulej biex jakkumpanjana. U permezz tal-kelma tiegħu – bħalma għamel lid-dixxipli – u permezz tal-Ewkaristija, bħalma jsir f’kull quddiesa, Ġesù jgħinna, jagħtina l-qawwa, jagħtina l-għajnuna li għandna bżonn, jagħtina l-enerġija. U jgħinna biex, bħalma għamlu dawn id-dixxipli, immorru nkunu xhieda tiegħu ’il barra mill-bibien tal-knisja. Bħalma għamlu dawn, hekk nagħmlu aħna wkoll – għalhekk il-quddiesa tispiċċa bil-kliem “Morru fil-paċi ta’ Kristu”, biex issa tkunu xhieda ta’ dak li għextu permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. 

Għalhekk il-ġrajja tal-lum tfakkarna kemm Ġesù ħaj jakkumpanjana fil-ħajja tagħna, kif ukoll kemm tana mezzi importanti, speċjalment fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Permezz tal-kelma ta’ Alla u permezz tal-Ewkaristija, hu jibdel il-ħajja tagħna u jittrasformaha, u jagħtina tassew dik il-ħajja li għandna bżonn, l-enerġija u l-għajnuna fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna. U għalhekk il-kelma ta’ Alla tħeġġiġna biex napprezzaw dejjem il-quddiesa. Il-quddiesa hija essenzjali għalina li nemmnu. Fil-quddiesa għandna l-ikbar teżor, għandna l-ikbar għajnuna li Alla qed joffrilna, għandna l-ikbar don. Minna jiddependi jekk napprezzawx dan, minna jiddependi jekk nużawx l-għajnuna li Alla jagħtina, u minna jiddependi wkoll jekk aħna nilqgħux il-Mulej li jakkumpanjana fil-mixja ta’ ħajjitna.

Ejjew nitolbuh din il-grazzja: li aħna nagħrfuh dejjem bħala l-Mulej li huwa ħaj, li miexi magħna fit-triq tal-ħajja tagħna, u nitolbuh biex dejjem jakkumpanjana permezz tal-kelma tiegħu u tal-Ewkaristija biex nimxu tassew fit-triq li wriena hu – it-triq li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta