L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Hawn tfajjel” (Ġw 6:9). Meta, f’din il-ġrajja kollha, naraw dawk l-eluf ta’ nies, u Ġesù qed jara kif se jagħmel biex jitmagħhom, u jiġi wieħed mill-appostli, Indrì, jgħidlu “hawn tfajjel”, qisha tidher xi ħaġa ta’ kuntrast. Ma’ dak il-kobor kollu hemm xi ħadd żgħir. X’jista’ jagħmel dan biex jgħin fis-soluzzjoni tal-problema li kellhom, li dawk in-nies kellhom bżonn x’jieklu u Ġesù jagħtihom? Tfajjel li kellu “ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar”. Hu stess jgħidlu: “Dawn x’inhuma għal daqshekk nies?” (Ġw 6:9). Hu veru, anke r-reazzjoni ta’ min jaqra. Dan, ngħid jien, għaliex qallu bih dat-tfajjel?
Imma Ġesù x’jagħmel? Ġesù ried li dawn in-nies ikollhom x’jieklu. Għall-bidu qal lil Filippu, wieħed mill-appostli: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” (Ġw 6:5) Issa, kif jgħid l-Evanġelju stess, dan qalulu mhux għax ried li jmorru jixtru – l-ewwel nett kienu fuq l-għolja, kien hemm dawk in-nies kollha, min fejn se jixtru dak il-ħobż kollu? – u kienet spiża kbira!
Imma meta dan ippreżentalu lil dat-tfajjel żgħir b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, x’jagħmel Ġesù? Seta’ qallu: dawn x’inhuma, ħallih ħa jgawdihom, forsi lestithomlu ommu, joqgħod igawdihom hu u forsi sħabu! Imma Ġesù ħa l-ftit ta’ dan, u biddlu f’ikel biżżejjed għal ħafna, għal eluf ta’ nies, b’mod li mhux biss kielu biżżejjed, imma kellhom ukoll iżżejjed, għax kellhom tnax-il qoffa żejda wara li kielu. Jiġifieri Ġesù ħa l-ftit ta’ dan, li kien lest li joffrih, u minnu għamel xi ħaġa li kienet tajba għal ħafna, u b’abbundanza.
Dan hu l-ikbar messaġġ li jagħtina Ġesù permezz ta’ dan il-miraklu. Aħna kultant nieqfu fuq il-miraklu kbir li sar, u verament miraklu kbir – bħalma għamlu wkoll dawn in-nies li, għax għamel dan il-miraklu, qalu: ħalli nagħmluh sultan! Għalhekk Ġesù warrab wara l-miraklu, reġa’ warrab waħdu. Imma l-iktar importanti mhuwiex il-miraklu nnifsu, imma l-messaġġ li jagħti Ġesù, permezz ta’ dan il-miraklu, li hu verament Alla li jipprovdi, Alla li jaħseb f’kulħadd, imma wkoll Alla li jrid il-ftit li nistgħu noffrulu biex minnu jagħmel xi ħaġa ta’ ġid għal ħafna.
Dan hu messaġġ li jgħodd mhux biss għal affarijiet materjali – bħalma għamel Ġesù b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet – imma jgħodd għall-ħajja kollha tagħna. Ġesù jrid dak li nistgħu nagħmlu, anke jekk jidher ftit. Kultant ngħidu: dak li nistgħu nagħmlu ta’ ġid qisu qatra f’oċean! Ġesù jridu dan. Ġesù jrid li aħna noffrulu l-ftit li nistgħu nagħmlu, u hu, bil-qawwa tiegħu, jibdlu f’xi ħaġa ta’ ġid għal ħafna. Kemm hu dan messaġġ sabiħ għall-ħajja tagħna, kulfejn inkunu! Tista’ tkun fil-familja, per eżempju, il-ġenituri jgħidulek: qed nagħmlu li nistgħu għal uliedna, imma ħdejn l-influenzi kollha li hawn, x’nistgħu nagħmlu aħna? Ġesù jrid il-ftit, jew dak li jidher ftit għalik, li tista’ tagħmel, toffrihulu u tgħidlu: Mulej, issa dan ibdlu f’xi ħaġa ta’ ġid għal ħafna. Nindunaw, ħaġa sabiħa ħafna, li l-ħajja tal-Knisja mimlija hekk – mimlija bl-isforzi ta’ nies mill-iktar sempliċi, ta’ ħajja ordinarja, li għax jagħmlu dak li jagħmlu bil-qalb u joffruh lill-Mulej, minnu jagħmel xi ħaġa ta’ ġid għal ħafna.
U nindunaw li Ġesù hekk jaħdem: jaħdem b’dawk li huma ċkejknin, dawk li huma umli. Min jaħseb li hu xi ħaġa – din narawha anke meta nħarsu lejn dak li qed jiġri fid-dinja – min jaħseb li hu xi ħaġa u jaħseb li se jiddomina lil kulħadd, iċ-ċans kbir hu li jieħu tisbita kbira. Għaliex il-Mulej jaħdem permezz taċ-ċokon, permezz tal-umli, u minnu, jekk tkun lest li toffrih b’fiduċja kbira fih, hu jagħmel xi ħaġa ta’ ġid għal ħafna. Nitolbu lill-Mulej biex f’qalbna jkollna dejjem din l-aħbar is-sabiħa li jagħtina hu: li dak li nagħmlu, nagħmluh bil-qalb u nagħmluh sew; noffruh lilu, u ngħidulu: issa f’idejk Mulej biex l-isforzi tagħna inti tibdilhom, u jkunu ta’ ġid għal ħafna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




