L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Id-dixxipli kienu flimkien, imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa” (Ġw 20:19). Dan hu li naqraw illum fl-Evanġelju skont San Ġwann, u mal-ewwel nidħlu f’xena mimlija tensjoni u biża’. Id-dixxipli jinsabu  miġbura flimkien wara bibien magħluqa. Dawn il-bibien mhux biss kienu magħluqa minn barra, imma kienu wkoll simbolu tal-qalb tagħhom: qalb magħluqa mill-biża’, mill-ħtija, mid-diżappunt u mill-konfużjoni. Huma kienu raw lil Ġesù jmut, kienu raw il-ħolm tagħhom jitfarrak, it-tama tagħhom qisha tgħib fix-xejn, u forsi kienu qed jistaqsu lilhom infushom jekk kollox kienx spiċċa hemm.

Ma jwaqqfuhx il-bibien magħluqa

Imma proprju f’dan il-mument, meta kollox jidher magħluq u mitmum, Ġesù jiġi f’nofshom. Lilu ma jwaqqfuhx il-bibien magħluqa, ma jistennihomx jiftħu huma, imma jidħol hu. U l-ewwel kelma li jgħidilhom mhix kelma ta’ ċanfira jew ta’ ġudizzju, mhix kelma li tfakkarhom fil-passat, imma kelma ta’ faraġ u ta’ ħajja: “Is-sliem għalikom” (Ġw 20:19) – tislima li jerġa’ jirrepeti, u jerġa’ jgħidha darb’oħra: “Is-sliem għalikom” (Ġw 20: 20.26)

Dan is-sliem li jagħti Ġesù mhuwiex sempliċi paċi esterna jew nuqqas ta’ ġlied. Hija paċi profonda li tmiss il-qalb, li tfejjaq il-feriti tal-passat, li ġġib il-maħfra fejn hemm il-ħtija u li terġa’ tibni r-relazzjoni ma’ Alla. Hija paċi li tagħti lid-dixxipli l-kuraġġ jerġgħu jibdew.

Imbagħad Ġesù jurihom idejh u ġenbu. Jurihom il-feriti tiegħu, li huma riżultat tal-vjolenza fuqu. Imma dawn il-feriti huma ċ-ċavetta biex nifhmu l-Ħniena Divina. Għax il-feriti ta’ Ġesù mhumiex biss tifkira ta’ dak li bata, imma huma prova ħajja tal-imħabba tiegħu. Huma feriti li ma jikkundannawx, imma jaħfru; feriti li ma jġibux il-biża’, imma jqanqlu l-fiduċja.

Jidħol biex jagħtina l-paċi

Ħa nħarsu ftit lejn dak li jagħmel Ġesù mad-dixxipli u narawh fid-dawl tar-realtà ta’ ħajjitna. Għax ħafna drabi aħna wkoll ngħixu wara bibien magħluqa: nagħlqu qalbna biex nipproteġu ruħna, nagħlqu qalbna meta nweġġgħu, nagħlqu qalbna meta nidinbu u nibdew nibżgħu nersqu lejn Alla. Hemm bibien li nagħlqu bil-biża’, oħrajn bil-mistħija, oħrajn bil-kburija. U xi kultant lanqas aħna stess ma nintebħu kemm dawn il-bibien saru ħoxnin u tqal.

Dak li Ġesù ħaj għamel mad-dixxipli tiegħu jagħmlu magħna wkoll. Din hija waħda mill-isbaħ veritajiet tal-fidi tagħna: li Alla jidħol fil-ħajja tagħna anke meta aħna magħluqin, anke meta aħna dgħajfa, anke meta nħossuna mhux denji. Jidħol biex jagħtina l-paċi. F’ċirkustanzi fil-ħajja li kultant joħolqulna l-inkwiet, it-tensjoni, in-nuqqas ta’ sigurtà, din il-paċi hija don prezzjuż li Ġesù jrid jagħtina kuljum. Alla jaf x’inhu l-uġigħ, jaf x’inhi d-dgħufija tagħna, u xorta waħda jibqa’ jħobbna b’imħabba bla qies. Fil-Ħniena Divina naraw li m’hemmx dnub li hu akbar mill-imħabba ta’ Alla, u m’hemmx dlam li ma jistax jiddi fih id-dawl tiegħu.

Il-missjoni li jagħti Ġesù

L-Evanġelju jgħid li Ġesù jonfoħ fuq id-dixxipli u jagħtihom l-Ispirtu s-Santu, jagħtihom ukoll missjoni kbira: li jkunu strumenti tal-maħfra. Dan ifisser li l-ħniena li jirċievu mhix biex iżommuhom għalihom infushom, imma biex jaqsmuha. Il-Knisja, sa mill-bidu tagħha, hi msejħa biex tkun post fejn il-bniedem isib il-maħfra, fejn il-qalb tfiq, fejn il-bniedem jerġa’ jqum u jsib ħniena.

U aħna lkoll, kull wieħed u waħda minna, aħna msejħin inkunu xhieda ta’ din il-ħniena fil-ħajja ta’ kuljum tagħna: fil-familji tagħna, fuq ix-xogħol, fir-relazzjonijiet tagħna. Kemm hemm bżonn illum ta’ nies li jaħfru, li jifhmu, li jġibu l-paċi!

Nixtieq nenfasizza din il-missjoni li għandna li nkunu strumenti tal-paċi ta’ Ġesù. Kif spjega l-Papa Ljun XIV b’mod ċar: Alla ma jridx gwerer, ma jberikx konflitti. Nafu kemm hi fraġli bħalissa s-sitwazzjoni f’diversi pajjiżi, b’effett fuq id-dinja kollha. Alla ma jridx il-qerda ta’ ċiviltajiet, ma jridx kliem li jagħwi, li jnissel mibegħda. Ma jridx l-aggressjoni, id-dominazzjoni. Fi kliem il-Papa, ma jridx id-delirju ta’ min jaħseb li hu omnipotenti. Alla jrid il-paċi u rridu nibdew aħna, kulfejn inkunu, li nnisslu l-paċi vera.

Henjin dawk li ma rawx u emmnu

Ħa nħarsu wkoll, f’dan l-Evanġelju, lejn Tumas. Hu ma kienx hemm l-ewwel darba meta Ġesù ltaqa’ mad-dixxipli, u meta sħabu jgħidulu li raw lill-Mulej, ma jistax jemmen. Irid jara, irid imiss. Imma Ġesù ma jwarrabx lil Tumas. Jerġa’ jiġi għalih, jiltaqa’ miegħu fid-dubju tiegħu, u jistednu jersaq lejh. U minn din il-laqgħa, Tumas jagħmel stqarrija li tiġi mill-qalb: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20:28) li hija waħda mill-ikbar stqarrijiet tal-fidi fl-Evanġelju. Dan huwa att ta’ fidi ta’ min esperjenza l-ħniena ta’ Alla.

Tumas huwa għajnuna kbira għal kull wieħed u waħda minna. Kemm-il darba l-fidi tagħna titħawwad, kemm-il darba nixtiequ sinjal ċar, prova konkreta. Inkunu rridu naraw b’għajnejna u mmissu b’idejna. Imma din hija l-ħniena ta’ Alla. Lilu ma jbeżżgħuhx id-dubji tagħna, imma hu jersaq lejna u jistedinna nagħmlu pass lejh.

Il-kliem li jgħid Ġesù hu, fil-fatt, indirizzat lilna: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20:29). Aħna dawk li ma rajniex, imma aħna msejħin biex nemmnu. U nemmnu mhux għax rajna b’għajnejna, imma għax iltaqajna miegħu b’modi oħra: permezz tal-Knisja, fil-Kelma tiegħu li tmiss lil qalbna, fl-Ewkaristija li ssaħħaħna, fis-Sagrament tal-Qrar fejn nesperjenzaw il-maħfra tiegħu, u f’kull att ta’ mħabba u ħniena li naraw jew nagħmlu.

Stedina lilna llum

Illum, Ġesù Rxoxt qiegħed jgħid lil kull wieħed u waħda minna: “Is-sliem għalikom”. F’din il-festa tal-Ħniena Divina, l-istedina hi biex aħna niftħu l-bibien tal-qalb tagħna għal Ġesù li jrid jidħol u jagħtina l-paċi tiegħu. Inħalluh ifejjaq il-feriti tagħna bil-ħniena tiegħu.

Meta nagħmlu dan, niskopru li l-Ħniena Divina mhix biss don li nirċievu minn żmien għal żmien, imma hija realtà li tbiddel ħajjitna kollha. Hija l-imħabba ta’ Alla li qatt ma tieqaf, li dejjem taħfer, li dejjem tibda mill-ġdid. U li tagħtina l-qawwa biex aħna wkoll inkunu strumenti tal-paċi u tal-ħniena tiegħu kulfejn inkunu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 4:42-47
Responsorju: 117(118):2-4,13-15,22-24
Qari II: 1 Piet 1:3-9
L-Evanġelju: Ġw 20:19-31

Aktar ritratti