L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ġesù mar Betanja” (Ġw 12:1). Hawnhekk, Betanja, kien hemm dar li fiha kienu joqogħdu Lazzru, Marta u Marija. Dawn kienu ħbieb tiegħu, kif naraw minn episodji oħra fl-Evanġelju. Hija dar fejn hemm l-imħabba, il-ħbiberija, l-intimità. Hawnhekk Ġesù mhux qiegħed fis-sinagoga, mhux qiegħed fi pjazza jew miexi fit-triq, imma f’din id-dar. F’din id-dar hemm din l-atmosfera sabiħa fejn għamlulu ikla. Hemm Lazzru, dak li Ġesù kien qajmu mill-imwiet, u kif naraw fl-Evanġelju stess, minħabba fih kien hemm diversi nies li qed jinġibdu aktar lejn Ġesù, u għalhekk il-kapijiet reliġjużi bdew jeħduha kontra Lazzru wkoll.
Hemmhekk, f’din id-dar, tiġri xi ħaġa speċjali ħafna: Marija tieħu l-fwieħa – “libbra fwieħa tan-nard pur (Ġw 12:3), li kien jiswa ħafna – u b’din il-fwieħa tidlek riġlejn Ġesù, u tixxuttahomlu b’xagħarha. Huwa ġest ta’ mħabba kbira, ta’ ġenerożità, li turi tassew il-qalb ta’ Marija. Lil Marija konna rajnieha wkoll f’mument ieħor f’riġlejn Ġesù tisimgħu, u Ġesù kien qal lil Marta li hi “għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex” (Lq 10:42). U hawnhekk turi din l-imħabba kbira.
Hi espressjoni ta’ dak li Ġesù kien qal meta semma l-ewwel kmandament: “ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha” (Mk 12:30). U għalhekk hi sabiħa ħafna li aħna, anke f’dan iż-żmien proprju meta qed nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa, meta se naraw lil Ġesù jaqla’ minn kollox – insulti, tgħajjir, vjolenza fuqu – hawnhekk għandna dan l-att ta’ mħabba kbira lejh, biex aħna nagħrfu kif għandna nimxu tul il-mixja ta’ dil-Ġimgħa Mqaddsa: b’imħabba ġeneruża lejh.
Imma hawnhekk, fl-istess episodju, għandna xi ħadd ieħor. Għandna lil Ġuda l-Iskarjota li, kif nafu, aktar ’il quddiem lil Ġesù ttradih, u hawn jagħmel osservazzjoni. Jgħid: “Din il-fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra?” (Ġw 12:5). Qed jgħid: din tiswa ħafna, il-foqra għandhom ħafna bżonn; allura għaliex, flok użat dil-fwieħa, ma tinbiegħx u jingħata l-flus lill-foqra, lil dawk li għandhom bżonn? Minn barra din tidher osservazzjoni f’waqtha, prattika u anke ġeneruża – qed taħseb fl-oħrajn. Imma, kif smajna fl-Evanġelju, din l-osservazzjoni ta’ Ġuda ma kinetx ħierġa minn qalb li qiegħda tassew taħseb fil-foqra, imma minn xi ħadd li qed jaħseb fih innifsu, għaliex kif jgħid l-Evanġelju, “mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel u… jisraq kulma kienu jaqilgħu” (Ġw 12:6). Mela hawnhekk għandna lil Ġuda li jgħid xi ħaġa sabiħa minn barra – li taħseb fil-foqra – imma, fil-fatt, qed jaħseb fih innifsu. U filwaqt li aħna naraw lil Marija, li hija ġeneruża u taħseb f’Ġesù b’imħabba lejh mingħajr kalkoli, hawn naraw lil Ġuda li jikkalkula kollox u jara kif se jiġbed aktar flus għalih. Bħalma nafu, imbagħad ittradixxa lil Ġesù wkoll għal tletin biċċa tal-fidda.
Ġesù hawnhekk jgħid xi ħaġa importanti ħafna. Jgħidlu: “Il-foqra dejjem issibuhom magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni” (Ġw 12:8). X’qed jgħid Ġesù? Qed jgħid: m’hemmx għalfejn taħsbu fil-foqra għax hawn jien bħalissa? Mhux qed jgħid hekk, għax Ġesù stess kien li fil-ħajja tiegħu tant ħaseb fil-foqra, fl-emarġinati, dawk kollha fil-bżonn. Imma qed jgħid: tqigħedx kontra xulxin l-imħabba lejja, u l-imħabba lejn dawk li huma fil-bżonn. Għax, fil-fatt, Ġesù kien għaqqad dawn iż-żewġ kmandamenti: l-imħabba totali lejn Alla u l-imħabba lejn l-oħrajn. Anzi, Ġesù kien qal li meta inti qed tgħin lill-foqra, qed tgħin lilu. Kien qal: “Kulma għamiltu mal-iżgħar wieħed fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).
Ara kemm hu sabiħ meta niftakru li meta Ġesù qed jgħid “il-foqra ssibuhom dejjem magħkom”, hekk hu, u għandna ngħinuhom, mhux inkunu kuntenti li qegħdin hemmhekk u ma ngħinuhomx. Ngħinuhom, u nagħmlu minn kollox biex ngħinuhom – bħalma, fil-fatt, hi l-ħidma vasta tal-Knisja, anke f’Malta, ta’ għajnuna għal dawk li huma fil-bżonn. Imma ma nqegħdux kontra xulxin l-imħabba lejn Alla, li nesprimuha f’mumenti importanti tal-ħajja tagħna, u l-imħabba lejn l-oħrajn, qishom dawn jeskludu lil xulxin. Dawn imorru ma’ xulxin: l-imħabba vera lejn Alla, l-imħabba ġeneruża, tmexxina biex naħsbu f’dawk li huma fil-bżonn. Hekk uriena Ġesù, u hekk verament inkunu qegħdin ngħixu l-Kelma tiegħu. Din hi t-talba li nixtieq nagħmel għalina lkoll, speċjalment aħna u ngħixu daż-żmien li hu tant importanti għall-Knisja, għalina bħala Nsara: li aħna nagħrfu nħobbu lil Alla b’mod totali, u hu jmexxina mbagħad biex naħsbu f’dawk li huma fil-bżonn – kemm dawk li jidhru, kif ukoll kultant dawk ma jidhrux u li huma siekta, u li jeħtieġu l-għajnuna tagħna – li tkun ħierġa proprju minn qalb li tħobb lil Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




