L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġimgħa qabel il-Ġimgħa l-Kbira nisimgħu din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. Id-dixxiplu ħadha għandu. Id-dixxiplu laqa’ lill-mamà ta’ Ġesù fid-dar tiegħu, u l-impenn li jieħu ħsiebha bħala ommu. Dan kien wieħed mit-testmenti ta’ Ġesù minn fuq is-salib. Idur lejn ommu u jafdaha f’idejn id-dixxiplu l-maħbub. “Mara, hawn hu ibnek” (Ġw 19:26). Imma lid-dixxiplu l-maħbub jgħidlu “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27).  Jafdahielu. Il-kelma ta’ Ġesù tfisser ħu ħsiebha. U l-kelma li jgħidilna l-Evanġelista: “U d-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19:26). ma jfissirx biss li jaċċettal-impenn li joffrilu Ġesù li jkun bħala iben għal Marija ta’ Nazaret imma wkoll li jidħol fl-iskola tagħha – li jitgħallem minnha. Ejjew aħna wkoll, illum f’jum id-Duluri,  nidħlu fl-iskola ta’ Marija u nitgħallmu minnha. U x’nitgħallmu minn Marija? L-ewwel nett nitgħallmu l-umiltà kbira tagħha. Hi li kienet tfajla rżina, l-Anġlu tal-Mulej jgħidilha li  se ssir omm Alla u l-kelma tagħha hi ta’ umiltà u ta’ ubbidjenza. “Jiena l-qaddejja tal-Mulej, ikun minn skont kelmtek” (Lq 1:38).

Hija l-mara mhux biss tal-umiltà u l-ubbidjenza imma hija l-mara tas-servizz u l-qadi. L-Anġlu Gabrijel jgħidilha li bħala sinjal tal-qawwa ta’ Alla l-qariba tagħha Eliżabetta diġà kienet fis-sitt xahar tat-tqala tagħha, dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal. U x’tagħmel Marija? Tħalli kollox. Titlaq lejn l-għoljiet tal-Lhudija u tibqa’ ma’ Eliżabetta għal tliet xhur sakemm jitwieled it-tifel ta’ Eliżabetta u Żakkarija, Ġwanni, li mbagħad nafuh bħala Ġwanni l-Battista li għammed lil Ġesù.

Hemmhekk f’Għajn Karem il-Madonna tagħtina l-innu tagħha: “Hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja”  (Lq 1: 48). Hija l-mara tad-dulur anke fit-twelid ta’  binha. Mhux biss id-dulur li ma kellhiex post aħjar fejn twelldu, imma wkoll id-dulur li ta’ 40 jum meta tippreżenta lil Ġesù tisma’ dik il-kelma fuq binha: “Dan għad ikun sinjal li jmeruh.” (Lq 2:34). U Xmun iħares lejha u jgħidilha: “U inti sejf jinfidlek ruħek.” (Lq 2:35)

Għalhekk fix-xbieha tad-Duluri nsibu lil omm ta’ Ġesù bis-sejf għaliex tfakkarna f’din il-profezija ta’ Xmun li ngħatatilha meta t-tarbija tagħha Ġesù kellu biss 40 jum. Fil-festa tal-Kandlora ma niċċelebrawx biss lil binha bħala d-dawl tad-dinja imma niftakru li huwa mħabbar wkoll bħala sinjal li jmeruh u li ommu fuqha kien hemm il-profezija tad-dulur tagħha. U aħna llum, ftit jiem qabel nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa, inħarsu lejha taħt is-salib ta’ binha. Ma stħatx mill-kundanna ta’ Ġesù. Fil-qalb tagħha kienet taf minn hu. Kienet taf ukoll x’inhi l-missjoni tiegħu. L-Anġlu stess jgħid: “Dan għad isalva lil ħutu minn dnubiethom” (ara Mt 1:20-21). U hi tissieħeb miegħu, mhux fuq l-istess livell għax hu l-Iben t’Alla u hi l-qaddejja ta’ Alla, ħlieqa ta’ Alla, imma hija wkoll omm Alla.

Ejjew nitolbu wkoll għall-ommijiet li qed jibku ’l uliedhom li mietu b’xi overdose tad-droga jew inkella  b’ċirkostanzi oħra.

Aħna u nidħlu fl-iskola ta’ Marija nitgħallmu wkoll ma naħarbux mit-tbatija imma nbiddluha fi mħabba. Tant nies li jħossuhom waħedhom meta fuqhom jiġi l-għawġ, ikun xi jkun. Ejjew nitolbu l-grazzja bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija, li aħna meta nilmħu lil min għandu bżonn l-għajnuna tagħna, nagħmlu li nistgħu. Kultant nsibuna f’sitwazzjonijiet diffiċli u ma tkunx tista’ tgħin lil dak li jkun kif jixtieq hu jew kif tixtieq hi. Imma aħna nagħmlu dak li nistgħu fis-sewwa. Jekk xi ħadd jippretendi li biex tgħinu ser tagħmel xi ħaġa mhix tajba, mhux dak il-mod kif tgħinu. Meta ngħidu allura li aħna nieħdu ħsieb ta’ xulxin, u li nkunu qrib dak li għandu bżonn jew dik li għandha bżonn l-għajnuna, ejja wkoll nitolbu l-grazzja tal-kuraġġ li l-għajnuna li noffru tkun verament ta’ ġid. Ġesù stess jgħidilna: “Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Lq 11:11-13)  

Ejjew ukoll nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija fuq id-dinja. Il-ħsieb tagħna llum imur f’tant ommijiet, ġenituri mhux ommijiet biss u qraba li b’kawża tal-gwerer li jvenvnu madwarna qed jitilfu l-għeżież tagħhom. Tant żgħażagħ li jintbagħtu biex jinqatlu mill-għadu. Tant żgħażagħ, tant vittmi tad-deċiżjonijiet ħorox ta’ min imexxi d-dinja. Ejjew nitolbu wkoll għall-ommijiet li qed jibku ’l uliedhom li mietu b’xi overdose tad-droga jew  b’ċirkostanzi oħra. Mad-dmugħ ta’ din il-mara taħt is-salib ta’ binha, naħsbu fid-dmugħ ta’ tant ommijiet u missirijiet għaliex l-imħabba kultant tissarraf f’niket u fl-hemm, imma tibqa’ mħabba. U llum inbierku n-niket ta’ min iħobb u nitolbu li dak in-niket iħalli frott ta’ paċi, ta’ solidarjetà,  ta’ sliem bejnietna.

Ejjew nitolbu l-omm, u dan ikun l-aħħar ħsieb tiegħi, biex tressaqna lejn binha Ġesù f’dawn il-ġranet qaddisa. Ibqgħu ċerti li l-iktar ħaġa li lill-omm ta’ Ġesù tagħtiha ferħ u sodisfazzjon, hi li tarana nersqu qrib ta’ binha, li aħna nisimgħuha tgħid, imma nobduha, bħalma qalet lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”  (Ġw 2:5).

Jekk aħna rridu nkunu devoti ta’ Marija Addolorata, ejjew neżaminaw ruħna u qalbna, u nitolbuha: ‘Sidtna Marija Addolorata għallimna nħobbu lil ibnek kif tixtieqna inti.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 20:10-13
Responsorju: S 17 (18):2-3a,3bċ-4,5-6,7 
L-Evanġelju: Ġw 10:31-42

Aktar ritratti