L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Beda jikteb b’sebgħu fit-trab” (Ġw 8:6). Dan id-dettall, f’din l-istorja kollha, jidher qisu xi ħaġa speċjali, għaliex hawnhekk għandna storja ta’ tensjoni kbira. Ġesù qiegħed fit-tempju, u l-kittieb u l-Fariżej iġibu quddiemu lil waħda mara li nqabdet fl-adulterju. U jġibuha proprju biex jużawha ħa jonsbu lilu – ħalli jġibu lilu dahru mal-ħajt. Meta staqsewh x’għandhom jagħmlu, huma kienu jafu li kien veru li fil-liġi ta’ Mosè kien hemm li min jinqabad fl-adulterju, iħaġġruh – mhux il-mara biss, naturalment, lit-tnejn li huma, imma hawn ġabu lill-mara.

Lil Ġesù, għalhekk, qalulu: X’għandna nagħmlu? Int x’tgħidilna? (ara Ġw 8:5). Dan qaluhulu biex iġibuh dahru mal-ħajt, għaliex jekk hu jgħidilhom “imxu mal-liġi ta’ Mosè”, ikun hemm min jgħidlu: fejn hi l-ħniena tiegħek, u l-imħabba tiegħek, u li ma tridx il-mewt tal-midneb? U jekk hu jgħidilhom “le, tħaġġruhiex”, hemmhekk imbagħad iġibuh li hu kontra l-liġi tagħhom.

L-Evanġelju jgħid li Ġesù “tbaxxa lejn l-art, u beda jikteb b’sebgħu fit-trab” (Ġw 8:6). Tul is-snin, kien hemm ħafna li bdew jgħidu: tgħid x’kiteb fit-trab? Imma l-iktar importanti mhuwiex x’kiteb, imma l-fatt li għamel hekk. Nistgħu nifhmu xi ftit l-iskop tiegħu, meta naraw dan li jagħmel fid-dawl ta’ dak li jgħid il-Profeta Ġeremija, li huma kienu midħla tal-kitba tiegħu. Il-Profeta Ġeremija jgħid hekk: “Dawk li jitbiegħdu minnu (mill-Mulej) fit-trab jinkitbu, għax telqu l-Mulej, l-għajn tal-ilma ġieri” (Ġer 17:13). Għalhekk il-Profeta Ġeremija qed jgħid li jinkitbu fit-trab dawk li telqu lill-Mulej. U jsir hekk għax telqu lill-Mulej “l-għajn tal-ilma ġieri”. Hawnhekk, biex ngħid hekk, hi l-kundanna ta’ dawn li ġabu lill-mara. Fil-fatt, Ġesù jgħidilhom: “Min fostkom hu bla dnub, jitfgħalha hu l-ewwel ġebla” (Ġw 8:7). U l-Evanġelju jgħid li telqu kollha. Għaliex dawn kienu moħħhom f’ħaddieħor, biex jikkundannaw lil ħaddieħor, u ma kinux qed jaraw tagħhom. Għalhekk, dawk li tbiegħdu mill-Mulej – “fit-trab jinkitbu”.

Ara d-differenza meta Ġesù ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ din il-mara. Fih il-mara rat tassew “l-għajn tal-ilma ġieri”, li lilha jeħlisha, u li lilha jwasslilha l-maħfra, imma wkoll il-ħelsien mill-ħażen – il-ħelsien minn dawk li kienu se joqtluha, imma wkoll mill-imgħoddi tagħha. Fil-fatt, x’jgħidilha Ġesù? “Ħadd minnhom ma kkundannak? …Mela lanqas jien ma nikkundannak… Mur u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8:10-11). Ara kif Ġesù jgħaqqad flimkien, b’mod hekk sabiħ, il-ħelsien lil din il-mara u l-maħfra lilha, imma fl-istess waqt il-kundanna ta’ dak li hu ħażin, u jgħidilha biex issa tgħix tassew fil-libertà kif irid Alla minnha. Irridu niftakru li Ġesù jgħaqqad dawn flimkien. Ġesù ma qalilhiex: int għandek dan il-lifestyle; jekk taħseb li hu tajjeb, kompli fih, kompli għaddejja b’li qed tagħmel. Ma qalilhiex hekk Ġesù! Qalilha: “Mur u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”.

L-iskop hu biex hi tkun bħalma Ġesù kien qal lit-tnejn u sebgħin dixxiplu. Kien qalilhom: “ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet” (Lq 10:20). Mela mhux fit-trab, imma fis-smewwiet. Għax dawk li jimxu wara dak li jrid il-Mulej, jgħixu tassew fil-ħelsien tiegħu u isimhom hu miktub fis-smewwiet. Fil-fatt, il-Profeta Ġeremija kien ukoll qal li meta l-Mulej jikteb il-liġi, “niktibha f’qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi” (Ġer 31:33). Il-liġi miktuba fil-qalb tgħinna, meta aħna nsegwuha bħalma Ġesù qal lil din il-mara, biex isimna jkun miktub fis-smewwiet.

Nitolbu lill-Mulej biex aħna qatt ma nitilqu lilu, l-għajn tal-ilma ġieri, ħalli isimna ma jkunx miktub fit-trab, imma isimna jkun miktub fis-smewwiet.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta