L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
F’dan l-episodju tal-ħajja ta’ Ġesù, l-iktar li tolqotna, fil-bidu tiegħu, hi l-konfużjoni li kien hemm dwar Ġesù. Anzi, hemm siltiet oħra, li ma qrajnihomx illum, li jgħidu li n-nies kienu qegħdin imħawdin fuq dan Ġesù: min jgħid li hu “raġel tajjeb”, min jgħid li “qed iqarraq” (Ġw 7:11), min jgħid “dan forsi hu l-Messija?”, u min jgħid “le, ma jistax ikun!” Kien hemm dan it-taħwid kollu.
Ħa naraw ftit, l-ewwel nett, in-nies kif ħarsu lejn Ġesù, imbagħad x’għamel Ġesù. Hawnhekk, l-Evanġelju jgħid li Ġesù ma riedx, għall-bidu, imur joqgħod idur fil-Lhudija. Imbagħad jgħid: “wara li ħutu telgħu għall-festa, tela’ hu wkoll, mhux bid-dieher imma bil-moħbi” (Ġw 7:10). Qed jgħid għall-festa tal-Għerejjex. Fil-fatt, fl-Evanġelju jgħid li ħutu – jiġifieri l-qraba tiegħu, dik hi l-kelma li kienu jużaw għall-qraba – lil Ġesù qalulu: itla’ għall-festa, ħa turihom min int, ħa jaraw kollha. Mhux dak għandek tagħmel? Mhux dan l-iskop tiegħek? Li turi lid-dinja min int (ara Ġw 7:4). Din kienet ir-reazzjoni tal-qraba tiegħu. In-nies l-oħra, kif nafu, kien hemm min minnhom li kien qed jaħseb li Ġesù jista’ jkun xi ħadd speċjali, forsi l-Messija, imma oħrajn “ifittxu li joqtluh” (Ġw 7:1). Ara x’varjetà kien hemm, u qalb dawn, Ġesù jagħmel ċerti għażliet.
L-ewwel għażla li għamel kienet li ma jitlax għall-festa għax ma riedx jiġbed l-attenzjoni fuqu. Filwaqt li l-qraba bdew jgħidulu biex jitla’ ħalli juri min hu, Ġesù dik li ma riedx f’dan l-istadju – joqgħod jiġbed l-attenzjoni fuqu. Għax kien jaf li hemm ħafna li jridu joqtluh, ma riedx jipprovoka. Għalhekk fil-bidu ma kienx sejjer, imbagħad mar għall-festa, kif jgħid l-Evanġelju, “mhux bid-dieher imma bil-moħbi”. Bil-moħbi jiġifieri ma riedx li joqogħdu jitfgħu l-attenzjoni fuqu u kollox imbagħad idur miegħu.
Imma, fl-istess waqt, Ġesù – filwaqt li kellu dan l-għaqal – kellu wkoll il-kuraġġ. U mar biex ikompli jxandar il-Kelma. Kif fil-fatt għamel – għaliex in-nies jgħidu: dan kif “b’wiċċu minn quddiem” (Ġw 7:26) qiegħed jitkellem? Ġesù jgħallem fit-Tempju. Mela Ġesù ma riedx li jitfgħu l-attenzjoni fuqu, imma ried iwassal il-Kelma, u għamilha bil-kuraġġ – anke jekk kien jaf li hemmhekk imdawwar b’nies li huma kontrieh, nies li xi wħud minnhom ifittxu li joqtluh. Għalhekk naraw kemm Ġesù qatt ma beża’ jxandar il-Kelma ta’ Alla. U hawnhekk jgħidilhom xi ħaġa li kienet diffiċli għalihom biex jifhmuha – meta hu jgħid: Jiena mibgħut mill-Missier. Jien hawnhekk qiegħed b’missjoni: mibgħut mill-Missier. Uħud minnhom bdew jgħidu: nafu minn fejn hu dan, nafu l-familja tiegħu. Għalhekk Ġesù qalilhom: tafuni, tafu l-familja tiegħi, imma ma tafux kollox, ma tafux l-aqwa ħaġa: jien mibgħut mill-Missier. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann hemm din l-enfasi partikulari: li Alla bagħat lil Ibnu, u Ġesù hu l-Iben ta’ Alla li jrid iwassal din l-aħbar ta’ salvazzjoni.
X’inhu l-messaġġ għalina? Meta nħarsu lejn in-nies, nindunaw li dawn kellhom ideat differenti dwar Ġesù. U bħalma kien fi żmienhom, hekk huwa fi żmienna. Hawn min lil Ġesù jqisu mgħallem, għalliem tajjeb – jgħidlek: kemm kien jgħallem tajjeb Ġesù, bil-parabboli li kien juża u bix-xbihat; Ġesù jfejjaq; Ġesù jagħmel il-mirakli, l-għeġubijiet; Ġesù li juri attenzjoni partikulari għal dawk li huma mwarrbin. Kollha vera! Imma ma nistgħux nieqfu hawn u ma mmorrux lejn l-iktar ħaġa importanti: Ġesù hu Alla li sar bniedem. Imbagħad, jekk nifhmu dan, nistgħu nifhmu tassew li kollox joħroġ minn dan il-fatt: Ġesù hu Alla li sar bniedem. U dan li kellhom diffikultà biex jaċċettaw fi żmienhom, u kultant anke fi żmienna – għax altru lil Ġesù tqisu xi ħadd tajjeb ħafna ta’ żmien ilu, xi ħadd tal-Istorja, li għamel isem, u altru li tagħrfu bħala Alla li sar bniedem biex lilna jsalvana. Dak l-aqwa! Dak kollu li għamel hu frott ta’ dan, riżultat ta’ dan.
Nitolbu lill-Mulej illum biex aħna nagħrfuh tassew bħala Alla li sar bniedem, is-Salvatur tagħna, u dak kollu li għallem naċċettawh għax ġej minn Alla nnifsu, u dak kollu għamel nilqgħuh għax ġej minn Alla nnifsu. Dejjem ikollna f’qalbna tassew lill-Mulej kif wera ruħu hu: Alla li lilna jsalvana, u lilna jagħtina l-ħajja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




