L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Aħna u nisimgħu l-Kelma ta’ Alla llum, nibdew napprezzaw li Ġesù f’ħin minnhom meta qal: “Taħsbux li jien ġejt inġib il-paċi fuq l-art! Ġejt inġib mhux il-paċi, imma sejf” (Mt 10:34), l-inkwiet, il-firda. Dan nibdew narawh jibda jseħħ, iżjed ma joqorbu fuqna l-jiem li fih jiġi miċħud, mogħti f’idejn il-pagani, maqtul bl-iżjed mewta kiefra. Hemm min japprezza min hu Ġesù: “Tassew dan hu l-Profeta”. Oħrajn qalu: “Dan hu l-Messija” (Ġw 7:40-41). Imma min ukoll li jħoss, li l-preżenza tiegħu, hija preżenza skomda, u jixtiequ kemm jista’ jkun din il-preżenza skomda, titwarrab.

Ħin minnhom, kif nisimgħu fis-silta tal-Evanġelju ta’ San Ġwann li smajna llum, jibdew jikkonfoffaw kontra Ġesù. Nikodemu li kien iltaqa’ miegħu, jipprova jfendi kelma: ‘Mhux aħjar nisimgħuh!’ Kien qed jara li r-reżistenza għal Ġesù ġejja minn preġudizzju: Dan mhux mill-Galilija. “Fittex fl-Iskrittura, ħalli tara li ebda profeta ma jqum mill-Galilija!” (Ġw 7:52). Ma nafux li l-Messija ġej min-nisel ta’ David. Kemm-il darba il-preġudizzju jdallam il-qalb tagħna, il-perċezzjoni tagħna. Kemm-il darba min irid jagħmlilna l-ġid, minflok napprezzawh, nagħmlulu ħajtu diffiċli ħafna.

Aħna lkoll niftakru, li l-Episkopat ta’ Mons. Mercieca, kellu dawn il-karatteristiċi wkoll. Ta’ bniedem għaref u ġwejjed, li fehem li s-soċjetà tagħna kellha bżonn rikonċiljazzjoni qawwija. U mhux ta’ b’xejn għażel bħala motto: ‘Ilkoll aħwa fi Kristu’. Imma nafu wkoll, li kellu mumenti diffiċli ta’ reżistenza, ta’ konfront; u ħa ngħiduha kif inhi: ta’ persekuzzjoni.

Illum, aħna nitolbu għal ruħu, fl-10 anniversarju mill-mewt tiegħu nsellmu t-tifkira ta’ ragħaj fidil u għaqli, bħalma kien il-padrun tiegħu San Ġużepp; li bħalma kelli ċans ngħid fl-omelija tal-funeral tiegħu, 10 snin ilu: kien ragħaj ta’ kull staġun. Li kellu l-ħarifa u x-xitwa tiegħu; imma għall-grazzja ta’ Alla, bl-għajnuna tal-kollaboraturi fidili u leali, għex ukoll ir-rebbiegħa u s-sajf tal-maturità tal-frott.

Illum nitolbu għal ruħu biex il-Mulej ikompli jħaddnu bil-ħniena tiegħu u lilna jżejjinna bl-għaqal u l-fedeltà li kienu tant jispikkaw f’Mons. Mercieca. Ilkoll kemm aħna fil-qalb tagħna, għandna xi tifkira tiegħu. It-tifkiriet tagħna huma tifkiriet ta’ nostalġija kbira, għal missier li kellu ħarsa ta’ ħniena, għerf u maħfra kbira.

Fl-10 anniversarju mill-mewt tiegħu nsellmu t-tifkira ta’ ragħaj fidil u għaqli, bħalma kien il-padrun tiegħu San Ġużepp

Il-Mulej tah ukoll il-konsolazzjoni, li mhux biss jaħfer lil min bexklu u fixklu, imma wħud minnhom wassalhom hu għall-ħajja ta’ dejjem, rikonċiljati. X’konsolazzjoni kbira għar-ragħaj li jħobb il-merħla tiegħu, li jkun hu li jwieżen u jwassal għall-ħajja ta’ dejjem lil dawk li ppersegwitawh. Mons. Mercieca rċieva din il-grazzja mingħand Alla. Jalla aħna wkoll, waqt li niftakru fih, nitwieżnu bil-ħarsa tiegħu, bl-għerf tal-kelma tiegħu. Nitolbu għalih, u nitolbuh jitlob għalina.

Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem. Ammen. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 11:18-20
Responsorju: S 7:2-3,9bċ-10,11-12
L-Evanġelju: Ġw 7:40-53

Aktar ritratti