
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Aħna u ninġabru f’riġlejn il-Kurċifiss devot u għażiż ta’ din il-knisja, magħruf bħala l-Kurċifiss ta’ Ġieżu; ejjew inħarsu lejh u nitolbuh maħfra u fejqan. Fuq fommna llum, toqgħod tajjeb ħafna t-talba li għallimna San Ġorġ Preca. Ejjew inħarsu lejn Ġesù Kurċifiss u ngħidulu: ‘Grazzi Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla’.
Ngħidulu ‘grazzi’ talli fil-Kurċifiss għażiż tana sinjal ta’ mħabba u mediċina biex meta negħjew fit-toroq tal-imħabba tal-ħajja, inħarsu lejh u nerġgħu nibdew mill-ġdid. Grazzi Sinjur talli tajtna stendard ta’ mħabba; talli ħallejtna nerfgħuk fuq l-Għuda tas-Salib, imma tajtna wkoll il-kejl tal-imħabba tiegħek. Inħarsu lejk u tgħidilna: ‘Uliedi, hekk ħabbejtkom jien.’ Minn fuq is-salib mhux biss ħfirtilna: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34), imma wegħedtna wkoll il-Ġenna, kif għidt lill-ħalliel: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq 23:43).
X’għamel il-ħalliel biex minn fommok seraq, ta’ ħalliel li hu, dik ir-risposta ħelwa? Dar lejn Ġesù u wara li stqarr ħtijietu: “Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna” (Lq 23:41). Qal ukoll kelma ta’ verità fuq Ġesù stess: “imma dan ma għamel xejn ħażin” (Lq 23:41). Minn ħalliel sar imħallef ġust. Imbagħad idur lejn Ġesù u jgħidlu: “Ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek” (Lq 23:42). Mhux biss jistqarr li l-Mulej imsallab huwa l-innoċenti bla ħtija imma jirrikonoxxih bħala sultan li kapaċi jagħtih il-Ġenna. U r-risposta ta’ Ġesù: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq 23:43). U għal din ir-risposta ngħidulu: “Grazzi Sinjur”.

Imma ngħidulu wkoll ‘aħfrilna’ ta’ kemm-il darba insejniek u ma rajniex ix-xbieha tiegħek f’xulxin; għax inti ħloqt lil kull wieħed u waħda minna fuq ix-xbieha tiegħek. Aħna llum miġbudin lejn din ix-xbieha għażiża ta’ Ġesù Kurċifiss, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, imsallab għalik. Imma aħna u nħarsu lejn din ix-xbieha, frott il-ġenju u l-arti tal-bniedem, ejjew niftakru, li kull wieħed u waħda minna, aħna maħluqa xbieha ta’ Alla. Jekk inti tqim ix-xbieha, frott l-arti: xbieha sabiħa, xbieha li tqanqlek; ftakar ukoll li jekk trid tonorah, tivvenerah u tqimu, ħu ħsieb li tonorah, tivvenerah u tqimu fil-proxxmu tiegħek.
Ħobb lilek innifsek billi tieħu ħsieb tiegħek innifsek: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek (Mt 22:39). U ejjew nieħdu ħsieb xulxin. “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu” (Mt 22:37). Ġesù jistedinna biex inħobbu b’dawn it-tliet imħabbiet li għallimna. “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mt 22:39); mela qed jirrikonoxxi li għandi bżonn inħobb lili nnifsi billi nimxi fi triq is-sewwa u ma nkissirx lili nnifsi; nieħu ħsieb tassew ta’ ruħi u ġismi. “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek (Mt 22:39) u ħobb lil Alla. Tinsewx li San Ġwann jgħallimna u għandu raġun: “jekk xi ħadd jgħid: ‘Jiena nħobb ’l Alla imma jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” (1 Ġw 4:20).
Mela waqt li nqimu x-xbieha ta’ Ġesù, ejjew nagħrfu li f’kull wieħed u waħda minna poġġa x-xbieha tiegħu; imma b’mod speċjali fit-tbatija tagħna. Kif ngħidu tant tajjeb aħna l-Maltin u l-Għawdxin – min m’għandux salib, għandu domna – kulħadd għandu t-toqol tiegħu. Għalhekk il-Kurċifiss ta’ Ġieżu jiġbed il-qalb tagħna għax ilkoll kemm aħna għandna xi nferrgħu għarkubbtejna quddiemu.

Dawn il-ġranet, aħna u nitolbuh jaħfrilna, ma ninsewx li hu mhux biss tana eżempju, mhux biss tagħna wegħda, imma tagħna wkoll mezz qawwi ta’ salvazzjoni, fejqan u ħelsien. U dan huwa s-sagrament tal-qrar. Inti tmur għand is-saċerdot, mhux għax is-saċerdot huwa iżjed qaddis minnek (għalkemm jista’ jkun li għandna); imma għaliex fih il-Mulej poġġa qawwa li permezz tagħha, meta s-saċerdot jgħidlek: ‘Jiena naħfirlek dnubietek’, mhux is-saċerdot li jkun qed jitkellem imma Alla permezz tiegħu, għax Alla biss jaħfer id-dnubiet. Bħalma s-saċerdot, meta jkollu l-ħobż f’idejh u wara l-kalċi bl-inbid jgħid: ‘Dan hu Ġismi, dan hu Demmi’. Mhux qed jgħid għalih innifsu, imma qed jitkellem f’isem il-Mulej Ġesù, u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Hekk ukoll, meta tersaq għand is-saċerdot, hu min hu, jista’ jkun imżejjen b’mitt elf difett, imma Alla għażlu minkejja d-djugħfija tiegħu, biex jaħfirlek dnubietek bil-qawwa ta’ Alla.
Ħafna drabi, kif kien iħobb jgħid il-Papa Franġisku, mhux Alla jegħja jaħfrilna imma donna aħna negħjew nitolbuh maħfra. U tgħid: ‘u iva, jien dejjem l-istess! Nistħi nqerr dejjem l-istess!’ Taqtax qalbek! Alla li se jaħfirlek, jaf minn xiex għaddejt, inti min inti; u jħobbok. Bagħat lil ibnu l-għażiż biex jifdik. Din hija t-turija ta’ kemm iħobbok.
Fil-Kurċifiss għażiż ta’ Ġieżu jolqotna l-kuntrast: bejn il-ġilda safja ta’ lewn ċar tal-Mulej, u l-ħruxija ta’ ħtijietna. Fuq il-kurċifiss li llum qed inqimu, nivveneraw, u naduraw, hemm is-safa tal-Mulej, u l-kruha tad-dnub tiegħi u tiegħek. Għax il-pjagi tiegħu huma frott il-ħażen tagħna. L-iskultur għamel xmara ta’ demm ħiereġ mill-pjaga tal-kustat. Dak id-demm huwa l-banju li fih aħna l-Insara ninħaslu; il-banju li jnaddafna, ifejjaqna u jsalvana.
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Fil 2:6-11
Responsorju: S 77, 1-2,34-38
L-Evanġelju: Ġw 3:14-17





