
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Ħa nifrex fuqha s-sliem bħal xmara, u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus” (Iż 66:12). Il-lejla ħsiebna jmur lejn Lourdes, fejn tagħmel ħafna kesħa, u lejn ix-xmara Gave, xmara li minn ħdejha titla’ dik l-għolja ta’ Massabielle, il-ġebla antika Massabielle, li fiż-żmien madwar l-1858 kienet il-post fejn jarmu l-iskart. Kienet parti mill-inħawi ta’ Lourdes, għax Lourdes hija belt antika, ftit ’il bogħod, taħt il-kastell li għadu hemm sal-lum, li ma kienx attraenti. Bernadette u sħabha marru jiġbru ftit ħatab biex fil-kesħa tax-xitwa tal-Pirinej ikunu jistgħu jsaħħnu d-dar.
Bernadette ħarġet mid-dar tal-faqar u rritornat lejn id-dar tal-faqar ma kinitx ġejja minn xi familja nobbli; kienet ġejja minn familja umiljata, li kellha tgħix fil-Cachot li kien ħabs antik, li għadna nistgħu nżuruh sal-ġurnata tal-lum. Minn dak li qabel kien ħabs ħarġet din it-tfajla rżina, u hi u tiġbor ftit ħatab għall-familja tiltaqa’ ma’ din il-mara. Bernardette ma kinetx taf min hi u għal ħafna żmien, sal-25 ta’ Marzu, baqgħet tgħidilha: aquella – quella li – dik. Bernadette ma kellhiex il-preżunzjoni li tgħid li kienet rat il-Madonna.
Kellha l-ordni mill-kappillan biex tistaqsiha min hi. Sakemm, fil-25 ta’ Marzu, din il-mara qaltilha, waqt li tħares lejn is-sema: Jiena, jien l-Immakulata Kunċizzjoni. Interessanti li l-Madonna kienet titkellem ma’ Bernadette bid-djalett tagħha, ma kinitx titkellem bil-Franċiż jew bil-Latin, imma bil-lingwa ta’ Bernadette. U l-ftit kliem li qaltilna Bernadette li qaltilha l-Madonna u li waslu għandna, kienu bid-djalett, li jixbah ħafna l-Ispanjol, billi Lourdes tinsab fuq il-fruntiera bejn Franza u Spanja.

U aħna fit-talb tagħna llum, aħna nsellmu lill-Madonna bħala l-Omm imnissla mingħajr tebgħa. Sidtna Marija, permezz ta’ Bernadette riedet tagħti sinjal lill-Knisja, meta snin qabel, il-Papa Piju IX kien iddefinixxa d-Domma tat-Tnissil bla tebgħa tal-Madonna. U meta sar jaf x’ġara, feraħ b’din il-konferma li tat Marija stess: Jiena mnissla mingħajr tebgħa. Għax Alla ried li lil Sidtna Marija jħarisha minn kull dnub. Lilna jħarisna mid-dnub permezz tal-Magħmudija u tal-Qrar. Meta aħna nħarsu lejn Sidtna Marija, narawha bħala l-Kewkba tat-tama.
F’ħin minnhom Bernadette, għax hekk kien qalilha l-kappillan, bdiet titfa’ l-ilma mbierek. Il-Madonna ma ħarbitx, tbissmet u baxxiet rasha, quddiem l-ilma mbierek li tefgħetilha Bernadette.Is-Sinjura kellha kuruna tar-rużarju kulur id-deheb u bdiet tgħid ir-rużarju. U Bernadette tgħid ir-rużarju magħha, ma’ din, is-Sinjura fuq riġlejha kellha warda tad-deheb. U Bernadette tgħid: ‘jiena kont inlissen is-Sliema u l-Qaddisa u s-Sinjura ma kinitx tgħid is-Sliema u l-Qaddisa, imma kienet tagħmel is-sinjal tas-salib, u tgħid il-Missierna u l-Glorja’. Hekk kienet tingħaqad ma’ dik it-talba sempliċi u sabiħa, li tant hija għal qalb ta’ tant morda.
Sidtna Marija minn Lourdes stednitna għall-fejqan, fejqan tar-ruħ l-ewwel nett, u bħala sinjal tal-qawwa tal-fejqan tar-ruħ ippermettiet ħafna drabi, għax talbet lil Binha, għax il-mirakli jagħmilhom Alla biss, jagħti wkoll il-fejqan fiżiku, li għadu jsir sal-lum.

Għalhekk meta tmorru Lourdes – nawguralkom li min għadu ma marx imur Lourdes – meta jkun hemm il-purċissjoni bis-Sagrament, immedjatament wara l-Isqof li jkun qed iġorr is-Sagrament, ikun hemm tliet tobba. Għax il-mirakli f’Lourdes isiru waqt il-purċissjoni tas-Sagrament.
Sidtna Marija riedet ukoll li Bernadette tinawgura l-Għar fejn ix-xmara Gave. U Bernadette tgħid li marret fejn ix-xmara, u bdiet tħaffer fil-ħaxix. Bernadette tgħid li dak l-ilma li beda ħiereġ mill-kantuniera ta’ Massabielle, ippruvatu tliet darbiet, sakemm beda ħiereġ ilma safi. Dan ifakkarna fil-Magħmudija tagħna: jekk hemm xi ħaġa li Sidtna Marija, Imnissla minngħajr tebgħa tixtieq, hija li aħna ngħixu l-Magħmudija tagħna, li nkunu ta’ Ġesù, li tassew nemmnu f’Alla l- Missier u Iben u l-Ispirtu s-Santu.
Ħossukom kburin li l-Provvidenza, permezz tal-ħidma tal-Patrijiet Kappuċini, laqqgħatkom ma’ din il-ġrajja sabiħa storika ta’ Lourdes, li għalkemm hija ġrajja personali ta’ Bernadette, imma Sidtna Marija u Alla riedu li tkun messaġġ qawwi għall-Knisja kollha, messaġġ ta’ tama, stedina għall-konverżjoni. Stedina biex meta aħna nindunaw li għandna bżonn is-sapport ma naqtgħux qalbna: penitenza, penitenza, penitenza. Imma xi jfissru dawn? Sofferenza għal xejn b’xejn, jew inkella sforz biex nikber fl-imħabba?
Kulħadd huwa msejjaħ biex jgħix il-milja tal-imħabba skont il-vokazzjoni tiegħu jew tagħha. Il-milja tal-imħabba mhijiex faċli, imma kultant tfisser ukoll ċaħda. Għażiż Father Effie, jien nirringrazzjak tad-disponibbiltà tiegħek. Il-Provinċjal diġà qallek grazzi, imma issa jmiss lili li ngħidlek grazzi, tad-disponibbiltà li l-Mulej qed isejjaħlek biex tħobb bħala ragħaj ta’ komunità li qiegħda dejjem tikber, mhux biss fl-età imma wkoll bħala popolazzjoni. F’dan l-anniversarju importanti Franġiskan – it-800 sena mill-mewt ta’ San Franġisk – nitlob fuqek il-barka tal-qaddisin kollha Franġiskani. Franġisku għallimna devozzjoni sabiħa, kellu devozzjoni tenera u sabiħa lejn l-Omm ta’ Ġesù; kien isejħilha t-tabernaklu, l-għamara ta’ Alla. U jiena nixħet fuqek is-sliem bħal xmara. Nawguralek ħafna.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 66: 10 – 13
Responsorju: Lq 1-46-55
Qari II: Rum 8: 28-30
L-Evanġelju: Ġw 2: 1-11




