Mons. Hector Scerri, espert fil-qasam tal-ekumeniżmu, stqarr li l-paċenzja ġejja mill-kelma ‘tbati’, imma minnha jkun hemm il-frott.

Waqt li għal darb’oħra kien qed jitkellem fuq il-programm Il-Papa Ljun fuq RTK103 preżentat minn Luke Vella, Mons. Scerri semma li f’Novembru li għadda saret dikjarazzjoni konġunta bejn il-Papa Ljun u l-Patrijarka Bartilmew ta’ Kostantinopli, li biha kkonfermaw l-impenn tagħhom li jkomplu d-djalogu teoloġiku, b’enfasi fuq onestà, imħabba reċiproka, u paċenzja, li George Santayana kien qal li hija “l-kastità għall-ekumenist”.

Il-preżentatur semma wkoll lil Fr Edward Farrugia – Ġiżwita li ilu jaħdem Ruma u għamel ħafna xogħol fl-ekumeniżmu, li kien qal li din ix-xiżma fuq kollox hija firda fil-qalb.

Il-Monsinjur Professur Hector Scerri huwa Konsultur tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara u membru tal-Kummissjoni Internazzjonali Konġunta għad-Djalogu Teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa.

“L-ekumeniżmu jrid iwassal għal għaqda viżibbli”

Fid-dawl li ftit tal-jiem ilu ntemmet il-ġimgħa ekumenika ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara, Mons. Scerri qal li f’ġimgħa bħal din għandna nagħmlu minn kollox biex nitolbu – “Anke jekk impenjati, nitolbu għall-għaqda fost l-Insara u għal Insara minn knejjes oħra”.

Huwa qal li parti mill-missjoni tal-Knisja Kattolika u ta’ knejjes oħrajn hija li jaħdmu għall-għaqda fost l-Insara biex jagħtu xhieda, filwaqt li enfasizza li din l-għaqda trid tkun waħda viżibbli. Din tissejjaħ il-ħidma ekumenika.

Żied jgħid li kienet din il-missjoni li tat bidu għall-ekumeniżmu aktar minn seklu ilu meta Nsara minn knejjes differenti li kienu qed jevanġelizzaw fl-Afrika u fl-Ażja kienu mifrudin bejniethom kważi b’kompetizzjoni u pika.

Tul il-programm issemmew fost l-oħrajn mumenti fejn il-Papa deher ma’ mexxejja ta’ knejjes oħra, u diskorsi u laqgħat mill-Papa b’rabta ma’ din l-għaqda.

“Hija prijorità tiegħi li nagħmel minn kollox biex nistabilixxu mill-ġdid il-komunjoni/l-għaqda sħiħa u viżibbli fost dawk li jistqarru l-istess fidi”

Il-Papa Ljun XIV fid-19 ta’ Mejju – l-għada tal-quddiesa inawgurali, meta laqa’ delegazzjonijiet minn knejjes oħra li kienu wkoll preżenti fil-quddies

Għaliex enfasi fuq għaqda “viżibbli”?

Ġie nnutat kif il-kelma ‘viżibbli’ tidher f’ħafna diskorsi mill-Papa fuq l-għaqda. Dan ifisser li s-sinjal ta’ qrubija jrid jidher – “L-ekumeniżmu jrid iwassal għal għaqda sħiħa u lejn il-milja ta’ għaqda viżibbli li permezz tagħha jarawna naħdmu flimkien, niltaqgħu, u nitolbu flimkien. Meta naħdmu flimkien biex ngħinu lil min jinsab fit-truf tas-soċjetà, hija diġà xhieda u għaqda fost l-Insara”.

B’hekk Mons. Scerri stqarr li servizzi ekumeniċi f’Malta u Għawdex li joffru l-opportunità li nitolbu flimkien, diġà huma xhieda għal min ikun preżenti.

Messaġġi tal-Papa f’laqgħat oħra:

  • “Nixtieq nippersevera fl-isforz li tkun stabbilita komunjoni sħiħa u viżibbli. Dan jista’ jsir biss bl-għajnuna ta’ Alla, impenn kontinwu, djalogu fratern, u nisimgħu lil xulxin b’rispett” – Il-Papa fit-28 ta’ Ġunju meta laqa’ delegazzjoni minn Kostantinopli.
  • “Irridu mmorru għall-għeruq tal-fidi tagħna. Il-pellegrinaġġ li qed nagħmlu flimkien se jħalli frott abbundanti skont kemm naqsmu bejnietna, inkunu aħwa flimkien, u nagħmlu minn kollox biex ikun hemm djalogu teoloġiku li jkompli jimxi ’l quddiem – id-djalogu tal-karità/tal-imħabba” – Il-Papa f’laqgħa ma’ grupp ekumeniku mill-Istati Uniti fis-17 ta’ Lulju.
  • “Is-servizz li nagħtu lil xulxin jgħaqqadna diġà” – Il-Papa f’laqgħa fi Stokkolma fit-28 ta’ Awwissu biex titfakkar konferenza li saret fl-1925.

Fil-5 ta’ Novembru, il-Papa Ljun XIV laqa’ mexxejja Nsara li ffirmaw charter ekumeniku li jinsisti li għandna nkunu kumpann; nies li qed nivjaġġaw flimkien f’dan il-vjaġġ ekumeniku waqt li nkunu miftuħin għat-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Paga spjega dan b’rabta mal-vjaġġ sinodali tal-Knisja Kattolika u billi qal li hija xi ħaġa kbira li nagħtu xhieda flimkien f’Ewropa tant sekulari.

“Il-Papa Ljun sostna li għandu jkun żmien fejn nisimgħu lil xulxin u nagħmlu dixxerniment flimkien”

Mons. Hector Scerri

Mons. Scerri spjega kif meta l-Papa mar fejn sar il-Konċilju ta’ Niċea fit-Turkija, kien qal li lkoll mistiedna biex negħlbu l-iskandlu tal-firdiet li għadhom jeżistu, u nkabbru fina x-xewqa għall-għaqda li l-Mulej talab għaliha u ta ħajtu għaliha.

Mons. Scerri ddeskriva l-laqgħa riċenti bejn ir-Re Karlu, ir-Reġina Camilla, u l-Papa, bħala “mument qawwi ħafna u kommoventi, anke għar-Re Karlu”.

X’hemm bżonn li nagħmel minn dari?

Mons. Hector Scerri qal li wieħed għandu jipprova jagħraf dak li l-Papa Ljun wasslilna f’dawn l-aħħar xhur – “Il-Papa qed iġib flimkien ċertu profondità teoloġika magħquda ma’ qrubija relazzjonali permezz ta’ qalb li tħobb; qed jgħaqqad it-teoloġija u l-qalb li tbaqbaq bi mħabba”.

Huwa stqarr li l-Papa jitkellem dwar l-unità mhux bħala xi ħaġa astratta imma bħala dover Nisrani li nistgħu ngħixuh illum, aħna min aħna, fiċ-ċokon tal-esperjenza tagħna.

Mons. Scerri talab biex “il-Mulej isawwab l-Ispirtu tiegħu fuq l-Insara kollha biex nagħrfu s-sejħa tagħna, u nkunu fejn inkunu u aħna min aħna, inkunu melħ tal-art, dawl tad-dinja, u ħmira fis-soċjetà – biex nagħrfu ningħataw u naħdmu għall-għaqda fost l-Insara; biex aħna li nħobbu lil Ġesù, inkunu tassew merħla waħda mexjin lejn is-sema pajjiżna”.

Isma’ l-programm biex issegwi l-ħidma u l-messaġġi tal-Papa Ljun XIV.

Il-Papa Ljun XIV jixxandar fuq RTK103 kull nhar ta’ Ħamis mis-6.30pm sas-6.50pm, kif ukoll kull nhar ta’ Sibt mis-6.30pm sas-7pm.

Il-programmi kollha tista’ ssibhom hawn.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Francesca Gauci