
Issa li ntemm l-ewwel Konċistorju straordinarju tal-Papa Ljun, diġà ngħata appuntament għat-tieni wieħed: jumejn f’Ġunju, mas-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl.
Kien il-Papa nnifsu li ħabbar din it-tieni laqgħa għas-sajf fid-diskors tal-għeluq tiegħu waqt it-tielet u l-aħħar sessjoni tal-Konċistorju, li ġemgħet flimkien 170 Kardinal, eletturi u mhumiex.
Waqt li fisser li din il-laqgħa ta’ jumejn kienet “f’kontinwità” ma’ dak li ġie mitlub mill-kongregazzjonijiet ġenerali ta’ qabel il-Konklavi, il-Papa Ljun esprima wkoll ix-xewqa tiegħu li jkompli jlaqqa’ Konċistorji kull sena, li jkunu ta’ tlett ijiem jew erbgħa. Hu kien diġà antiċipa dan fid-diskors tiegħu fl-ewwel jum fejn qal li l-Konċistorju hu “prefigurazzjoni tal-vjaġġ tagħna fil-futur”.
Il-Papa kkonferma wkoll l-Assemblea Ekkleżjali li ħa tiltaqa’ f’Ottubru 2028 u li tħabbret f’Marzu li għadda.
Fost it-temi diskussi fil-Konċistorju tal-aħħar ġranet kien hemm is-sinodalità, ħaġa li tispjega r-raġuni għaliex il-Kardinal Mario Grech kien bilqiegħda fuq il-mejda tal-Papa, li deher ukoll jieħu diversi noti.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by Francesco Pio Attard




