
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-bidu ta’ sena ġdida jġib miegħu sens ta’ misteru. Meta nħarsu lejn din is-sena li bdejna, ma nafux x’se jsir matul din is-sena, ma nafux kif se tkun l-esperjenza tagħna matul din is-sena ġdida. U nidħlu għal din is-sena kultant bit-tama, kultant b’ċertu biża’, kultant inġorru magħna esperjenzi diffiċli li nkunu għaddejjin minnhom jew għaddejna minnhom fiż-żmien ta’ qabel.
Għalhekk, tajjeb li f’din iċ-ċelebrazzjoni aħna nħarsu lejn dak li l-Knisja tippreżentalna fl-ewwel jum tas-sena bħala l-isbaħ awgurju għal din is-sena. Tgħidilna: ħarsu lejn omm u tarbija – Marija Omm Alla. Meta nħarsu lejn Marija, aħna naraw fiha dik li kkollaborat bis-sħiħ mal-pjan ta’ Alla biex jifdi lilna, għalhekk Omm Ġesu tiġi Omm Alla. Meta nħarsu lejha, naraw dik li takkumpanjana, għax Ġesu għamilha wkoll omm tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minnhom, u għalhekk takkumpanjana matul kull jum ta’ din is-sena ġdida, u tgħallimna ħafna hi u takkumpanjana.
Nistedinkom biex inħarsu lejn din il-ġrajja tal-Evanġelju tal-lum, u naraw x’turina Marija u x-xewqat sbieħ li tagħtina hi għal din is-sena ġdida.
L-għożża
L-ewwel nett turina l-għożża u l-imħabba. Hemm sentenza waħda fl-Evanġelju: “Sabu lil Marija u ’l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura” (Lq 2:16). Hemm din ix-xena tant sabiħa ta’ familja mimlija mħabba. U min iltaqa’ magħhom, bħalma għamlu r-rgħajja, setgħu jifhmu kemm hi sabiħa din l-imħabba ta’ Alla preżenti f’dak l-għar.
Hija l-imħabba li tagħmel id-differenza kollha fil-ħajja tagħna personali u fil-ħajja tal-familji tagħna. Matul din is-sena, ħa nqiegħdu l-imħabba fil-qalba ta’ dak kollu li ngħidu u li nagħmlu, ħalli tmexxina dejjem l-imħabba u tgħinna nkunu strumenti ta’ bidla għall-aħjar fl-ambjenti fejn inkunu.
Is-smigħ
Marija turina wkoll kemm hu sabiħ li aħna nisimgħu – nisimgħu lil Alla u nisimgħu wkoll lil xulxin. Jolqtok f’din il-ġrajja li meta marru r-rgħajja jaraw lil Ġesu li twieled, flok hemm x’qalet hi, hemm x’qalu huma: “ir-rgħajja bdew jgħarrrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija” (Lq 2:17). U, min-naħa tagħha, Marija “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19).
Marija turina, kemm hawnhekk, kif ukoll f’episodji oħra fl-Evanġelju, kemm hu iktar importanti li nisimgħu qabel inparlaw, qabel nitkellmu. Li jkollna dan is-sena li ngħożżu f’qalbna l-kelma ta’ Alla, imma wkoll ta’ xulxin, qabel ma ngħidu aħna jew li rridu bilfors inwasslu dak li naħsbu aħna. Dan hu awgurju sabiħ kif ngħixu matul din is-sena: li ngħixu kull jum tas-sena b’dan is-sens ta’ smigħ, li lesti nisimgħu lil Alla qabel inkellmuh, u lil xulxin qabel nitkellmu.
Il-paċi
Marija turina wkoll il-paċi li kellha f’qalbha, li mbagħad xterdet mal-oħrajn. Il-Papa Ljun XIV, fil-messaġġ tiegħu għal-lum, Jum il-Paċi, jikkwota lil Santu Wistin li jgħid li inti tkun tista’ ġġib il-paċi mal-oħrajn jekk għandek il-paċi f’qalbek. Dan hu l-kliem ta’ Santu Wistin li l-Papa jikkwota: “Jekk tridu tiġbdu lill-oħrajn lejn il-paċi, għandkom tkunu fil-paċi magħkom infuskom; kunu intom sodi fil-paċi. Biex tħeġġu lill-oħrajn l-ewwel irid ikollkom fikom id-dawl mixgħul”.
Marija hija eżempju sabiħ tal-paċi tal-qalb. Hija turina kemm ikun sabiħ li ngħixu kull jum ta’ din is-sena ġdida bil-paċi f’qalbna, ħalli l-Mulej imbagħad jgħinna nkunu strumenti tal-paċi mal-oħrajn. Dak li ngħixu aħna nistgħu naqsmuh mal-oħrajn – fi kliemna, fil-ħidma kollha tagħna, dejjem inkunu strumenti tal-paċi.
Il-barka
F’din il-ġrajja, Marija turina wkoll kemm hu sabiħ li aħna jkollna l-barka ta’ Alla, il-barka għal kull jum ta’ din is-sena. Fl-Ewwel Qari, hemm silta sabiħa ħafna fil-Ktieb tan-Numri – waħda mill-isbaħ talbiet ta’ barka: “Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej b’imħabba, u jagħtik is-sliem!” (Numri 6:24-26)
Kemm hu sabiħ li aħna ngħixu din il-barka kull jum ta’ din is-sena ġdida! Meta nħarsu lejn Marija, naraw kif għexet din il-barka li taha l-Mulej. Imma hija barka wkoll li Alla jrid jagħti lilna, kull wieħed u waħda minna, u lill-familji tagħna, u lil dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli f’ħajjithom.
Imma kemm ikun ukoll sabiħ li kieku aħna nagħmlu bħalma jagħmel il-Mulej. Immaġina l-kliem ta’ barka, u ngħixu dan il-kliem aħna fir-relazzjoni mal-oħrajn. Li ma’ dawk li niltaqa’, matul din is-sena, nista’ nwassal messaġġ ħiereġ mill-qalb: Inbierkek u nħarsek, nixħet id-dija ta’ wiċċi fuqek u nurik ħniena; inħares lejk bi mħabba u nagħtik is-sliem.
Nitolbu lill-Mulej f’din is-sena ġdida biex iżommna tassew magħqudin miegħu, bħalma kienet Marija, u dejjem inżommu quddiemna u f’qalbna lil Marija li takkumpanjana kull jum ta’ ħajjitna u kontinwament tgħallimna kif nimxu ’l quddiem, b’mod li ħajjitna tkun tassew togħġob lil Alla.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




