
Is-somma ta’ €1,556,453 inġabret waqt il-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza li saret lbieraħ fl-1 ta’ Jannar.
Il-jum beda permezz ta’ quddiesa mmexxija mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna flimkien ma’ Monsinjur Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza. Il-quddiesa bdiet fid-9:30am fid-Dar stess.
Għall-ħabta tad-9:30pm inqabżet is-somma ta’ miljun ewro.
Eżatti wara ngħata bidu għall-maratona ġbir ta’ fondi. Din tibqa’ għaddejja sa nofsillejl. RTK103 xandar il-quddiesa u l-maratona b’mod dirett mid-9:30am sas-6pm.
Fit-tmiem ta’ maratona televiżiva, Mons. Martin Micallef, Direttur tad-Dar, awgura li s-solidarjetà murija lejn id-Dar tal-Providenza fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida tibqa’ sejra matul din is-sena ma’ dawk kollha fis-soċjetà Maltija li għandhom ħtieġa ta’ appoġġ.
Reġà kien hemm l-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti, pitturi, skulturi u ċeramika, mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin. Għal darb’oħra kollox, inkluż ix-xiri bl-irkant, sar online u l-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti laħaq is-somma ta’ €49,229.
Il0-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon, li rrappreżenta lill-Prim Ministru Dr Robert Abela, għamel għotja ta’ €25,000 f’isem il-Gvern Malti mill-Fond tal-Kawżi Ġusti.
Bħalma ilu jsir għal dawn l-aħħar snin, numru mdaqqas ta’ parroċċi f’Malta u Għawdex għamlu ġabriet speċjali f’lejlet u fl-ewwel tas-sena li ngħataw lid-Dar tal-Providenza f’isem il-komunitajiet parrokkjali. Il-parroċċi f’Għawdex ġabru kollettivament €41,560.
RTK103 ippreżenta s-somma sabiħa ta’ €83,536 miġbura waqt is-60 siegħa maratona live li saret li bis-sehem ta’ bosta kantanti, bands u personalitajiet fil-bidu ta’ Diċembru li għadda. Mill-inizjattiva ma’ F’Idi Burgers ta’ Ħal Qormi li fiha ntgħażet burger minn Fr Martin Micallef u oħra mill-preżentatur ta’ RTK103 Gabriel Lia, nġabret is-somma ta’ €2,400
Bħas-soltu, il-Festa ta’ Ġenerożità xxandret minn taħt it-tinda li ttellgħet apposta fil-parkeġġ tas-Siġġiewi. Ix-xandir tal-maratona beda b’quddiesa ċċelebrata mill-E.T. l-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar megħjun minn Monsinjur Martin Micallef, Vigarju Episkopali għad-Djakonija u d-Direttur tad-Dar tal-Providenza flimkien mal-Arċipriet tal-parroċċa tas-Siġġiewi, Dun Josef Mifsud. Fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni, Alexia Vella u Max Prasel Caruana għamlu s-solita prietka tradizzjonali tal-Milied bit-tħabbira tassew sabiħa tat-twelid ta’ Ġesù.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna appella biex fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida nuru barka lejn xulxin u nħarsu lejn xulxin b’kompassjoni u mħabba li huma tant neqsin fid-dinja tagħna tal-lum.
Fl-1988 Fr Martin Micallef beda jieħu interess fil-qasam tad-diżabilità. Kien għamel esperjenza tas-sajf fis-Seminarju. L-interess tiegħu kompla jikber tant li għamel ukoll it-teżi fuq hekk u meta mar fil-paroċċi beda jaqsam it-tagħlim li kiseb f’dawn l-esperjenzi.

Lil min tkun qed tgħin permezz tad-donazzjoni tiegħek?
Id-Dar tal-Providenza għandha r-residenza ewlenija fis-Siġġiewi u wkoll residenti oħra iżgħar fil-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq. B’kollox jagħtu dar lil madwar 115-il resident li għandhom xi forma ta’ diżabbiltà.
Uħud minn dawn ir-residenti jgħixu b’mod permanenti hemmhekk filwaqt li oħrajn iqattgħu l-jum jew il-lejl biss, skont il-ħtiġijiet ta’ qraba tagħhom.
Fost dawn ir-residenti hemm Tara li sabet it-tieni dar tagħha fid-Dar tal-Providenza.
L-ispejjeż annwali tad-Dar tal-Providenza jlaħħqu madwar €7 miljun u b’hekk illum qed isir appell ta’ għajnuna biex l-operat ikun jista’ jibqa’ għaddej b’risq dawn ir-residenti b’diżabbiltà.
Wieħed jista’ jgħin ukoll permezz ta’ dawn il-mezzi oħra:
- Donazzjonijiet bl-SMS: ibgħat fuq 50618922 għal donazzjoni ta’ €7.
- Ħlasijiet bankarji: permezz ta’ PayPal jew trasferimenti diretti għal kontijiet ta’ Dar tal-Providenza fl-APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank jew BNF Bank.
- Ħlasijiet bil-mobile: uża BOV Mobile jew myAPS P2M fuq in-numru 7932 4834.
- Ċekkijiet: għal ammonti ta’ aktar minn €20, pagabbli lil ‘Dar tal-Providenza’ u mibgħuta Triq Id-Dar tal-Providenza, Siġġiewi SGW2822.
- Personalment: donazzjonijiet jintlaqgħu fl-uffiċċju ta’ Dar tal-Providenza fi Triq San Pawl il-Belt, Valletta (mit-Tlieta sas-Sibt, mid-9.00am sa nofsinhar), fil-Paola Catholic Bookshop, u fi stand f’Pjazza tar-Rabat, Malta mill-14 ta’ Diċembru 2025 sal-1 ta’ Jannar 2026.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by Christine Mamo




