Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ippermettuli nagħmel talba ta’ barka fuq dan il-post li hu għatba li fiha jersqu nies imtaqqlin u t-tama u t-talba tagħna tkun li kull min jiġi hawn joħroġ imserraħ. Jekk il-problema ma tisparixxix, almenu jkollu l-wens tas-soċjetà li hu l-poplu Malti u Għawdxi, li qegħdin lesti biex inkunu ta’ għajnuna.

Nirringrazzja lilek, Eċċellenza President, talli komplejt din it-tradizzjoni tal-predeċessuri, tradizzjoni antika ta’ solidarjetà, f’idejn il-kapijiet tal-istat tagħna. Nirringrazzja wkoll lill-Istat, b’mod speċjali fil-persuna tiegħek Onorevoli Prim Ministru, u napprezza l-impenn tal-Oppożizzjoni wkoll, biex hawnhekk l-unika sinjal ikun is-sinjal tal-għaqda u tal-għożża mingħajr ma nħarsu lejn l-uċuħ imma nħarsu biss lejn il-qalb tal-bniedem u l-bżonn li jkollu.

Il-Mulej ibierek kulma jsir hawn, ibierek lill-benefatturi tal-Community Chest Fund u lil ħutna li għandhom bżonnijiet partikolari u għalhekk ikollhom jiġu hawn. Il-Mulej jagħtihom faraġ u barka.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta