
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa(Lq 12: 35-40) tispjegalna ftit l-atteġġjament ta’ Ġesù fuq il-mewt. Għax għal Ġesù il-mewt hija żjara u jgħidilna: “Kunu mħejjija għal din iż-żjara” (Lq 12: 40). Ma ħarabx minnha, forsi din hija waħda mill-akbar misteri tal-ħajja. Ma nafux meta. Anke jekk nippruvaw nippjanaw il-mewt tagħna, u nafu li hemm kultura, mhux biss tippjana l-mewt tiegħek, imma ġġibha b’idejk, is-suwiċidju assistit, u mhux. Anke jekk hemm din il-kultura fid-dinja ta’ madwarna, il-mewt tibqa’ laqgħa misterjuża. Għaliex hija laqgħa fundamentalment ma’ ħabib. U aħna u nitolbu għal ħutna li għaddew minn din il-laqgħa niftakru li aħna wkoll għad nagħmlu dan il-pass u nitolbu li nkunu mħejjija. Tgħiduli kif?

L-ewwel nett ħa nistqarr magħkom, jien lil Ġesù ngħidlu, ta’ sikwit, forsi smajtuni wkoll xi drabi: meta trid imma ma iniex mgħaġġel. Ħalli d-diskors ikun ċar. Xorta ser jagħmel li jrid Hu, imma jien ngħidlu li ma iniex mgħaġġel.Imma meta jiġi nixtieq li nkun lest, imħejjij. U nifhem li l-aqwa tħejjija għal-laqgħa ma’ dan il-ħabib hija li ngħix ħajti, li l-ħajja tiegħi ngħożżha, li ngħożż il-laqgħa ma’ kull persuna, li ngħożż l-imħabbiet ta’ ħajti, il-vokazzjoni tiegħi,kull persuna li ‘l-Mulej ilaqqgħani magħha. Din tħejjijk biex tiltaqa’ mal-akbar ħabib. Meta inti l- ħajja tiegħek tgħixha bħala pellegrinaġġ li fih ħafna inżul u tlajja, u fih mumenti ta’ bnazzi u ta’ maltemp bħalma kellna l-lejl li għadda, tifhem ukoll li dawn ikollna bżonnhom.
Nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzjakom tal-interess ġenwin u dedikat għal dan il-post. Anke għaliex mingħajr l-interventi kkwalifikati u ta’ investiment kbir f’dan il-post, kieku konna se nitilfu ġawhra staordinarja, patrimonju ta’ pajjiżna. Nixtieq ukoll nirringrazzjakom f’isem tant ħutna midfunin hawnhekk, li għandhom bżonn anke fil-mewt tagħhom li nirrispettawhom kif inhuma. Aħna nafu, intom tafu u tgħallmuni aktar minni li “trab konna u trab nerġgħu nsiru” (Ġen.3:19). Kelma tal-Iskrittura hija Kelma t’Alla.

Imma l-fdalijiet li hawnhekk huma midfunin u kustoditi, għalkemm ifakkruna fit-trab minn fejn issawwarna, ifakkruna wkoll li huma fosdqa li ħallew ta’qabilna biex huma jkollhom realtà ta’ ħajja ġdida, il-ħajja ma tintemmx imma tinbidel, “titħejja għalina għamara fis-sema” (Ġw14:2-3).
Ix-xogħol tagħkom, l-interess tagħkom, huwa mbierek, huwa ta’ mħabba. Nitolbu li meta jasal il-ħin tagħna,għalkemm m’aħniex mgħaġġlin, ikun hemm min jurina rispett.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta




