L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int għid kelma biss u l-qaddej tiegħi jfiq” (Mt 8:8). Dan il-kliem li nsibu llum fl-Evanġelju llum skont San Mattew – il-kliem li ċ-ċenturjun qal lil Ġesù – hu l-kliem li aħna stess ngħidu dejjem f’kull quddiesa. Proprju fil-mument għażiż qabel se nirċievu lil Ġesù Ewkaristija, ngħidulu: “Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”. Kemm hu sabiħ meta nintebħu li dal-kliem daħal fil-Liturġija, fil-Quddiesa, proprju minħabba din il-ġrajja fl-Evanġelju li tant turina affarijiet sbieħ fuq il-fidi tagħna, u fuq kif għandha tkun il-fidi tagħna. U dan minn bniedem li ma kienx dixxiplu ta’ Ġesù, li ma kienx wieħed mill-mexxejja reliġjużi, u lanqas wieħed mill-poplu Lhudi.

Ħa nħarsu lejn dan iċ-ċenturjun. Jolqtok mal-ewwel bħala bniedem ta’ awtorità. Dan kien ċenturjun Ruman li, bħalma jispjega fl-Evanġelju, kien bniedem ta’ dixxiplina. Kellu n-nies fuqu, superjuri tiegħu, u kellu n-nies li hu responsabbli għalihom. Jgħid hawnhekk: “Lil wieħed ngħidlu ‘mur’, u jmur, lill-ieħor ngħidlu ‘ejja’ u jiġi” (Mt 8:9). Jekk kienu jobdu daqshekk, naħseb veru kien fortunat ukoll daċ-ċenturjun, għax mhux faċli li ssib l-istess spirtu fejn ikun hemm l-awtorità!

Jolqtok mal-ewwel bħala bniedem ta’ awtorità u ta’ dixxiplina, u fl-istess waqt li jħares lejn l-awtorità mhux bħala poter imma bħal servizz. Fil-fatt, dan ġie għand Ġesù għall-qaddej tiegħu. Ma ġiex għal xi ħadd li kien fl-istess pożizzjoni tiegħu. Għall-qaddej, li kien “mixħut, mifluġ u batut wisq” (Mt 8:6), u ried li jgħid lil Ġesù b’dan. Jolqtok għalhekk bħala bniedem ta’ kompassjoni, ta’ mħabba, u fl-istess waqt ta’ fidi kbira. Għax hawnhekk naraw kif ma ġiex għand Ġesù biex jitolbu xi ħaġa partikulari li jakkwista għalih jew għall-qaddej, imma jpoġġi quddiemu dis-sitwazzjoni biex Ġesù jara x’jista’ jagħmel. Għalhekk kellu l-fidi f’Ġesù li jista’ jagħmel xi ħaġa.

Aktar minn hekk, kellu fidi fil-kelma ta’ Ġesù. Fil-fatt, meta Ġesù jgħidlu “niġi jien infejqu” (Mt 8:7), jgħidlu: ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma biss, u bis-saħħa ta’ din il-kelma, il-qaddej ifiq. Jiġifieri lanqas ried li lil Ġesù joqgħod jaqilgħu minn hemm, imur id-dar u hemmhekk ifejjaq lill-qaddej, imma anke kelma mill-bogħod ukoll biżżejjed. Ara x’fidi kbira kellu daċ-ċenturjun! Għalhekk Ġesù, jgħid l-Evanġelju, “baqa’ mistagħġeb” (Mt 8:10) meta sema’ dan, u jfaħħar il-fidi ta’ dan iċ-ċenturjun, għax dal-bniedem ma kienx parti mill-grupp li jkunu ma’ Ġesù, li jimxu miegħu, jew wieħed mid-dixxipli tiegħu, imma kellu dil-fidi f’Ġesù. U Ġesù faħħar din il-fidi li kienet ġejja minn xi ħadd li ma tistennihiex minnu. Faħħar dil-fidi.

X’inhu l-messaġġ importanti għalina llum? L-ewwel nett, li aħna nitolbu lill-Mulej biex isaħħaħ fina l-fidi – il-fidi fil-kelma tiegħu, fil-qawwa tiegħu. Nafu li Ġesù dejjem għandu din ir-rieda li lilna jgħinna bis-sħiħ f’dak kollu li nkunu għaddejjin minnu. Ara hawnhekk, lanqas laħaq qallu lil Ġesù, li mal-ewwel wieġbu: “Niġi jien infejqu”. Kien lest li jmur mal-ewwel. U aħna għandu jkollna dil-fidi li Ġesù jgħinna f’dak kollu li neħtieġu. Kultant nitolbuh il-fejqan. Hu jagħtina mhux bilfors il-fejqan kif nixtiequ aħna, imma żgur jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina – dak il-fejqan ħafna drabi minn ġewwa, biex jagħtina tassew f’qalbna l-paċi tiegħu u biex isaħħaħ fina l-fidi. 

Ikun tajjeb li aħna, speċjalment meta nieħdu sehem fl-Ewkaristija, nersqu bl-istess fidi u bl-istess umiltà ta’ dan iċ-ċenturjun. Il-kelma “Ma jistħoqqlix” hija vera, imma fl-istess waqt, filwaqt li nagħrfu li ma jistħoqqilniex, nagħrfu wkoll li l-Mulej jista’ jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina – il-fejqan. Għalhekk hu sabiħ li proprju qabel nirċievu l-Ewkaristija, aħna ngħidu l-istess talba ta’ dan iċ-ċenturjun, did-darba mhux għall-qaddej imma għalina personali, biex l-Ewkaristija tkun dik li ġġib fina l-fejqan. Niftakru li l-Ewkaristija mhijiex premju għat-tajbin, imma hi l-fejqan għalina lkoll li aħna midinbin. Tagħtina dik il-qawwa u tgħinna nintebħu dak li Ġesù jgħid fl-aħħar tal-Evanġelju tal-lum, li hu ġie għal kulħadd, u l-fidi hi għal kulħadd. Għalhekk jgħid: “mil-Lvant u mill-Punent…” (Mt 8:11). Għal kulħadd. Il-fidi mhix marbuta ma’ razza, ma’ nazzjon, ma’ grupp, ma’ għaqda. Il-fidi hi miftuħa għal kulħadd. Din hi l-Knisja li tilqa’ lil kulħadd biex tressaq lil kulħadd lejn Ġesù s-Salvatur. 

Nitolbu lill-Mulej biex isaħħaħ fina l-fidi, jagħtina dil-fidi li kellu ċ-ċenturjun, ħalli hu jkun jista’ tassew ifejjaqna bil-kelma tiegħu, bil-qawwa tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta