Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta: Ian Noel Pace

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ħuti, “inroddu ħajr lill-Missier li għamilkom denji li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl. Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam u daħħalna fis-saltna t’Ibnu il-maħbub li bih għandna il-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet” (Kol 1: 12-13).  L-Evanġelju ta’ San Luqa jagħtina r-rakkont ta’ wieħed mill-ewwel persuni li daħlu fis-Saltna ta’ Ġesù għax irċieva mingħand il-Mulej il-konferma għad-domanda tiegħu: “Ġesù ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek” (Lq 23:42). Ġesu wieġbu: “Tassew ngħidlek illum tkun miegħi fil-ġenna” (Lq 23:43).

Dan il-persunaġġ huwa wieħed mill-imsallbin miegħu kkundannat għall-mewt għad-delitti li għamel. Hu stess b’umiltà kbira jammetti li l-kundanna tiegħu kienet ġusta. Huwa l-imħallef rett li jiddikkjara l-innoċenza ta’ Ġesù. Lil sieħbu msallab magħhom jgħidlu: “Il-kundanna tagħna hija ġusta tassew, għaliex qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kull ma għamilna. Imma dan Ġesù m’għamel xejn ħażin” (Lq 23:41). Ġesù fid-dinja ħa kundanna ħarxa u inġusta. Kellu jkun bniedem ikkundannat għall-mewt li jsir il-vuċi tal-imħallef ġust li għaraf l-innoċenza ta’ Ġesù.

U Ġesù umiljat u sfidat kemm-il darba. L-Evanġelju ta’ San Luqa jagħtina din ix-xena straordinarja ta’ tliet sfidi li jitvenvnu f’wiċċ Ġesù waqt li huwa msallab. Mis-saċerdoti, mis-suldati u mill- ikkundannat miegħu: “Salvajt tant nies, salva lilek nnifsek” (Lq 23:35).L-ikkundannat l-ieħor jgħidlu: “Lilek nnifsek imma lilna wkoll”(Lq 23:39). “Salva lilek nnifsek” (Lq 23:37).

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta: Ian Noel Pace

Ġesu li qal: “Min iffitex ħajtu jitlifha, imma min jitlef ħajtu għas-sewwa jsibha” (Mt 16:25). Qed jgħix il-kliem tiegħu għax m’mhemm l-ebda kelma li l-Mulej qalilna u talabna ngħixu li ma għixiex hu.

It-tentazzjoni li titpoġġilu hija dik li jinżel minn fuq is-salib. Imma mhux dik kienet ir-rieda tal-Missier. “Mhux li rrid jien imma li trid int” (Lq 22:42).  Għalhekk seta’ b’awtorevolezza kbira bħala l-Iben maħbub tal-Missier lil sieħbu kkundannat għall-mewt jgħidlu: ‘Tassew ngħidlek illum  tkun fil-ġenna miegħi” (Lq 23:43). Dan il-Lhudi żagħżugħ mneżża minn ħwejġu u mid-dinjità tiegħu joffri destin straordinarju lil hemm mill-mewt. “Illum tkun fil-ġenna miegħi” (Lq 23:43).   Joffrilu l-maħfra, joffrilu is-salvazzjoni, joffrilu il-mistrieħ ta’ dejjem.

Aħna wkoll msejħin, kif jgħidilna l-Appostlu Missierna San Pawl, biex nissieħbu fl-istess wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl biex nidħlu fis-saltna t’Ibnu l-maħbub li bih għandna il-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet” (Kol1:12-13).  

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta: Ian Noel Pace

Kif nistgħu ngħaddu mid-dlamijiet għas-saltna tad-dawl ta’ Ġesù? Hija billi bl-umiltà kollha nistqarru li għandna bżonnu. Nistqarru li hu t-tabib ta’ ruħna,  “Jiena ma ġejtx għall-ġusti imma għall-morda biex ikollhom il-fejqan”(Mk 2: 17)

Meta quddiemu nirrealiżżaw tassew min aħna nitolbuh bħalma għamel il-ħalliel li aħna ngħidulu t-tajjeb, “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek”(Lq 23:42).

Is-saltna ta’ Ġesù m’għandhiex x’taqsam mal-poter tad-dinja, m’għandhiex x’taqsam mal-mudelli ta’  arroganza, ta’  superjorità u ta’ vjolenza. Hija ħakma ta’ paċi, ta’ ħniena, ta’ rispett lejn l-oħrajn.

Għeżież membri ta’ din il-parroċċa għażiża, intom offrejtu din il-kuruna prezzjuża għall-istatwa ta’ Kristu Sultan. Il-kappillan u l-kleru ta’ din il-parroċċa kellhom l-idea sabiħa ħafna li qabel titpoġġa fuq ras l-istatwa din il-kuruna tagħmel pellegrinaġġ: li tiltaqa’ mal-kuruna tax-xewk  li kienet fuq ras l-Imgħallem u li qiegħda Pariġi; li tiltaqa’ mal-għuda tas-salib li fuqha is-Sultan seta’ jwiegħed il-ġenna lill-ħalliel it-tajjeb; li tiltaqa’ mas-suċċessur ta’ Pietru li beka għat-tradiment imma ngħata l-imfietaħ tal-maħfra. Dan il-pellegrinaġġ għandu jipperswadina fis-sinifikat profond ta’ dak li għamilna u dak li xtaqtu intom.

Ritratt: l-Arċidjoċesi ta’ Malta: Ian Noel Pace

Il-kuruna prezzjuża mhiex la tas-suppervja u lanqas tas-superjorità.  Imma hija kuruna ta’ gieħ lil min tana il-ħajja. Nistgħu ngħidulha xhieda, statement qawwi, ta’ għażla li qegħdin tagħmlu bħala poplu u tagħmluha bil-qalb f’isem il-poplu kollu tagħna.

F’din il-mitt sena minn meta il-Papa Piju XI waqqaf il-festa liturġika ta’ Kristu Ġesù Sultan tal-Ħolqien kollu, intom xtaqtu tesprimu d-devozzjoni tagħkom. Imma mhux biss. Ippermettuli ngħidilkom l-għażla tagħkom li tħallu lil Ġesù jmexxikom miIl-ħakma tad-dlam għas-saltna tiegħu tad-dawl. Il-ħakma tad-dlam hija l-ħakma tad-dnub. Imma aħna ma nistgħux nirrassenjaw ruħna għad-dgħjufija tagħna li tkiddna kuljum. Irridu nħarsu lejn Ġesù msallab u rxuxtat u nitolbuh il-ħniena.

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta: Ian Noel Pace

Bħall-ħalliel it-tajjeb aħna u nħarsu lejn ix-xbiha tiegħu nkurunata b’kuruna prezzjuża ejjew nitolbuh it-talba umli tal-ikkundannat: “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek” (Lq 23:42). Agħmel li t-talba li għallimtna inti nifhmuha dejjem iżjed. Għax inti meta għallimtna nitolbu, għallimtna ngħidu Missierna. Għallimna ngħidu, “Tiġi saltnatek” (Mt 6:10).  Jalla fostna  ssaltan il-għaqda, l-imħabba, il-maħfra, il-paċenzja, il-lealtà, dak kollu li hu tajjeb, veru u sabiħ. Mulej Ġesù, Sultan tal-ħolqien kollu lqagħna fis-saltna tiegħek.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Sam 5:1-3
Salm: 121 (122):1-2,4-5
Qari II: Kol 1:12-20
L-Evanġelju: Lq 23:35-43