Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nerġa’ nirrepeti bħalma għamilt ilbieraħ ir-ringrazzjament u l-gratitudni tiegħi tal-preżenza tagħkom u b’mod speċjali wkoll nirringrazzja lil dawk li qed isegwuna ‘online’. L-Assemblea Djoċesana li ħarġet bl-inizjattiva tal-mibki Monsinjur Mercieca wara s-sinodu Djoċesan, hija esperjenza li ta’ kull sena tfakkarna li aħna rridu nikbru f’familja li nimxu flimkien. Wara kollox l-ispirtu tas-sinodu huwa dan li aħna niskopru lilna nfusna familja li qedgħin fil-vjaġġ flimkien: sinodus.

Għażilna t-tliet aspetti li lbieraħ tkellimna tant tajjeb fuqhom, nirringrazzja ħafna mill-ġdid lill-Isqof Joe, lil Fr. Andre, lil Joe Ciappara  tal-‘input’ tagħhom għax huma t-temi magħżula mill-mibki Papa Franġisku kkonfermati wkoll mill-Papa Ljun. Hija l-idea u x-xewqa tagħna li aħna nkunu kontinwament f’sintonija ma’ Pietru u din hija xi ħaġa li għalina hija importanti ħafna. Aħna knisja lokali veru, imma parti minn familja ħafna ikbar minnha, hija l-glorja tagħna li aħna parti mill-Knisja Kattolika li għandna vokazzjoni universali. Meta allura naħsbu fuq dawn it-tliet aspetti, dimensjonijiet, iridu jkunu parti mill-mod kif inkunu fuq il-jien tagħna, aħna bil-malti diffiċli ngħidu ‘l-essere’ ‘being’. Dun Karm kien juża l-kelma il-jien, fit-traduzzjoni tal-kitba tal-Papa Benedittu, konna vvintajna l-kelma kewn imma ħadd m’użaha din l-imbierka kelma kewn għall-‘being’ . Dun Karm kien għażel u pprefera l-kelma l-jien tagħna, l-essere tagħna, l-min aħna, aħna min aħna?

Allura naħseb jiena lanqas ma nippreokkupaw ruħna fuq x’se nagħmlu, irridu dejjem u kontinwament nistaqsu lilna nfusna imma aħna min aħna? X’inhu jgħaġġina? U dawn it-tliet dimensjonijiet iridu jkunu parti mill-mod ta’ kif aħna nsibu ruħna u nkunu fis-soċjetà u anke fl-identità tagħna stess. Intom tafu biżżejjed kemm l-pajjiż tagħna, s-soċjetà tagħna għandha bżonn il-profezija tal-komunjoni. Imma mhux s-soċjetà Maltija biss imma d-dinja li fiha ngħixu, għandha bżonn din il-kelma u xhieda tal-komunjoni u allura jiena ħa nibda propju kelma kelma u nixtieq li nimpenjaw ruħna għax l-impenn irid jibda  mill-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna biex aħna nidħlu fl-ispirtu ta’ dak li Ġesù għallimna fil-kapitlu tlettax ta’ San Ġwann meta neża’ l-mantell, tħażżem bil-fardal u ħasel riġlejn id-dixxippli. U qalilna intom tafu min jiena? Jiena l-Imgħallem u l-Mulej jekk jiena l-Mulej u l-Imgħallem ħsiltilkom saqajkom hekk għandkom tagħmlu lil xulxin. (Ġw 13: 2-17)

Il-komunjoni allura ta’ bejnietna hija wkoll espressjoni tal-imħabba ta’ bejnietna. L-imħabba li tiġi mill-għotja tal-ħajja tagħna lil xulxin u l-ispirtu ta’ servizz. Din hija profezija, din hija xhieda li l-knisja f’Malta għandha bżonn tiskopri ta’ kuljum. Eventivament jekk inti taddotta l-profezija tal-komunjoni, m’intix se tippreokkupa ruħek fuq il-poter li se teżerġita, l-influwenza issir awtorevolezza tax-xhieda. Aħna rridu niddjalogaw ma’ persuni li mhux bilfors jaċċettawna aprijoli, nistieden lil kull wieħed u waħda minna biex nixtarru għax għandek bżonn ħafna żmien biex tixtarr l-informazzjoni kollha li tatna Patricia, nirringrazzjak ħafna, lkoll għandna bżonn nieqfu fuq din l-informazzjoni u nkomplu nagħmlu riċerka soċjoloġika wkoll biex dak li nagħmlu jkun ‘based’, ikun djalogu fl-istess waqt  realtà li teżisti mhux kif nixtiquha, kif inhi, aħna rridu nikkonfrontaw lilna nfusna mar-realtà kif inhi, mhux kif kienet jew kif nixtiquha, imma kif inhi. Din tagħtina wkoll il-libertà minn kull kumpless li rridu nkunu suċċess jew kollox irid ikun mija fil-mija, fil-pożittiv u n-negattiv żero.

Wara kollox il-knisja hija l-familja ta’ Ġesù, hija ta’ Ġesù, u allura jekk hemm xi ħadd li huwa interessat li aħna nersqu lejn  Ġesù huwa Ġesù stess. Aħna rridu nkunu ‘facilitators’. Il-komunjoni tfisser ukoll, laqtitni wkoll din il-ħaġa li qalet Pat, anke għaliex niftakarni nistaqsiha dwarha, l-informazzjoni li jkollna l-aħwa, se tkun kompluta u realistika meta aħna niltaqgħu fuq il-livelli kollha emottivi, fiżiċi, personali, ekklesjali mal-ħamsa u għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni li jgħixu fuq dawn il-gżejjer li mhumiex etnikament Maltin?  Din hija realtà li qed insibuha kullimkien u hemm bżonn nilqgħuha. Hija realtà li tisfidana, hija realtà li toħroġna mill-‘comfort zones’ li mdorrijin fihom inkluż dawk lingwistiċi.

Ilbieraħ mort inżur għax nipprova almenu darba fix-xahar, nixtieq nagħmilha iżjed, immur fi skola u daż-żmien ma sirtx nagħmel quddiesa, nippreferi djalogu, inħalli lill-istudenti jistaqsuni mqar jekk għandhiex ‘pet’. It-tfal għandhom kurżità  partikolari, jiena naraha tant simpatika. Waħda mill-mistoqsijiet ilbieraħ kienet: ‘Can you have a son or a daughter?’ Ir-risposta kienet ‘hope I can’ imma ‘I cannot’ għax il-mistoqsija kienet: ‘can you have a son or a daughter?’ u għedtilhom li qatt ma ppruvajt nara jekk nistax imma nispera li nista’ jiġifieri imma għamilt għażla li ma niżżewwiġx allura għalhekk m’għandhiex. Id-domanda kienet ‘can you?’ ma kinitx ‘may’ u għallimthom almenu d-distinzjoni bejn ‘can’ u ‘may’. Mhux se mmur nagħmel testijiet, m’hemmx bżonn, għamilt biżżejjed eżamijiet fil-ħajja imma jiena u nitkellem ma’ dawn l-istudenti, l-Middle School kienu, jiġifieri ħdax u tnax, ħarġu mill-Primarja, qegħdin f’dan l-istage mbagħad jidħlu s-sekondarja wara.

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta: Ian Noel Pace

Il-kwistjoni tal-lingwa, inti biex tinftiehem ma’ dawn it-tfal, u jekk tmur fil-primarja iżjed daż-żmien, trid titkellem bil-Malti imma anke bl-Ingliż. Mort il-primarja tal-Gżira u kelli nitkellem bl-ingliż għax il-lezzjonijiet, il-maġġoranza tal-tfal mhumiex etnikament Maltin. Imbagħad kien hemm mument sabiħ meta għidtilhom inkantaw l-innu Malti? U almenu kienu għallmuhulhom l-Innu Malti issa jekk jifhmux kull kelma tal-Innu Malti, dik ħaġa oħra. Dawn qegħdin fostna, qed jikbru fil-kultura tagħna. Hemm ukoll l-esperjenza sabiħa, nixtieq nirringrazzja lill-kollaboraturi tiegħi li qed jaħdmu fil-qasam tal-RCIA, ta’ persuni li qegħdin fostna u li qed jersqu lejn il-fidi. Aħna għandna tnejn u erbgħin adult din is-sena li talbu li jitgħammdu fl-Għid li jmiss, tnejn u erbgħin, fil-fatt se nitlob lill-Isqof Joe li jagħmel nofshom l-Imdina u nofshom San Ġwann għax inkella nagħmel sa xi t-tlieta ta’ filgħodu ngħammed lil dawn it-tnejn u erbgħin. Hija xi ħaġa interessanti, dan il-fenomenu ta’ nies li qed jiltaqgħu ma’ Ġesù fostna minkejja d-difetti kollha tagħna. Qed ikollhom għatx li jiltaqgħu ma’ Ġesù, isiru jafuh u jsiru Nsara. Ovvjament imbagħad ikollna r-responsabbiltà  li aħna nsegwuhom, għax dan ir-rit tal-magħmudija jagħmluh b’entużjażmu kbir imma mbagħad irridu nsegwu lil dawn in-neofedi, lil dawn illi laqgħu lil Ġesù fil-laqgħa tal-kultura tagħna.

Il-komunjoni ta’ bejnietna tfisser ukoll li aħna wkoll bħala knisja li għandna ‘baggage’ naqra tqil u li fl-istorja tagħna ma konniex dejjem sinjal ta’ għaqda, aħna b’umiltà  rridu naċċettaw parti mill-istorja doloruża tagħna, meta għal xi raġuni jew oħra ntrabatna ma’ xi karru politiku, l-istorja reċenti u l-kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Aħna meta nħarsu ‘il quddiem, jiena nħares lejn il-knisja lil hemm mill-politika partiġġjana. Jiena rrid niddjaloga, naħdem ma’ kulħadd, għaliex nifhem ukoll li l-partiti l-ebda wieħed minnhom ma jagħtini garanzija tal-ethos tiegħi, irrid niddjaloga ma’ kull partit u niddjaloga b’rispett.

Nixtieq nirringrazzja ħafna lill-komunità  akkademika tal-Università ta’ Malta li meta aħna permezz anke tal-fakultà  tat-teoloġija nippruvaw niddjalogaw mal-akkademja jkollna rispons ta’ koperazzjoni qawwi. Dak huwa sinjal importanti ħafna, meta nitkellmu fuq il-komunjoni l-aħwa, ma nistgħux ma nitkellmux fuq id-djalogu. Djalogu ta’ rispett. Irridu għalhekk mhux biss inkunu inklussivi bħala knisja tal-komunitajiet li mhumiex etnikament Maltin imma wkoll nieħdu ħsieb l-għaqda ta’ bejnietna.

Nixtieq nirringrazzja lil Joe Ciappara li b’ċertu pareżja, b’ċertu kuraġġ, ilbieraħ kellimna fuq il-velenu li jista’ joqtol lill-komunjoni ta’ bejnietna, aħna rridu nieħdu ħsieb li dan il-velenu l-Mulej inaddafna minnu. Niftakar meta kont niltaqa’ mal-Papa Franġisku, dejjem bi tbissima kien jgħidli: ‘la vipera c’e’ ancora?’, il-lifgħa għadha hemm? U jien kont ngħidlu ‘un puo si’. Ovvjament rridu l-lifgħa nneħħuha minn qalbna l-ewwel imma ma naħsibx li għandna għalfejn naqtgħu qalbna.

Importanti li aħna nkunu vuċi li tippromwovi r-rispett, id-djalogu, anke ma’ soċjetà li tista’ tkun ostili għaliex taħseb li aħna għadu tal-libertà  tagħha. Din tinkwetani ftit meta fid-djalogu mas-soċjetà,  il-fidi tilbisha bħal-libsa tal-festa mbagħad terġa’ tpoġġieha fil-gwardarobba għall-kamla, jiena nħoss li qed nirrapreżenta ethos li huwa għadu tal-libertà ta’ dak li jkun. Tinkwetani ħafna għax hemmhekk nirrealizza li għandi bżonn ta’ ċertu apoloġija tal-libertà li jagħtik Ġesù u li ħafna drabi n-nies ma jkunux skoprew imma nifhem ukoll li jiena ma nistax nixhed għal-libertà  li jagħtini Ġesà jekk jiena ma jkollhiex il-libertà li jagħtini Ġesù kemm bħala individwu kif ukoll bħala istituzzjoni.

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta: Ian Noel Pace

Għalhekk importanti ħafna li d-djalogu tagħna ikun umli u jkun realistiku wkoll u nkunu tenaċi biex niddefendu r-reputazzjoni tagħna bħala komunità li l-ethos tagħha tieħdu bis-serjetà. Hawnhekk nixtieq nirringrazzja pereżempju lis-‘safeguarding’ tagħna, Jiena ma nistax niddjaloga ma’ soċjetà li tippretendi li l-knisja tkun ‘safe’ jekk ma nagħmilx ħilti li l-knisja tkun ‘safe’ u ppermettuli llum sirt insemmieha ħafna dil-ħaġa, skużawni għax tgħidu kemm se jdum jirrepeti imma jiena nħoss li l-etimoloġija tal-isem tal-gżira tagħna hija fih innifsu vokazzjoni ‘Malat, a safe haven’, ‘porto sicuro’. Ovvjament aktarx minħabba l-esperjenza tal-portijiet tagħna li fil-Mediterran kienu magħrufa bħala ‘safe natural harbours’, mill-antik ‘Malat’ ġej mill-Feniċi imma aħna rridu nkunu verament ‘safe haven’ għal xulxin, għal min jiġi fostna, għaż-żgħażagħ tagħna. Jekk aħna rridu nkunu qaddejja tal-komunjoni rridu allura nkunu nieħdu ħsieb xulxin b’diversi modi.

Hawnhekk niġi wkoll għad-djakonija. Ma jistax ikollok komunjoni ta’ veru mingħajr id-djakonija għaliex il-komunjoni ta’ veru tħares lejn il-persuna li għandha bżonn l-għajnuna  bħala opportunità partikolari, speċjali ta’ xhieda u ta’ mħabba. Il-komunjoni allura ssir espressjoni konkreta tal-imħabba u Pat għamlet anke riċerka, tatna biss ‘snapshot’ imma hemm riċerka validissima u detteljatissima fuq il-preżenza tal-kappillari tal-knisja, meta ngħidu il-knisja mhux il-kurja biss imma tant NGOs, tant koperaturi pastorali, tant għaqdiet, ordnijiet reliġjużi li qed ikunu ħmira ta’ tjubija, ta’ solidarjetà ta’ djakonija fis-soċjetà. Dan għandu jagħmilna mhux biss, mhux kwistjoni ta’ kburija imma jkun ta’ faraġ għalina.

Dwar il-parteċipazzjoni, jiena nixtieq nikkonferma l-proċess li għamilna f’dawn l-aħħar snin ta’ knisja waħda, vjaġġ wieħed. Wara kollox dak li ppreżentat anke Pat, ir-riċerka li saret kienet parti minn proċess fejn aħna nisimgħu ftit. Ma tistax inti titkellem dwar il-parteċipazzjoni jekk ma tiqafx biex tisma’ lil dak li jkun. Tisma’ mhux biss dak li jogħġbok imma anke dak li ma jogħġbokx. Kif tafu jiena parti mis-saċerdozju tiegħi kien ukoll li nisma’ ħafna weġgħat, weġgħat kbar u l-iżjed esperjenzi diffiċli kienu jkunu li nisma’ l-weġgħat tal-innoċenti u inti tħossok qisek ‘lightning rod’ jiġifieri inti ‘target’ ta’ rabja għax inti qed tirrappreżenta realtà li weġġgħet lil dak li jkun u tgħallimt li s-smigħ mhux faċli imma daqs kemm mhux faċli huwa effikaċi u terrapewtiku. Mela l-aħwa mhux nisimgħu lil xulxin biss meta jogħġobna dak li se nisimgħu, għandna bżonn nisimgħu l-karba tal-poplu tagħna, r-rabja tal-poplu tagħna b’mod speċjali li meta aħna nkunu l-kawża ta’ dak l-uġigħ ta’ dik il-karba.

Hemm bżonn għax dik l-umiljazzjoni twassalna għall-umiltà li taf tfisser maturità, is-smigħ ukoll tal-għatx li għandhom iż-żgħażagħ għax-xhieda tal-veru. Hemm bżonn nisimgħuhom liż-żgħażagħ, Christus Vivit (Kristu Jgħix), id-dokument li approva l-Papa Franġisku wara s-sinodu dwar iż-żgħażagħ jinsisti li aħna nisimgħu ż-żgħażagħ fejn qegħdin, mhux biex jibqgħu fejn qegħdin imma tiltaqa’ magħhom fejn qegħdin b’mod speċjali fid-dinja diġitali. Il-parteċipazzjoni hija faċilità ta’ llum bis-social media, imma għall-knisja għandha bżonn tibqa’ profezija tal-preżenza fiżika għal xulxin mhux biss fiċ-ċelebrazzjoni tar-ritwal tagħna imma anke f’dak kollu li toffri biex tlaqqa’ lill-bnedmin flimkien. Għaliex? Għaliex id-dinja virtwali li għandha l-preġju tagħha għandha wkoll element li huwa distanti, faċli forsi tgħid kelma ħarxa fuq xi ħadd jew lil xi ħadd minn wara ‘screen’ jew ‘monitor’ jew ‘smart phone’ imma meta tħares f’għajnejh fiżikament abbli tinduna li hemm demgħa li ma tkunx rajtha qabel. Għalhekk importanti ħafna li l-parteċipazzjoni fuq kull livell tkun ukoll parteċipazzjoni li tibqa’ umana li aħna nibqgħu ‘facilitators’ tal-laqgħa. Xi ħaġa oħra importanti ħafna, jiena naħseb li hija wkoll sinjal ta’ żminijiet, hemm bżonn ninvestu, ninvestu, ninvestu fil-formazzjoni ta’ kull imgħammed u imgħammda fis-sejħa tiegħu li jkun protagonist fil-ħajja tal-knisja mhux ‘on the receiving end’ imma protagonist, kulħadd skont is-sejħa tiegħu, skont il-kapaċitajiet tiegħu. Din hija xi ħaġa essenzjali, il-parteċipazzjoni trid tkun ta’ kulħadd għax kulħadd għandu don speċjali x’jaqsam mal-oħrajn. Jiena kienet timpressjonani l-użu tal-kelma ‘partecipazzione’ bit-taljan meta jagħtuk invit. Invit bit-taljan huwa ‘partecipazzione’ għax inti qed nistiednek biex tkun parti mill-ferħ tiegħi, mill-okkażjoni tiegħi. U allura l-parteċipazzjoni trid tkun ukoll din l-istedina, din l-istedina li mhux biss wieħed jgħix din il-vokazzjoni tiegħu imma wkoll kulħadd jgħix is-sejħa għall-ferħ li jġib l-irxoxt u fuq kollox il-paċi tiegħu.

Jiena kemm -il darba niltaqa’ ma’ reliġjużi għeżież tagħna u nitlobhom biex qabel xejn ikunu interċessuri, il-parteċipazzjoni mhijiex biss li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu imma hija li kulħadd ukoll jinterċedi għal xulxin. Hemm dimensjoni spiritwali tal-parteċipazzjoni. Allura meta jiena fit-talb tiegħi nħossni parti minn familja li qed titlob lil Alla, qiegħed ngħix ukoll din il-parteċipazzjoni, qiegħed nifhem li qed nidħol quddiem Alla għal sħabi, qed nipparteċipa fid-dulur tagħhom, fil-ferħ tagħhom, qed nesprimi l-gratitudni lejn Alla li ninterċedi għalihom quddiem Alla. Il-missjoni, tafu li fin-narrattiva tal-bidu tas-soċjetà tad-duttrina nisranija, Dun Ġorġ kienu krew ftit kmamar żgħar, mhux ‘il bogħod mill-knisja ta’ San Gejtanu l-Ħamrun u kien hemm wieħed li qabad qoxra tar-rummiena u fuq il-ħajt ta’ barra kiteb MUSEUM. Dun Ġorġ ta’ għaref li kien, minflok qalilhom hemmhekk x’għamiltu, qal: Idea tajba din, Museum. Magister, Unitam Sequatur Evangelium Universus Mundus.

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta: Ian Noel Pace

Kienet akkrostiku bħalma Bovril jista’ jkun akkrostiku jiġifieri akkrostiku. Din il-kelma Museum saret programmatika, xi ħaġa konkreta, idea ġenjali, ftit vandaliżmu Kattoliku graffiti u Dun Ġorġ qal: iva din tkun programmatika għalina, Mulej mhux li kien li d-dinja kollha ssegwi u timxi wara l-Evanġelju, mhux li kien (Utinam) li d-dinja kollha (Universus Mundus) isegwi l-Evanġelju. L-missjoni tagħna l-ewwelnett trid tkun ġejja minn dan l-innamerament mal-Evanġelju, mal-aħbar it-tajba. Meta ngħidu missjoni, imma missjoni, jien x’se nxandar? Inti xi tbiegħ Father? X’kontenut għandek? X’għandek x’toffrieli? Dwejjaq, antipatija, sikkatura, piż? Anke Ġesù rrabbja meta lill-Fariżej qalilhom intom tgħabbu lil dawn bil-piż u lanqas b’subgħa wieħed m’għandkom il-ħila terfgħuh. Bħalma jiena nirrabja meta aħna nsiru uccelli del mal augurio,  kollox negattiv, kollox ‘judgemental’, kollox kundanna, kollox infern, kollox dnub. Ovvjament jiena mhux qed innaqqas t-traġedja tal-ħażen imma l-atteġġjament tiegħi jrid ikun ta’ min iltaqa’ ma’ xi ħadd li l-ħażen rebaħlu. Li fdiena b’demmu u allura l-ħelsien li tana Ġesù jrid ikun dak li nwasslu bix-xhieda tagħna, bil-kelma tagħna, bil-paċi li hemm f’qalbna.

Il-missjoni tal-knisja hija missjoni straordinarja għax hija missjoni ta’ Ġesù, kif bgħattni missieri, hekk jien nibgħat lilkom. Qed jagħmilna kooperaturi tal-missjoni tiegħu. Jiena ma ġejtx biex nikkundanna d-dinja imma biex bid-dinja bija ssalva. Allura aħna rridu nwasslu bl-istrutturi tagħna, bil-kelma tagħna, bix-xhieda tagħna, bir-ritwali tagħna dan il-messaġġ straordinarjament sabiħ l-aħbar it-tajba. Mingħajr l-aħbar it-tajba, l-missjoni tagħna tkun filantropija, xi ħaġa vojta?

Le, aħna rridu nkunu entużjażmati bħalma kienu d-dixxippli ta’ Emmaws meta semgħu l-aħbar it-tajba mill-widna tal-imgħallem u qalu ma kinitx tħeġġeġ ġewwa qalbna waqt li konna qed nisimgħuh fit-triq. U x’għamlu? Telqu Emmaws u reġgħu lura lejn Ġerusalem u ltqajna’ mal-Mulej u rajnih fil-qsim tal-ħobż. Allura l-missjoni tagħna trid tkun ukoll il-mument fejn aħna b’ferħ kbir niltaqgħu biex aħna naqsmu l-ħobż, naqsmu l-ħobż tal-Ewkaristija, tal-kelma imma wkoll tal-imħabba.

Jiena nawgura wkoll li din il-mixja li qed nibdew u li qed twassalna għas-sinodu djoċesan jkollna dan l-entużjażmu. Ħa ngħidilkom ftit u nieqaf hawn u jkun il-ħsieb konklussiv tiegħi: x’inhi x-xewqa, l-ħolma tiegħi fuq is-sinodu djoċesan?

L-ewwenett nerġgħu napprezzaw mill-ġdid l-esperjenza straordinarja li beda l-Monsinjur Ġużeppi Mercieca bl-għajnuna ta’ Joe, llum l-Isqof Joe u li ħalliet patrimonju kbir mhux biss bl-istituzzjonijiet tad-djoċesi imma anke fl-atteġġjament tad-djoċesi. Hemm bżonn nerġgħu niskopru dak l-entużjażmu. Irridu wkoll nammettu li dak kollu li sar għandu bżonn l-aġġornament għas-sitwazzjoni attwali li hija totalment differenti jekk mhux totalment, ħafna differenti, demografikament, kulturalment, etikament, aħna qegħdin f’ambjent differenti. Jekk inti tqis li fit-2000 – 2003 kemm kienet importanti għalina l-pjattaforma diġitali  jiena niftakar l-ewwel ‘email address’ li kelli kien fit-2000. Illum mingħajr ‘email address’ ma tista’ tagħmel kważi xejn. Illum għandna l-AI ukoll, allura għandna realtà totalment differenti. Dak huwa aspett importanti ħafna imma wkoll il-kultura, il-gżejjer tagħna, l-ambjent anke fiżiku, il-ħolqien ta’ madwarna huwa trasformat u allura joħloq sfidi importanti li hemm bżonn nisimgħuhom u niddiskutuhom. Mela f’dawn l-ewwel snin mhux il-kwistjoni li jkollna risposti għalkollox, ma naħsibx li għandna jkollna din il-pretenzjoni li s-sinodu se jagħtina risposta għal kollox imma l-esperjenza fiha nnifisha għandha tkun esperjenza li tibniena u minn issa naħseb li l-esperjenza  ta’ konverżazzjonijiet spiritwali li kellna fis-sinodu fl-2003 u 20o4 li huma wkoll parti mill-esperjenzi tal-laqgħat djoċesani jeħtieġ li  nkomplu nibnu fuqhom.

Tajjeb  li l-parroċċi wkoll, interessanti ħafna wkoll, waħda mill-iscreens li urietna Pat, in-nies iħossu li l-parroċċa hija l-iżjed qrib tagħhom u hekk għandu jkun, mhux il-kurja , il-knisja hija qrib tiegħek permess tal-parroċċa, għalhekk ir-responsabbiltà  anke tal-kappillan.  Nixtieq insellem lill-kappillani tagħna għax ir-responsabbiltà  tagħhom hija l-privileġġ tagħhom, li jkunu l-knisja fil-periferija li tista’ tkun qrib ħafna tagħna imma l-ewwel li jiltaqgħu magħhom in-nies huwa l-kappillan. Allura hija verità  li jgħidulek il-kurja? Il-parroċċa, jiena jkolli bżonn xi ħaġa mhux għand il-kappillan immur? Dik hija realtà sabiħa, dik hija djoċesi, djoċesi hija l-parroċċi.

Nixtieq nirringrazzja lir-reliġjużi li għad għandhom  paroċċi f’idejhom bi sforzi kbar, b’responsabbiltà  kbira, b’sagrifiċċju kbir u għalkemm hemm bżonn li napprezzaw ħafna l-leadership tal-lajċi, jiena nixtieq ukoll li nitolbu għall-vokazzjonijiet.

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta: Ian Noel Pace

Insellem lis-seminaristi li għandna hawn illum, ħadt pjaċir ħafna li ġew ilbieraħ u llum u nitlobhom huma wkoll li waqt li jiddixxernu l-vokazzjoni tagħhom, jitolbu għall-vokazzjonijiet. Għandna bżonn vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża. Għaliex? Għax għandna bżonn l-Ewkaristija, għandna bżonn min jaħfrilna d-dnubiet tagħna, għandna bżonn min jagħti ħajtu għall-komunità bix-xhieda tas-saċerdozju, naħsbu kemm naħsbu, il-knisja tibqa’ essenzjali u ma nistgħux ma ntammbrulux f’widnejh lil Mulej għax hekk qalilna, itolbu mela, l-ħsad huwa kbir, il-ħaddiema ftit. Itolbu mela għal sid il-ħsad. (Mt 9:37). Kif nitlob ukoll ħafna għall-vokazzjonijiet għall-ħajja reliġjuża. Irridu nikkonfrontaw lilna nfusna anke fis-sinodu, nixtieq li jkollna l-opportunità  li fis-sinodu jkollna djalogu onest mar-reliġjużi li huma tant importanti fil-ħajja tad-djoċesi. Imma hija realtà li fin-numri qegħda tonqos u li qed tippreżenta lit-tessut tal-pastorali tagħna sfidi ġodda. Illum, dalgħodu, kont,  il-Kulleġġ tas-Sacred Heart, l-iskola tas-Sacred Heart, San Ġiljan biex jiċċelebraw il-mitejn u ħamsa u għoxrin sena mit-twaqqif ta’ din il-kongregazzjoni. Kien hemm żewġ sorijiet ovvjament imrikkbin bis-snin, l-istudenti għidtilhom mhux qed nagħmlu l-birthday tagħhom 225 għax kważi ftit inqas minn 225 imma jiġifieri dawn ilhom ma jkollhom vokazzjoni s-sorijiet tas-Sacred Heart mhux 225 years imma kważi.  Jiena niftakar kellna ħafna sorijiet tas-Sacred Heart minn Ħal Lija għax kellna kappillan, kull tfajla li tgħidlu nixtieq insir soru kien jibgħatha s-Sacred Heart. Kien recruiter tajjeb, ma nafx kinux jagħtuh commission imma nsomma ma tkunx taf. Nirringrazzja anke lir-reliġjużi nisa li għandna hawnhekk, is-sorijiet Dumnikani, is-sorijiet Franġiskani, qed nara lil Sister Nathalie, u sorijiet oħrajn. Nixtieq nirringrazzjakom tax-xhieda tagħkom.

Għandna preżenza wkoll ta’ reliġjużi li ġejjin minn barra minn Malta, il-komunitajiet reliġjużi tagħna huma wkoll xhieda ta’ inklużżjoni, anke għaliex u nixtieq nirringrazzjahom, is-sinodu se jkollu bilfors jitkellem fuq il-kura pastorali tal-kattoliċi li huma ġejjin minn barra minn Malta u mhumiex etnikament Maltin. Komunitajiet li ġejjin mill-Indja, mill-Filippini l-iżjed li huma qed jikbru fin-numru u anke li jagħtu xhieda sabiħa tal-fidi tagħhom. Nirringrazzja ħafna lir-reliġjużi li peress li huma networks mondjali u universali kapaċi jilqgħu reliġjużi minn barra minn Malta u jkunu ta’ strument ta’ inklużjoni għal dawn il-populazzjonijiet li qed ikunu ta’ servizz u huma servizz essenzjali. Aħna ormaj ma nistgħux nimmaġinaw il-ħajja tagħna mingħajr it-‘third country nationalists’. Jekk ikollhom jitilqu kollha, għada ma nsibuhomx, għiduli intom dawn is-servizzi min se jġorrhom? Altru parti mill-anatomija li semma’ Joe Ciappara lbieraħ.

Importanti ħafna allura aħna u nippreparaw għas-sinodu djoċesan, nippreparaw b’ċertu entużjażmu mhux nivvintaw kollox mill-ġdid imma ser nippruvaw naraw il-kelma li ntqalet b’tant entużjażmu ħamsa u għoxrin sena ilu, kif se tkun aġġornata llum.

Ovvjament aħna wkoll se nsegwu l-maġisterju tal-Papa Ljun XIV, u l-inizjattivi tiegħu għaliex huwa importanti li kif bdejt nixtieq nikkonkludi li aħna nħossuna membri ta’ familja kbira. L-aħħar kelma hija li nistedinkom biex flimkien fil-Ħadd tal-Familja Mqaddsa nikkonkludu flimkien is-Sena Mqaddsa, il-Ġublew tal-2025, ‘il quddiem wieħed jagħti iżjed dettalji imma tkun ħaġa sabiħa li aħna flimkien niċċelebraw fid-djoċesi, imbagħad il-Papa jikkonkludi mingħalija fis-6 ta’ Jannar, se jikkonkludi Ruma, imma aħna fid-djoċesijiet jiġi kkonkludat fil-Ħadd tal-Familja Mqaddsa. Tajjeb li nieħu l-opportunità biex minn issa nistedinkom għal dak l-avveniment djoċesan importanti.

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta: Ian Noel Pace

Nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom, nagħmlu kuraġġ lil xulxin u ma ninsewx li l-missjoni tagħna hija li aħna nġorru fil-qalb tagħna l-ferħ u l-paċi li jagħtina biss Ġesù

Il-paċi magħkom!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta