
L-inizjattiva LOGOS se torganizza diskussjoni fis-26 ta’ Novembru mis-6pm sat-8:30pm fil-librerija tas-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù, ir-Rabat dwar il-prekarjetà tax-xogħol u l-isfidi tal-ħaddiema barranin f’Malta, li jammontaw għal 25% tal-forza tax-xogħol.
LOGOS hi inizjattiva li tgħin fil-ħolqien ta’ spazji ta’ djalogu bbażati fuq il-messaġġ Nisrani biex iqawwi t-tama fis-soċjetà Maltija, filwaqt li taqra s-sinjali taż-żminijiet u tiddiskuti temi li jolqtu lill-bniedem tal-lum. L-għan ewlieni ta’ LOGOS hu li jqajjem kuxjenza permezz ta’ attivitajiet ta’ diskussjoni sabiex titwassal it-tama ta’ Ġesù Kristu, u tiġi protetta d-dinjità tal-bniedem fis-soċjetà.
Il-laqgħa li jmiss, bit-tema ‘Il-wiċċ moħbi tal-prosperità: skjavitù moderna’, se tfittex li tixħet dawl fuq kif nistgħu nagħtu d-dinjità lil dawk li qed ibatu f’silenzju. Id-diskussjoni ser tkun bil-Malti u se jikkontribwixxu Dr Katrine Camilleri u l-Għaqda tal-Malti. Wara, ser ikun hemm ħin ta’ mużika u atmosfera riflessiva, kif ukoll opportunità għal networking.
L-attività hija bla ħlas u miftuħa għall-pubbliku, b’mod speċjali għaż-żgħażagħ li jixtiequ jesploraw kif, permezz tad-djalogu nistgħu nfittxu t-triq ’il quddiem.
Min jixtieq jipparteċipa jista’ jirreġistra hawnhekk: https://forms.gle/hL4oRDzkzXjczZQD8




