Photo: Vatican Media

Qed tkompli l-preżenza ta’ Maltin u Għawdxin fid-diversi Ġublewijiet li qed jiġu organizzati f’Ruma għal kategoriji diversi.

Dun Andrè Zaffarese, Vigarju Episkopali għall-Kordinament Pastorali, fil-weekend li għadda mexxa delegazzjoni ta’ erba’ persuni li rrappreżentat il-Konferenza Episkopali Maltija fil-Ġublew għat-Timijiet Sinodali, li nżamm f’Ruma.

Barra l-laqgħa mal-Papa fl-Awla Pawlu VI, il-pellegrinaġġ fil-Bażilika ta’ San Pietru, u l-quddiesa tal-għeluq il-Ħadd, is-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu mmexxija mill-Kardinal Mario Grech ħasbet ukoll għal ġurnata ta’ formazzjoni li kienet tinkludi mument ta’ konverżazzjoni spiritwali fl-istil sinodali, kif ukoll diversi workshops relatati mat-tema sinodali.

Fi kliem Fr Zaffarese, “esperjenza bħal din li tlaqqgħek ma’ konferenzi episkopali mid-dinja kollha”, żgur tgħin lil żewġ djoċesijiet żgħar bħalma huma Malta u Għawdex biex jifhmu kif qed jitħaddem l-istil sinodali fil-Knisja universali.

Huwa rrimarka li numru ta’ inizjattivi li djoċesijiet oħra qed iniedu fid-dawl tas-Sinodu, fi gżiritna ilhom isiru, imma “tajjeb li ssir evalwazzjoni biex dawn l-istrutturi jibqgħu dejjem rilevanti”.

Aktar milli struttura, huwa fisser is-sinodalità bħala stil ta’ ħajja li trid tadotta l-Knisja biex tgħix il-vokazzjoni tagħha.

Fl-omelija tiegħu l-Ħadd, quddiem fuq elfejn parteċipant mill-konferenzi episkopali tad-dinja kollha miġbura bejn il-ħitan tal-Bażilika Vatikana, il-Papa Ljun fakkar illi “li nkunu Knisja Sinodali jfisser nagħrfu li l-verità ma nistgħux nipposseduha, imma nfittxuha flimkien, billi nħallu tmexxina qalb li titħasseb u tinnamra mal-Imħabba”.

“Dan jgħinna biex ngħixu b’fiduċja u bi spirtu ġdid qalb it-tensjonijiet li jkun hemm fil-ħajja tal-Knisja – bejn l-għaqda u d-diversità, it-tradizzjoni u l-ġdid, l-awtorità u l-parteċipazzjoni –, u nħallu l-Ispirtu jibdilhom, biex ma jsirux kontrappożizzjonijiet ideoloġiċi u polarizzazzjonijiet li jagħmlu l-ħsara”, wissa l-Papa.

Ilbieraħ filgħodu wkoll fi Pjazza San Pietru ġie ċċelebrat il-Ġublew tal-Edukaturi Kattoliċi, b’għadd ta’ edukaturi minn Għawdex u Malta preżenti taħt sema xemxi għall-quddiesa tal-Papa, li fiha ddikjara lil San John Henry Newman Duttur tal-Knisja.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Francesco Pio Attard