L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesu juża din l-espressjoni qawwija ħafna meta lil Pietru jikkonfermah fil-fidi li għadu kemm stqarr (ara Mt16: 18-19). Ħa nibdew minn dak li jgħid Pietru: “Inti l-Messija bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16). X’qiegħed jgħid Pietru? “Inti dak li konna qed nistennew għal sekli sħaħ; inti risposta għax-xewqat u x-xenqat tagħna. Mhux biss! Imma għax inti “bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16) – Alla tal-ħajjin mhux Alla tal-mejtin. U Ġesù jikkonferma din il-fidi, Li jesprimi Pietru f’isem id-dixxipli u f’isimna wkoll. U b’risposta juża din ix-xbieha qawwija: “inti Pietru – blata – u fuq din il-blata, jiena nibni l-Knisja tiegħi” (ara Mt 16:18).
Din ir-risposta ta’ Ġesù f’dan l-Evanġelju, hija silta minn dawk magħżula kull meta aħna nfakkru l-konsagrazzjoni ta’ tempju tal-ġebel, wara kollox aħna qegħdin f’dan it-tempju sabiħ tas-seklu 18, idjoma Barokka straordinarjament sabiħa, faċċata mill-isbaħ, li l-predeċessur tiegħi, l-Isqof Labini kkonsagra fil-31 t’Ottubru 1784. Ma’ wieħed mill-pilastri tal-Knisja tpoġġiet irħama li tfakkar l-istorja ta’ dan it-tempju, il-konsagrazzjoni tiegħu mill-Isqof Labini u l-kmand li dan l-avveniment jitfakkar fix-xahar t’Ottubru ta’ kull sena, u li aħna qegħdin nagħmlu hekk illum.
Imma meta Ġesù jgħid “jiena nibni l-knisja tiegħi” (Mt 16:18) qed juża it-tixbiha tal-bini għall-familja ta’ dawk li jemmnu fih. Aħna bil-Malti nużaw il-kelma ‘knisja’ kemm għall-komunità ta’ dawk li jemmnu, kif ukoll għall-binja. U dawn it-tnejn huma xbieha ta’ xulxin. Aħna niltaqgħu bħala familja li nemmnu, u niltaqgħu f’dan il-post qaddis. U aħna ‘knisja’. Knisja ġejja mill-kelma ‘tiġbor’. L-għerq tal-kelma ‘knisja’ ġej mill-azzjoni ta’ xi ħadd li qed jiġbor jew jiknes. Pereżempju kines kulma hemm quddiemu – bħar-riħ li jiknes kulma hemm quddiemu jew inti tiġbor it-trab – tiknes.

‘Knisja’, anki bl-Ebrajk ‘knessed’, ġejja minn dan l-għerq ‘li tiġbor flimkien’. Li tiġbor flimkien mhux għax il-knisja tfisser li aħna ta’ min jarmina imma għax aħna ninġabru flimkien, imsejħa mill-kelma t’Alla.
‘Knisja’ nużawha wkoll għall-binja għax il-binja hija l-post fejn tiltaqa’ l-Knisja. Mela l-binja ħadet l-isem miIl-poplu miġbur u mhux il-poplu miġbur ħa l-isem mit-tempju. Dan it-tempju qaddis insejħulu ‘knisja’ għaliex huwa t-tempju, huwa l-post fejn tinġabar il-knisja. U fil-liturġija sabiħa tal-konsagrazzjoni tal-knisja u l-anniversarju tal-konsagrazzjoni tal-knisja, ta’ kull sena nfakkru bħalma jgħid l-Appostlu Missierna San Pawl, li “aħna t-tempju t’Alla” (1 Kor 3:17) – kull wieħed minna bħala komunità u bħala membri ta’ Ġesù Kristu.
Ħin minnhom Ġesù jgħidilhom “ħottu dan it-tempju u fi tlett ijiem jiena nerġa’ ntellgħu” (Ġw 2:19). L-evanġelista jgħidilna, “kien qed jgħid għat-tempju ta’ ġismu” (Ġw 2:21). Il-ġisem ta’ Ġesù, fl-Evanġelju, ukoll jissejjaħ tempju. Mela ‘t-tempju’ jintuża għall-ġisem ta’ Ġesù, għall-Knisja, u għall-post fejn niltaqgħu biex nistqarru l-fidi tagħna u niċċelebraw l-Ewkaristija, insellmu lil min iħallina, u nilqgħu lit-trabi u l-Insara l-ġodda.

Madwar dan it-tempju qaddis illum, quddiem 12-il salib, li tpoġġew fl-1784, u li ġew ukoll imberkin u midlukin biż-żejt mill-isqof, hemm xemgħat mixgħula. Minn hawn u ftit ieħor, wara li jiena ninċensa l-artal, is-saċerdoti se jinżlu u jinċensaw il-pilastri fejn hemm dawk is-slaleb qaddisa. U waqt li qed jinċensaw, qed juru qima lil dan il-post qaddis, imma ukoll qed ifakkruna xi ħaġa importanti: aħna, li aħna tempji tal-Mulej, jistħoqqilna kull ġieħ. Aħna rridu nirrispettaw lil xulxin.
Tant hija għażiża din l-esperjenza tal-knisja, li fil-funerali s-saċerdot jinċensa l-fdalijiet tal-persuna għażiża li tkun ħallietna. U dak l-inċensar huwa l-aħħar turija ta’ qima li l-ġisem li huwa t-tempju tal-Ispirtu s-Santu. Aħna mbagħad inħallu dan il-ġisem bħal fosdqa – bħalma jagħmel il-farfett meta jtir mill-fosdqa tiegħu – u nibdew ngħixu quddiem Alla b’ġisem totalment differenti – glorjuż. Aħna u nħallu dik il-fosdqa hawnhekk, li mbagħad titmermer u ssir fix-xejn. Imma aħna u nitilqu lil din id-dinja, is-saċerdot f’isem il-komunità, lil dik il-fosdqa – il-katavru tagħna, isellimlu billi jinċensah ukoll, bħalma qed nagħmlu llum lill-ħitan ta’ dan it-tempju.

Kemm hi ħaġa sabiħa li meta aħna nitolbu f’dan it-tempju, u nippretendu ġustament li dan it-tempju ikun miżmum sabiħ u nieħdu ħsiebu, niftakru li aħna tempji ta’ Ġesù Kristu, tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej. Jekk inti, bl-imħabba tiegħek li għandek lejn Ħaż-Żabbar, lejn il-parroċċa tiegħek, tagħmel ħiltek biex dan it-tempju jkun u jibqa’ sabiħ, għandek ukoll taħdem, biex aħna nieħdu ħsieb xulxin, għax aħna t-“tempju ħaj tal-Mulej” (1 Kor 3:17).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Kron 5:6-10, 13; 6,2
Salm: 1 Kron 29:10-13b
Qari II: i Kor 3:9b-13, 16-17
L-Evanġelju: Mt 16:13-19




