L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-ewwel talba li l-Appostli għamlu fl-Evanġelju tal-lum tkun ukoll it-talba tiegħi u tiegħek. X’jgħidulu lil Ġesu l-appostli ħbieb tiegħu? X’jitolbuh? Ma jitolbuhx ħafna flus. Kieku intom titolbuh forsi ħafna ġugarelli jew ħafna logħob. Jgħidulu: “Kattar fina il-fidi” (Lq 17:5).
Imma din xi tfisser din it-talba? X’inhi l-fidi li l-appostli jixtiequ li tikber fihom?
L-ewwel nett biex ikollok il-fidi trid tagħraf li hemm xi ħadd iħobbok ħafna għaliex il-fidi tibda milli jiena nagħraf li Alla jħobbni, u meta nagħraf li Alla jħobbni jiena nafdah, nobdih u nħobbu. Jekk għalija Alla ma jfisser xejn, ma jistax ikolli l-fidi.
Il-fidi tibda milli jiena nifhem li jiena persuna, jien min jien, jien kif jien, li Alla jħobbni ħafna. Ftakruha din. Meta qabel torqod tkun tixtieq lil Alla tkellmu, għidlu: Jiena (għid ismek) naf li tħobbni, jiena nħobbok ukoll. Jiena nħobbok ukoll, dik hija l-fidi, li inti tirrispondi bi mħabba għall-imħabba li Alla għandu għalik.
Allura l-appostli huma u jitolbu lil Ġesù biex ikattar fihom il-fidi, qed jifhmu li dan huwa don sabiħ li jixtiequ li jkollhom iżjed minnu imma għandhom bżonn jitolbuh mill-Mulej: “kattar fina l-fidi” (Lq 17:5), kabbar fina l-għarfien ta’ kemm tħobbna, agħtina l-qawwa li nħobbuk lura.
Mingħajr ma nippretendu ħafna midalji u ħafna unuri, Ġesù mill-ewwel jgħallimna li għalkemm aħna se nħobbuh għax hu jħobbna ħafna, m’għandniex għalfejn nippretendu li dak li nagħmlu se nagħmluh għall-ftaħir tan-nies jew għall-unuri ta’ din id-dinja. Għallimna ngħidu: aħna għamilna dak li kellna nagħmlu. Anzi l-Evanġelju jispiċċa bi frażi qawwija. Il-qaddejja jgħidu: “Aħna qaddejja ma niswew għalxejn; għamilna dak li kellna nagħmlu” (Lq 17:10). Issa mhux veru ma jiswew għalxejn, għax huma importanti biex jaqdu lis-sid, biex id-dinja tkun aħjar. Imma qed jgħidu għamilna dak li kellna nagħmlu u dak għalina diġà ħlas.
Jiena nieħu pjaċir niftakar għeżież tfal fil-ġenituri tagħkom. Il-ġenituri tagħkom iħobbukom mhux għax se tgħidulhom grazzi, ġabukom fid-dinja jew min jieħu ħsiebkom, qed jieħu ħsiebkom, imma mhux qed jippretendu l-grazzi. Meta ngħidu grazzi, imma tkun ħaġa sabiħa ħafna, imma min qed jagħmel il-ġid ikollu ħafna paċi fil-qalb tiegħu jekk ma jippretendi xejn lura għax l-imħabba hija l-ħlas tagħha nnifisha.
Jiena kultant niltaqa’ ma’ ġenituri jifirħu għax it-tfal tagħhom marru tajjeb fl-eżamijiet jew meta tikbru, jekk Alla jrid nawguralkom li tiggradwaw. Immaġina l-ġenituri tagħkom, jew min jieħu ħsiebkom, kemm se jkunu ferħanin bikom u kburin, jibdew jgħidu lil kulħadd: ‘isma t-tifla gradwat, it-tifel ġab degree’. Ma’ kulħadd jgħidu, anke jkun hemm xi turist, jgħidulu bil-Malti avolja ma jkun qed jifhem xejn, tant ikunu ferħanin. U għalihom, f’dak il-mument jinsew is-sagrifiċċji kollha li jkunu għamlu basta raw lil uliedhom ferħanin, kuntenti, mixjin ’il quddiem.
Għamlu dak li kellhom jagħmlu u tant nies oħra. M’ilux kellna din it-traġedja ta’ erbgħa minnha, li waqt kienu barra minn Malta għad-divertiment sabiħ tagħhom sfaw fi traġedja u mietu. Laqatni ħafna r-rakkont tas-salvataġġ, tal-fdalijiet tagħhom għax jaħasra ma setgħux jiġu salvati. Kien hemm wieħed barrani, il-post kien il-Kroazja kif tafu, li għamel minn kollox biex jipprova jara jistax isalvahom. Għamel dak li kellu jagħmel. Imma r-rakkonti juru kemm għamlu bil-qalb, kemm-il darba nieżel fil-baħar u reġa’ tela jieħu n-nifs u jerġa’ jinżel biex jipprova jgħin lil dawn ħutna Maltin li kienu barra minn Malta. Hu mhux Malti, Kroat, x’aktarx Nisrani bħalna, imma dik mhux importanti għax ma nafux min hu eżatt.
Biex ikollok il-fidi trid tagħraf li hemm xi ħadd iħobbok ħafna għaliex il-fidi tibda milli jiena nagħraf li Alla jħobbni, u meta nagħraf li Alla jħobbni jiena nafdah, nobdih u nħobbu.
Imma impressjonatni din il-ħaġa, tant li anke fostna, aħna qed ngħidu xi ħadd mill-Kroazja, imma anke xi ħadd fostna. Hawn tant nies, b’mod speċjali dawk li qegħdin fis-servizzi tas-sigurezza tal-pajjiż, li jaqdu lill-pajjiż, mhux kollha jkunu għall-Ġieħ ir-Repubblika dawn fit-13 ta’ Diċembru – la għandhom isem u lanqas kunjom kultant, imma s-servizz li jagħtu jagħmluh bil-qalb u għalihom dik hija xi ħaġa li timlielhom qalbhom.
Mela żewġ affarijiet illum tfal: jekk trid li jkollok il-fidi agħraf li Alla jħobbok u meta tinduna li Alla jħobbok ikun iżjed faċli tafdah, tobdih u tħobbu. It-tieni: dak li għandek tagħmlu għamlu, anke fl-istudju. Tgħidli, issa li bdejna l-iskola se jkolli noqgħod attent/a u mhux ħsiebni f’li meta mmur id-dar kemm se nilgħab logħob. Uff issa jkollna l-homework. Mhux hekk, kollox f’ħinu. Mhux hekk jgħidulkom il-ġenituri u min jieħu ħsiebkom. Kollox f’ħinu, issa l-ħin li tagħmel il-homework u mbagħad ħin li tiekol anke l-ħaxix ukoll, avolja ma nħobbuhx, imbagħad inkunu ma’ sħabna. Kollox f’ħinu. Aħna u nibdew din is-sena flimkien fl-iskola, ftakruha din, kollox huwa importanti, kollox f’ħinu, u l-Mulej jimliekom bil-paċi u l-ferħ tiegħu.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ħab 1:2-3; 2:2-4
Salm: 94 (95):1-2,6-7,8-9
Qari II: 2 Tim 1:6-8,13-14
L-Evanġelju: Lq 17:5-10