Photo: Vatican News

Il-Papa Ljun tkellem dwar it-tama tiegħu għall-paċi fl-Art Imqaddsa huwa u jwieġeb lill-ġurnalisti li nġabru nhar it-Tlieta fuq barra ta’ Villa Barberini, kif saret drawwa għal dan l-aħħar xahar kull nhar ta’ Tlieta.

“Nittamaw li jaċċettawh; sa issa jidher li hi proposta realistika”, wieġeb il-Papa dwar il-pjan tal-paċi mfassal minn 20 punt li ppreżenta lill-White House l-President Amerikan Donald Trump, bl-approvazzjoni tal-Prim Ministru Iżraeljan Netanyahu.

Ljun XIV saħaq fuq l-importanza tal-waqfien mill-ġlied u li jiġu meħlusa l-ostaġġi, waqt li żied: “Hemm elementi interessanti ħafna… Nittamaw li l-Hamas jaċċetta dan fil-qafas fiż-żmien stabbilit”.

Rispett għan-nies

Dwar il-flotta ta’ vapuri li qed twassal l-għajnuna umanitarja lil Gaza, qalb tensjonijiet kbar, il-Papa semma d-diffikultà tas-sitwazzjoni, u nnota li “hemm xewqa li tiġi mwieġba emerġenza umanitarja reali”. Esprima t-tama tiegħu li “ma jkunx hemm vjolenza u li n-nies jiġu rrispettati”.

Ħidma għall-paċi

Dwar il-laqgħa msejħa mis-Segretarju għad-Difiża Amerikana Pete Hegseth ma’ mexxejja militari lesti għall-gwerra, fost l-oħrajn dwar l-użu ta’ armi nukleari, il-Papa kummenta: “Dan it-tip ta’ diskors hu tal-biża’”, għax juri li t-tensjonijiet qed jiżdiedu.

Dwar id-deċiżjoni tal-President Trump li d-dipartiment minn “Difiża” jsemmih “Gwerra”, il-Papa qal: “Nittamaw li hi biss rettorika”. Innota li dan juri stil ta’ gvern “li juża l-forza biex jagħmel pressjoni”, u żied: “Nittamaw li taħdem, imma li ma jkun hemm ebda gwerra; jeħtieġ naħdmu għall-paċi”.

Tama għall-klima

Lura l-Vatikan minn Castel Gandolfo lbieraħ, il-Papa waqt l-Udjenza Ġenerali ltaqa’ ma’ 400 mexxejja reliġjużi fiċ-Ċentru Mariopoli tal-Moviment tal-Fokolari għall-avveniment internazzjonali “Inkattru t-Tama għall-Ġustizzja fil-Klima”.

Fl-għaxar anniversarju tal-Enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato si’, il-Papa ppresieda ċ-“Ċelebrazzjoni tat-Tama”, li għaliha attendew esperti tal-klima, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u delegati istituzzjonali minn mad-dinja kollha.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Francesco Pio Attard