L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Il-ħaqq ikun bla ħniena għal min li ma jurix ħniena u l-ħniena tirbaħ fuq il-ħaqq” (Ġak 2:13). Din il-kelma qawwija mill-Ittra ta’ San Ġakbu tipprova tagħmel żwieġ bejn l-eżiġenzi tal-ġustizzja u l-ħniena. Din hi x-xewqa tiegħi għalikom, fil-bidu tas-Sena Forensi, għeżież membri tal-ġudikatura, staff tal-qrati tagħna, avukati.
Il-ġustizzja għandha l-eżiġenzi tagħha: li kulħadd jieħu dak li ħaqqu u li l-ġudikatur meta jiġġudika, kif jgħid ukoll San Ġakbu, ma jħarisx lejn l-uċuħ. Din hija l-eżiġenza tal-ġustizzja.
Nawguralkom bħalma kelli ċ-ċans nawguralkom f’tant okkażjonijiet bħal dawn, li għalkemm ikollkom tiffaċċjaw ruħkom ma’ sitwazzjonijiet avversarjali b’żewġ partijiet kontra xulxin, jew ir-Reppublika kontra akkużat/ kriminal, meta dak li jkun jiltaqa’ mal-ġudizzju u x-xogħol tagħkom, jiltaqa’ ma’ kelma ta’ għaqal, għerf, kuraġġ imma wkoll ma’ kelma ta’ verità. Jista’ jkun li toqrosni fil-laħam il-ħaj, imma jekk inkun onest miegħi nnifsi, kelma ta’ verità tibqa’ dejjem kelma ta’ verità. U biex il-ġudikant jasal għal dan ir-riżultat, intom tafu iżjed minni, irid jimxi skont ix-xjenza ġuridika li dejjem trid taġġorna lilha nnfisha u skont il-kuxjenza. Et ex scientia est conscientia (Mill-għarfien tiġi l-kuxjenza).
Il-kuxjenza hija dak l-istint komuni għall-bnedmin kollha, li jgħallimni nħaddan is-sewwa u nevita il-ħażen. Il-kuxjenza hija dik li tħallini nistrieħ mill-għemil tiegħi u li tħawwadni jekk l-għemil tiegħi ma jkunx sewwa għax il-kuxjenza hija wkoll proċess terapewtiku meta quddiem il-ħażen tiegħi nnifsi nitlef il-paċi. Il-kuxjenza, jekk mhijiex imtarrxa u mdallma għalkollox kif jista’ jiġrili wkoll, iċċanfarni bi ħlewwa imma fis-sewwa. L-awgurju tiegħi lilkom hija li l-kuxjeza tagħkom tagħtikom mistrieħ, serħan il-moħħ u paċi tal-qalb.
U hekk ukoll il-paċi tagħkom issir servizz lill-istat għax il-ġudikatura hija garanzija tal-istat tad-dritt u tal-ġustizzja. L-eżiġenza tal-ħniena tfisser li l-ġudikant jifhem li quddiemu m’hemmx files, karti u pendenzi bla tmiem imma persuni. Jekk il-ġudikant, hu u jagħti ġustizzja, ma jinsa qatt li qed jittratta mal-bnedmin ikun qed juri ħniena kbira.
Wieħed jista’ jkollu xi oġġezzjoni jew kritika għal xi sentenza tagħkom. Importanti li lkoll kemm aħna, għalkemm ikollna atteġġjamenti differenti, nifhmu li l-ġudikant għalkemm huwa bniedem bħal kulħadd, għandu qalb tal-laħam. Inħeġġiġkom sabiex tkomplu fil-proċess tagħkom li tassiguraw li l-ġustizzja issir, u ssir bla dewmien u bl-iżjed mod effikaċi. Nirringrazzjakom talli f’isem ir-Repubblika, iċ-ċiviltà tagħna tad-dritt, aċċettajtu dan ir-rwol diffiċli u kif inħobbu ngħidu, rwol ingrat imma utli u neċessarju.
Komplu kunu t-tarka tal-fqir kontra l-arroganti, it-tarka taċ-ċittadin kontra l-korruzzjoni, it-tarka tal-innoċenti kontra l-malafama u l-inġustizzja. Dakinhar li inti tiskaġuna bniedem innoċenti għamilt servizz għas-soċjetà tagħna bħalma meta bniedem ħati tajtu dak li ħaqqu. Nirringrajazzkom talli f’ħafna sentenzi tagħkom tħarsu lejn l-element uman mhux biss b’mod speċjali fil-kriminali tal-akkużat imma wkoll tal-vittma.
U anke fiċ-ċivil, nirringrazzjakom talli tippruvaw kemm jista’ jkun, b’mod speċjali fil-qrati tal-familja, ittaffu ġrieħi kbar li diffiċilment jinħelsu mit-trawma.
It-talba tiegħi, b’mod speċjali fil-kawżi tal-Qorti tal-Familja, hija li tieħdu dejjem ħsieb it-tfal u ż-żagħżagħ tagħna. Il-Mulej ukoll jagħtikom il-grazzja li qatt ma ssiru strumenti ta’ piki avvelenati u ħruxija bejn min kien iħobb ħafna lil xulxin u issa sar jobgħod ħafna lil xulxin. Faċli li l-istruttura u s-sistema li aħna nsejħulha tal-ġustizzja ssir strument ta’ pika u ħruxija t’akkużi infamanti, ta’ malafama.
Il-Mulej jagħtikom id-dawl tagħrfu bil-għaqal bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn il-motivazzjonijiet, u waqt li teżerċitaw il-funzjoni tagħkom li l-liġi tiġi eżegwita, ma tinsewx li intom m’intomx strumenti għamja tal-liġi imma qaddejja tal-ġustizzja.
Il-Mulej ikun id-dawl u l-għaqal tagħkom.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta