Waqt il-programm The Handbook fuq RTK103, Fr Charles Tabone qal li ħafna drabi qed inkunu medhijin bil-mobile u l-midja soċjali mgħaddsin rasna ’l isfel mingħajr ma nagħtu ta’ kas ta’ ħadd u lanqas nisimgħu lil min jipprova jkellimna.

Il-mistednin ta’ The Handbook ta’ din il-ġimgħa huma Fr Charles Tabone u Tezara Saliba. The Handbook jixxandar kuljum fuq RTK103 fil-05.30, fis-12:40, fis-19.20 u fid-21.30, kif ukoll fuq Facebook permezz tal-paġna The Handbook.

Silta mill-qari tal-lum
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa – Lq 16:19-31
Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu. U għolla leħnu u qallu: “Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar”. Iżda Abraham qallu: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by George Cassar