Waqt il-programm The Handbook fuq RTK103, Fr Reuben Gauci qal li t-tajjeb għandu prezz għoli u nibqa’ nagħmel it-tajjeb sakemm nibqa’ nħobb u nimbarazza ruħi għax qed inħobb.
Il-mistednin ta’ The Handbook ta’ din il-ġimgħa huma Fr Reuben Gauci u Silvana Cardona. The Handbook jixxandar kuljum fuq RTK103 fil-05.30, fis-12:40, fis-19.20 u fid-21.30, kif ukoll fuq Facebook permezz tal-paġna The Handbook.
Silta mill-qari tal-lum
Qari mill-Evanġelju skont San Mark – Mk 6:17-29
Bint Erodja daħlet tiżfen, u għoġbot lil Erodi u lill-mistednin tiegħu. Is-sultan qal lit-tfajla: “Itlobni kulma trid, u jien nagħtik kulma titlobni.” U qalilha u ħalfilha: “Titlobni x’titlobni, kollox nagħtik, imqar nofs is-saltna tiegħi.” Dik ħarġet u marret tistaqsi lil ommha: “Tgħid, x’nitolbu?” “Ras Ġwanni l-Battista,” weġbitha dik. Malajr reġgħet daħlet tgħaġġel quddiem is-sultan, talbitu u qaltlu: “Irridek issa stess tagħtini ras Ġwanni l-Battista fuq platt.” Tnikket għall-aħħar is-sultan, iżda minħabba l-ġurament u l-mistednin ma riedx jerġa’ lura mill-kelma li taha. Malajr is-sultan bagħat suldat minn ta’ madwaru u ordnalu li jġiblu rasu. Dak mar u qatagħlu rasu fil-ħabs; imbagħad ġiebha fuq platt u taha lit-tfajla, u t-tfajla marret tatha lil ommha.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by George Cassar