L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Għażiż Dun Matthew, int u tibda uffiċjalment il-missjoni tiegħek f’din il-parroċċa għażiża tal-Manikata ddedikata lil San Ġużepp, nitlob fuqek u għalik biex tkun leħen il-Mulej li jsejħilna għall-ħajja aħjar, li jagħmlilna kuraġġ ngħaddu mill-bibien dojoq tal-ħajja għaliex il-ħajja inżul u tlajja’. Ġesù ma jaħbix il-fatt li biex nimmaturaw fl-imħabba, biex nikbru fl-għotja tagħna nfusna, irridu ngħaddu mill-bieb id-dejjaq li kultant ifisser sforz, ċaħda u anke tbatija.
Jalla kull min jiltaqa’ miegħek u jħares lejk jiltaqa’ mas-sagrifiċċju u d-dedikazzjoni tiegħek u jinduna li int ukoll kull jum ta’ ħajtek qed tipprova tgħaddi minn dak il-bieb id-dejjaq. Għaliex inutli nippruvaw ngħaddu mill-bieb wiesa’ tal-illużjonijiet, ta’ nuqqas ta’ ħeġġa, tal-ħajja komda. Il-vuċi tiegħek soda, ma nafx jekk inti għandekx bżonn ta’ mikrofonu f’din il-knisja, u l-fatt li l-persuna tiegħek ftit itwal minn tal-isqof tiegħek, jagħmluk proprju sinjal li jarawh u jisimgħuh. Jalla leħnek isejjaħ lil kull wieħed u waħda minna biex nisimgħu l-kelma tal-Mulej li ċċanfarna għax tħobbna.
Jekk l-ittra lil-Lhud tispjega li l-missier kultant ikollu jikkoreġik, nitlob għalik biex il-poplu tiegħek meta int tgħidlu l-verità ma jiddarrasx imma jifhem li l-kelma tiegħek ħierġa mill-qalb ta’ missier. Imita lill-Missier li jitfa’ x-xita u jħeġġeġ ix-xemx tiegħu fuq it-tajbin u fuq dawk inqas tajbin, mingħajr ma jħares lejn l-uċuħ, imma l-għaxqa tiegħu hija li aħna l-bnedmin nisimgħu l-kelma ta’ Ibnu, ‘Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu leħnu’ u li nimxu wara ibnu l-għażiż.
Ġesù b’realiżmu kbir javżana li jixtieq li mhux biss nitħeġġu għall-espressjonijiet esterni tal-fidi tagħna, u min jaf kemm b’wiċċna minn quddiem lill-Mulej se ngħidulu: inti għallimt fil-pjazez tagħna, kilna u xrobna miegħek aħna. Imma hu jixtieq xi ħaġa iżjed: li minn din l-esperjenza esterjuri tal-fidi tagħna, li aħna tant nagħmluha b’ħeġġa, naslu wkoll biex il-qalb tagħna tikber fl-imħabba. Ma tibżax tgħaddi mill-bibien id-dojoq tal-ħajja.
Meta nipprova nifhem xi jfisser il-bieb id-dejjaq, ħafna drabi niftakar fil-ġenituri tagħna li b’sagrifiċċji kbar rabbewna, ħadu paċenżja bina u kkoreġewna. Niftakar f’tant nies li jiddedikaw ħajjithom għan-nies tagħhom li huma f’qiegħ ta’ sodda, jissagrifikaw ħajjithom biex l-imħabba tagħhom tkun imħabba konkreta. Dan il-bieb id-dejjaq tal-ħajja. Min biex ikun fidil fl-imħabba jiċċaħħad, b’tant manjieri, dak ukoll bieb dejjaq tal-ħajja. Imma wieħed jifhem li jekk motivat bl-imħabba, dan il-bieb id-dejjaq mhuwiex tad-dwejjaq. Jekk dak li tagħmel tagħmlu mingħajr imħabba, id-djuq isir dwejjaq; aħna nitolbu għal kull wieħed u waħda minna li meta l-ħajja turina l-bieb id-dejjaq, qatt ma jsir dwejjaq.
Għalhekk nitolbok Dun Matthew li inti b’ħajtek, bl-eżempju tiegħek, bil-kelma tiegħek, bl-entużjażmu żagħżugħ tiegħek, bid-don li Alla tak biex tħaddem id-dinja ġdida diġitali li min jaf il-Manikata kif se nsibha ħames snin oħra jien, jekk mhux f’ħames xhur oħra, sakemm jaħdmu l-affarijiet, imma nirringrazzjaw lil Alla tad-doni li tak.
Nitlob li dan il-poplu għażiż ikun ta’ sapport għalik u inti, li forsi tgħid ‘l-Isqof bagħatni hawn saċerdot waħdi’, qed nibagħtek għand poplu. Il-vokazzjoni tiegħek mhux li tkun eremita imma li tkun missier ta’ poplu li jħobbok għax jinduna li tħobbu. Il-qalb tiegħek imlieha bil-ferħ ta’ dan il-poplu, ħalli wkoll in-niket tiegħu jkun id-demgħa t’għajnejk, il-ferħ tiegħu, it-tbissima ta’ wiċċek.
Intom, nitlobkom għeżież membri ta’ din il-parroċċa ddedikata lil San Ġużepp, ħudu ħsieb is-saċerdot li qed nafdalkom biex jieħu ħsiebkom u tieħdu ħsiebu. Ħudu ħsiebu, agħmluli pjaċir u jiena nitolbu jieħu ħsiebkom.
Il-Mulej miegħek, ibni!
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-Quddiesa
Qari I: Iż 66:18-21
Salm: 116(117):1,2
Qari II: Lhud 12:5-7,11-13
L-Evanġelju: Lq 13:22-30
Ritratti: L-Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace