L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Għall-imħabba tiegħi” (Mt 16:25). Dan huwa l-kliem li jgħid Ġesù meta qed ikellem lid-dixxipli tiegħu, u huwa dak li jenfasizza Ġesù meta qed jitkellem fuq kif tkun dixxiplu tiegħu. Dak kollu li jsemmi, fl-aħħar mill-aħħar, huwa “għall-imħabba tiegħu”. Fil-fatt, ninnutaw mal-ewwel li Ġesù jagħmel stedina: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja…” (Mt 16:24). Mhijiex xi ħaġa li se jġagħlek tagħmilha bilfors, imma hija stedina. U bħalma għamel lid-dixxipli tiegħu, hekk jagħmel lilna wkoll, li aħna dixxipli tiegħu, u jistedinna biex dak kollu li nagħmlu jkun “għall-imħabba tiegħu”. Hawnhekk Ġesù jsemmi tliet affarijiet meta qed jitkellem fuq id-dixxipli tiegħu, u nixtieq li naraw x’ifissru għall-ħajja tagħna. Jgħid li għandu “jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja” (Mt 16:24)
X’jiġiferi tiċħad lilek innifsek? Dan ma jmurx kontra li bniedem iġib lilu nnifsu aktar ’il quddiem fil-ħajja? Ġesù hawnhekk qed jgħidilna biex aħna ma nħaddmux it-talenti tagħna, id-doni li Alla tana, u li allura ma nagħmlux ħilitna biex inkunu aħjar, biex nimxu ’l quddiem fil-ħajja? Mhux hekk qed jgħid Ġesù! Anzi, Ġesù jridna, bħalma jsemmi bnadi oħra, li aħna niżviluppaw it-talenti, id-doni li Alla tana għall-ġid tagħna, għall-ġid tal-familja tagħna, għall-ġid tal-oħrajn. U hija ħaġa sabiħa li aħna dejjem nixtiequ nkunu aħjar fil-ħajja. Imma li qed jgħid Ġesù hawn hu li hemm mumenti fil-ħajja fejn aħna rridu niċħdu lilna nfusna biex ngħixu sew. Immorru kontra dak li nħossu – biex ngħixu kif jixraq. Kultant ikun hemm din l-idea li int timxi kif tħoss, qisu kif tħoss huwa tajjeb. Mhux dejjem! Li qed jgħid Ġesù hu li hemm bżonn kultant li aħna mmorru kontra tagħna nfusna, din iċ-ċaħda, biex nagħżlu dak li hu sew.
Ħa nsemmi eżempju. Kultant ikun hemm min jgħid: “Tajtha xebgħa kliem lil dik!” Ara l-kuntrast, meta xi ħadd jgħidlek “gdimt ilsieni biex ma nweġġax lil ħaddieħor”. Tiċħad lilek innifsek tfisser li, fejn hemm bżonn, tigdem ilsienek biex il-kliem li tgħid ma jweġġax, ma jinsulentax, ma joħloqx diviżjoni. Iċ-ċaħda tagħna nfusna hija biex aħna ma nħallux dak li nħossu jikkmandana, imexxina hu. Dan għaliex jekk inħallu dak li nħossu jmexxina, nispiċċaw fi triq ħażina jew fi sqaq.
Ġesù jgħid ukoll: “min irid jimxi warajja għandu…jerfa’ salibu”. X’jiġifieri “terfa’ salibek”? Jiġifieri tkun lest tagħmel sagrifiċċju, u tkun lest ukoll li tgħix mumenti iebsa ta’ tbatija fil-ħajja tiegħek, u hekk tkun qed terfa’ salibek. Ġesù jgħidilna “terfa’ salibek”, mhux tilħaq salib ħaddieħor! Din hija importanti ħafna – li aħna nkunu lesti li nagħmlu dan is-sagrifiċċju. Issa hawnhekk irridu nkunu ċari u nifhmuh sew lil Ġesù. Terfa’ salib ifisser, veru, li inti tbati u li kultant tagħmel sagrifiċċju. Imma ma jfissirx li inti taċċetta sitwazzjoni ta’ abbuż. Jekk, per eżempju, inti vittma ta’ vjolenza domestika, “terfa’ salibek” ma jfissirx li tgħid: “dan huwa s-salib tiegħi!” u tieqaf hemm. “Terfa’ salibek” hemmhekk ifisser li int tieħu l-passi kollha biex toħroġ mis-sitwazzjoni ta’ abbuż – ma tħallix min isawtek, min iweġġgħek.
Min jagħmel abbuż, li tieħu l-passi hu s-salib tiegħek. Jekk int, per eżempju, responsabbli ta’ persuni u tara sitwazzjonijiet ta’ koruzzjoni, ta’ frodi, ta’ ħasil ta’ flus – terfa’ salibek ma jfissirx li tgħid “X’tista’ tagħmel? Dawn huma n-nies!”. Terfa’ salibek ifisser li tgħid: ma tistax tħalli sitwazzjoni ta’ abbuż, trid tieħu passi. Dak hu s-salib tiegħek, li tieħu passi neċessarji, biex ma tħallix sitwazzjoni ta’ abbuż tkompli. Għalhekk irridu nifhmu tassew dak li qed jgħid Ġesù – tefa’ salibek ifisser, tassew, tbatija u sagrifiċċju, imma biex tagħmel dak li hu sewwa.
Ġesù jgħidilna wkoll nimxu warajh. Id-dixxiplu huwa dak li jimxi warajh, għax nafu li hu r-ragħaj it-tajjeb li jmexxina fit-triq it-tajba. Meta nimxu warajh, nafu li mexjin sew. Anzi, għax nimxu warajh inkunu nafu wkoll meta nieħdu triq żbaljata li ma twassalniex biex fil-ħajja nkunu fil-paċi u kuntenti. Nimxu warajh ifisser li t-tagħlim tiegħu ngħożżuh, li ngħixuh, li nafu li hu dak li jmexxina fil-ħajja tagħna. Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja, ispirati minn din il-Kelma tiegħu li, għall-imħabba tiegħu, aħna nkunu tassew dixxipli li lesti niċħdu lilna nfusna, nerfgħu salibna u nimxu warajh.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta