L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Id-data ta’ din il-festa hija antika ħafna. Waħda mit-tradizzjonijiet l-iżjed interessanti hija li fid-29 ta’ Ġunju ta’ kull sena, fil-belt ta’ Ruma antika, kien ikun hemm l-anniversarju tat-tempju mibni lill-fundatur ta’ Ruma, Romulus, li r-Rumani mbagħad meta għamluh wieħed mill-allat tagħhom, f’Ruma pagana, kienu jsejħulu Quirino.

U l-anniversarju tal-bini mill-ġdid tat-tempju tiegħu ta’ dan l-alla Quirino mill-Imperatur Awgustu, kienet propja tiġi ċċelebrata fid-29 ta’ Ġunju. B’xi mod id-29 ta’ Ġunju, ir-Rumani kienu jsejħu din id-data bħala t-tlett ijiem qabel il-bidu ta’ Lulju. Kienet tfakkar il-fundaturi ta’ Ruma. U bħalma jiġri f’ħafna festi li niċċelebraw aħna l-Insara, l-ewwel komunità għammdet lil din iċ-ċelebrazzjoni popolari tal-fundaturi ta’ Ruma (kien hemm festi oħrajn, pereżempju, il-21 ta’ April, is-17 ta Frar, dawn kienu festi li jiċċelebraw t-twaqqif ta’ Ruma.)

Imma din il-festa sekondarja, biex ngħidulha hekk aħna bit-termini tagħna, saret importanti ħafna għall-Insara għaliex huma kellhom żewġ fundaturi oħra. Ma kinux Romulus u Remus. (Infatti Ruma ġiet imsejħa hekk wara li Romulus, li qatel lil ħuh it-tewmi, imbagħad waqqaf hu u ta l-isem tal-belt lilu nnifsu – Roma – minn Romulus.) Għalihom kienu żewġ appostli umli li kienu l-pedament il-ġdid tal-komunità ta’ Ruma, tal-komunità tal-fidi.

Sajjied mill-Galilija, Xmun bin Ġona (Ġesù sejjaħlu Kefas jew Petra jew Petrus bil-Latin – Pietru) u Fariżew għaref tal-Liġi, li bħala sengħa kien jagħmel it-tined, li kien jismu Sawlu u bħala ċittadin Ruman wkoll kien jismu Paulus (għax iċ-ċittadini Rumani kienu jieħdu wkoll isem Ruman). U Sawlu ta’ Tarsu, illum fit-Turkija, ħa l-isem ta’ Paulus, bħala ċittadin Ruman – Pawlu, l-Appostlu Missierna.  

Nitolbu biex bħala Knisja f’Malta jkollna dan l-istil ta’ ħajja: l-umiltà, nagħrfu d-dgħufija tagħna, u l-qawwa tal-ħniena ta’ Alla f’ħajjitna.

B’risposta għall-arroganza tad-dinja, għall-pedament ta’ Ruma imperjali, mibni fuq l-arroganza, fuq it-tradiment ta’ xulxin (xi ħaġa antika din) imma anke fuq il-mibegħda, f’dawn iż-żewġ appostli – pedament ġdid tal-Knisja ta’ Ruma – l-Insara ammiraw l-umiltà, il-lealtà u l-fedeltà, u anke l-imħabba.

San Ġwann Pawlu II kien iħobb jgħid: “Jekk taqra l-isem Roma bil-maqlub, hemm kelma waħda li tiskopri ‘amor’ – Roma, meta tara fil-mera, tikteb u taqra ‘amor’. U fuq dan il-pedament il-ġdid tal-Knisja f’Ruma, li hi dik li tippresiedi, li tagħti eżempju tal-imħabba. U l-isqof tagħha, is-suċċessur ta’ Pietru, huwa dak li jippresiedi l-Knisja fl-imħabba.

Illum qegħdin nagħmlu anke l-ġabra għall-missjoni tal-Papa Ljun XIV – nitolbu ħafna għalih. Din hi l-ewwel festa ta’ San Pietru u San Pawl għalih. Bħalissa fil-bażilika tal-Vatikan il-Papa Ljun qed jagħti l-palju (dik il-biċċa tas-suf imbierka mill-Papa li titqiegħed fuq il-qabar ta’ San Pietru u tingħata lill-arċisqof metropolita). Hija tifkira l-għaqda tal-isqof ma’ Pietru u s-suċċessuri tiegħu.

B’xi mod hi wkoll ir-relikwa ta’ San Pietru għax ġejja minn fuq il-qabar ta’ San Pietru ġewwa l-Vatikan. U l-Papa qed jagħti l-pallium, hekk jgħidulha din il-biċċa skufja tas-suf bl-islaleb suwed fuqha. Bħalissa qed jagħti din il-pallium lil diversi arċisqfijiet ġodda biex juri din l-għaqda li għandna fil-Knisja.

Illum nitolbu, mhux biss għall-Papa Ljun, imma biex aħna wkoll bħala Knisja f’Malta, ikollna dan l-istil ta’ ħajja: l-umiltà, nagħrfu d-dgħufija tagħna, u l-qawwa tal-ħniena ta’ Alla f’ħajjitna. Ngħixu b’fedeltà – Pietru u Pawlu, it-tnejn li huma, kienu dgħajfin u midinbin imma wrew fedeltà lejn Ġesù sal-aħħar, saċ-ċarċir ta’ demmhom. U fuq kollox f’dinja li għandha bżonn ħafna paċi, inkunu xhieda ta’ mħabba konkreta. Tkun din il-barka u t-talba tal-appostli Pietru u Pawlu fuqna, fuq id-dinja, fuq il-Knisja kollha.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 12:1-11
Salm: 33:2-9
Qari II: 2 Tim 4:6-8,17-18
L-Evanġelju: Mt 16:13-19

Aktar ritratti