L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Teżori f’din id-dinja” (Mt 6:19) u “Teżori fis-sema” (Mt 6:20). Dan hu l-kuntrast li jagħmel Ġesù fl-Evanġelju llum, li jibda bil-kelma qawwija “tgeddsux” – “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja” (Mt 16:9). X’jiġifieri meta Ġesù jgħid “tgeddsux”? Ma jridniex naħdmu, nirsistu, għalina u għall-familja tagħna? Le, mhux dan qed jgħid Ġesù, anzi lilna jagħtina l-messaġġ li huwa importanti li aħna naħdmu, nirsistu, biex inġibu ’l quddiem il-ħajja tagħna, tal-familja tagħna, u dawk ta’ madwarna.
Imma meta Ġesù jgħid “tgeddsux”, qed jgħid għal dik il-kilba biex ikollok, ikollok, u jkollok aktar – dik li hija r-regħba, li minħabba fiha mbagħad tispiċċa biex dik tkun il-preokkupazzjoni l-iktar importanti fil-ħajja tiegħek: kif se takkumula l-ġid. U nindunaw mal-ewwel kemm dal-messaġġ ta’ Ġesù hu differenti minn messaġġi oħra li kultant nirċievu, li qisu s-suċċess fil-ħajja huwa kemm ikollok ġid, kemm ikollok proprjeta, kemm tibni fil-għoli, kemm takkumula affarijiet. Qisu dak huwa s-suċċess! Ġesù qed jgħid: din hija illużjoni.
U jgħid għaliex. Jgħid: “kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid” (Mt 6:19). Qed jgħid Ġesù: kollox jispiċċa. U jekk ma jispiċċawx l-affarijiet, nispiċċaw aħna. Mela, ma hemm xejn li hu etern f’dawn l-affarijiet li nistgħu nakkumulaw. Jgħid aktar Ġesù: “fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu” (Mt 6:19). Mela qed jgħid: kultant il-preokkupazzjoni tagħna, meta jkollna ħafna, tkun kif se noqogħdu attenti għaliex jista’ jkun hemm min jisraqna, min jidħol biex jieħu affarijiet tagħna. Ġesu jgħid “jinfdu u jisirqu”, imma jista’ jkun anke serq minn taħt, u dak li jkollok jisparixxi. Isir preokkupazzjoni għall-ħajja tiegħek. U naturalment qed jgħid: xejn ma aħna se nieħdu magħna. Meta hu jsejħilna għall-ħajja ta’ dejjem, m’aħniex se nġorru l-affarijiet li nkunu akkumulajna hawn u ngħabbuhom magħna. Xejn! Nibnu kemm nibnu, ikollna kemm ikollna proprjetà u ġid, kollox se nħallu warajna.
U għalhekk Ġesù jgħid, imbagħad: “Ġemmgħu għalikom teżori fis-sema” (Mt 6:20). X’jiġifieri “teżori fis-sema”? Qed jgħid: aħna għandna naħsbu u naħdmu l-aktar għal dak li jibqa’, għal dawk il-valuri sbieħ tal-ħajja li ma tixtrihomx imma li tant huma importanti: l-imħabba, il-paċi, is-serenità, il-ħidma għall-ġustizzja, l-għajnuna għal min hu fil-bżonn. Qed jgħid Ġesù: hemm inkunu qed nagħmlu teżori fis-sema. Dan għaliex meta aħna, speċjalment, ngħinu lil min hu fil-bżonn – dawk huma t-teżori fis-sema.
Niftakru x’kien qalu, fl-Evanġelju skont San Mattew, kapitlu 25, meta kien qal fuq il-ġudizzju finali: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36) Ġesù qed jgħid: dawn huma t-teżori fis-sema – il-ġid li nagħmlu mal-oħrajn. U għalhekk Ġesù qed jgħid li l-aktar importanti fil-ħajja, u dak li se nieħdu magħna fil-ħajja ta’ dejjem, mhuwiex il-ġid li nakkumulaw hawn, imma l-ġid li nagħmlu mal-oħrajn, li nagħmlu ma’ dawk li huma fil-bżonn. Dak iva, dak se nsibuh, imbagħad, fil-ħajja ta’ dejjem.
Kemm hi importanti dil-kelma għalina li qed jgħid Ġesu, għal kull wieħed u waħda minna, li aħna ma ngħixux il-ħajja tagħna bl-illużjoni li dak li nistgħu ngeddsu hawn hu l-aktar importanti. U għalhekk it-talba li nixtieq nagħmel għalina llum hija: Mulej, għinna biex aħna nużaw tajjeb il-ġid li għandna, b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta