L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan l-Evanġelju minn San Luqa magħżul għal dawn il-ġranet li fihom niċċelebraw il-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, jispjegalna r-realtà kbira tal-Ewkaristija li hi l-qofol ta’ kull festa li nagħmlu. Meta ssir it-tħabbira tal-Għid fis-6 ta’ Jannar fl-Epifanija, jew inkella fil-Ħadd qrib l-Epifanija bħalma nagħmlu Malta u Għawdex, dakinhar fin-Noveritis jitħabbar l-Għid il-Kbir u hemm din il-frażi kull nhar ta’ Ħadd: il-komunità Nisranija tiltaqa’ biex tiċċelebra l-mewt u l-qawmien tal-Mulej.

Imma anke meta niċċelebraw il-festi ta’ Sidtna Marija u tal-qaddisin, aħna wkoll qegħdin niċċelebraw dan il-misteru kbir ta’ mħabba. Il-qofol ta’ kull festa hi l-Ewkaristija. It-talba tiegħi llum hija li kull min jaħdem u jissagrifika ruħu għall-festi sbieħ tagħna, ma jinsa qatt li l-qofol tal-festa hi l-Ewkaristija li fiha nfakkru l-mewt u l-qawmien tal-Mulej kif ngħidu wara l-konsagrazzjoni: “inħabbru l-mewt tiegħek Mulej, inxandru bil-ferħ il-qawmien tiegħek, nistennewk sakemm tiġi fil-Glorja”.

Imma wkoll għandna l-istedina qawwija biex aħna nieħdu sehem fit-tqarbin imqaddes. L-Evanġelju tal-lum jispjegalna li l-kuntest tat-tqarbin, tat-tkattir tal-ħobż hu antiċipazzjoni tat-tqarbin, l-ewwel nett hu l-fejqan. Ejjew nitolbu ħalli l-Ewkaristija u l-festi li niċċelebraw ma jinqediex bihom l-għadu biex ikissirna u jifridna imma jkunu festi sbieħ li jagħtuna fejqan.

Tgħiduli: qed toħlom! Imma jien naħseb importanti li nitolbu din it-talba kbira lill-Mulej Ġesù li fil-komunitajiet tagħna, il-festi jkunu mument ta’ fejqan. Mument ukoll fejn kulħadd iħossu milqugħ u li flimkien naqsmu l-ħobża kuljum kif għamel Ġesù meta ħa l-ħames ħobżiet u żewġ ħutiet u qassamhom lil kulħadd.

L-Ewkaristija mhijiex il-premju għat-tajbin, hi l-mediċina għad-dgħajfin. Hi l-ħobż tat-triq tagħna

“Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewluhom lin-nies.” (Luqa 9:16)

Il-ħsieb tiegħi llum imur kif għedt fil-bidu tal-quddiesa lil tant żgħażagħ, tant irġiel u nisa li jiddedikaw l-enerġija tagħhom għall-festi tagħna. Dan hu staġun importanti fil-qasam kulturali imma anke reliġjuż tagħna.

Il-Papa Franġisku kellu dejjem apprezzament għall-reliġjożità tal-poplu, għar-reliġjożità popolari. Jiena nitlob li l-festi tagħna ma jkunux okkażjoni li nitfixklu fihom imma li ninbnew fihom. Faċli tgħidha imma jiddependi ħafna minna. Nitolbu wkoll il-grazzja li l-komunitajiet ta’ barranin li qed jikbru fostna, (ngħidulhom barranin aħna għax mhumiex etnikament Maltin imma huma parti mit-tessut soċjali tagħna) jibdew iħossuhom ukoll midħla u anke milqugħin fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi tagħna, filwaqt li aħna nitgħallmu wkoll mill-espressjonijiet popolari u reliġjużi tagħhom.

Il-ħsieb tiegħi jmur ukoll dawn il-ġranet għal tant tfal li qed jirċievu lil Ġesù għall-ewwel darba. Jalla jsibu ambjent sabiħ li jilqagħhom. Jalla jkun hemm min jispjegalhom li t-tqarbina mhux l-ewwel darba imbagħad daqshekk, imma hi almenu ta’ kull nhar ta’ Ħadd jekk mhux ta’ kuljum u li t-tqarbina ġġib il-fejqan tad-dgħjufijiet żgħar tagħna u fejn nirrealizzaw li tfixkilna u għotorna bil-piż, nersqu lejn is-sagrament tal-qrar. Fejqan u ikel għar-ruħ.

L-Ewkaristija mhijiex il-premju għat-tajbin, hi l-mediċina għad-dgħajfin. Hi l-ħobż tat-triq tagħna. Għalhekk aħna u nitolbu li minn hawnhekk nibdew nantiċipaw il-festa ta’ dejjem li hi l-ġenna, nitolbu għal kull min jieħu sehem fil-festi tagħna biex il-Mulej iħarishom u fl-istess ħin iressaqhom lejh.

Ejjew nitolbu flimkien l-aħwa issa f’dan il-mument għal dawk kollha li b’ġenerożità kbira jagħtu l-enerġija tagħhom għall-festi tagħna. Nitolbu!

Nitolbu għaż-żgħażagħ tagħna, għat-tfal tagħna li f’dawn il-ġranet qed jirċievu s-sagrament tal-Ewkaristija, tat-tqarbin imqaddes biex il-Mulej jagħtihom faraġ u jagħtihom il-grazzja li jkollhom eżempji sbieħ.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 14:18-20
Salm: 109 (110):1,2,3,4
Qari II: 1 Kor 11:23-26
L-Evanġelju: Lq 9:11b-17

Aktar ritratti