L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Din is-silta verament qasira tal-Evanġelju llum turina xi ħaġa importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Turina xi jfisser meta ngħidu li Ġesù hu r-ragħaj it-tajjeb tagħna.
Jagħraf, jagħti l-ħajja, jipproteġi
Ħa nsemmi tliet punti fuq Ġesù r-ragħaj. L-Evanġelju jgħid li hu jagħraf in-ngħaġ tiegħu, li hu jagħtihom il-ħajja ta’ dejjem, u li hu jipproteġihom. Hu sabiħ meta niftakru li dan hu Ġesù għalina, għall-ħajja tagħna. Huwa dak li lilna jagħrafna, jaf min aħna, meta jħares lejna ma jarax biss folla nies, imma jaf kull wieħed u waħda minna sa fil-qiegħ tal-qalb tagħna; huwa dak li lilna jagħtina l-ħajja, u l-ħajja ta’ dejjem, li tfisser li mal-mewt ma jispiċċax kollox imma nkomplu għall-ħajja ta’ dejjem, imma wkoll hi din il-ħajja ta’ dejjem tibda minn hawn, bil-mod kif ngħixu hawn; u li hu jipproteġina, fil-fatt jgħid “min idejja ma jaħtafhomli ħadd” (Ġw 10:28).
Hi din il-protezzjoni li tant hi sabiħa għall-ħajja tagħna. Nafu li jekk ngħaddu minn żmien diffiċli, minn esperjenzi ta’ tbatija u ta’ tfixkil, nafu li hemm xi ħadd li qiegħed magħna, li miexi magħna, li jipproteġina fil-ħajja tagħna.
Nisimgħu leħnu, nimxu warajh, nafdawh
Imbagħad l-Evanġelju jsemmi dak li għandna nagħmlu aħna meta jkollna lil Ġesù, ir-ragħaj it-tajjeb tagħna. Jgħid li aħna għandna nisimgħu leħnu, nimxu warajh, u li nafdaw tassew fil-protezzjoni tiegħu.
Nafu kemm tiswa ta’ ġid għall-ħajja tagħna li aħna nisimgħu leħnu u nimxu warajh, u li nafdaw dejjem fih. Nafu kemm dan hu importanti għalina, għax aħna qegħdin f’dinja, f’ambjent – li dejjem kien hekk, mhux għax qegħdin fis-sena 2025, imma llum inħossuh aktar – fejn madwarna jkun hemm ħafna ilħna differenti, ħafna minnhom b’influenza fuq il-ħajja tagħna.
Meta ngħidu li nisimgħu leħnu, ifisser li nħallu lilu jmexxina, inħallu lil Ġesù li jurina dak li hu l-iktar importanti, inħallu lilu li jagħti sens lill-ħajja tagħna qalb il-ħafna ilħna li nisimgħu.
Leħnu jfakkarna fl-għożża tal-ħajja
Ħa nsemmi eżempju wieħed li hu attwali u jgħodd ħafna għal żmienna.
Ġesù jurina – kif smajna diġà l-messaġġ fil-bidu tal-quddiesa – kif aħna għandna dejjem ngħożżu l-ħajja umana mill-ewwel mument tagħna, mit-tnissil, sat-tmiem naturali tagħha. Bħalissa għaddejja diskussjoni, li wieħed jista’ jipparteċipa fiha, biex min ikun wasal fl-aħħar sitt xhur ta’ ħajja, u baqagħlu biss dawn ix-xhur, jekk ikollu marda terminali, ikun jista’ jitlob lil xi ħadd jgħinu biex itemm ħajtu, biex joqtlu.
Aħna nafu li ma’ kulħadd, speċjalment ma’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli, u qegħdin ibatu, u ma’ dawk li qegħdin fl-iktar mumenti fraġli, fi stadju kritiku, speċjalment viċin il-mewt, aħna għandna ndawruhom bl-imħabba, bil-għożża, bil-kura neċessarja biex jittaffa l-uġigħ. Inkunu magħhom bis-sapport tagħhna u qatt ma nabbandunawhom. Qatt ma nwasslu messaġġ li l-ħajja tagħhom ma tiswiex, għax huma qegħdin fl-aħħar mumenti tal-ħajja tagħhom.
Imma nafu li Alla qalilna “la toqtolx”. U dan ifisser li la int ma tista’ toqtol u lanqas tkun kompliċi fil-qtil ta’ ħaddieħor. Ifisser li t-tmiem tal-ħajja mhuwiex f’idejna, m’għandniex inkunu aħna li nġibu fit-tmiem il-ħajja tagħna jew ta’ ħaddieħor. Jekk aħna nieħdu f’idejna dan, inkunu qed immorru direttament kontra dak li jrid Alla.
Aħna għandna dejjem nuru s-sapport u l-għożża, u nuru li l-ħajja tiswa, anke fl-iktar mumenti diffiċli, fl-aħħar mumenti, imma qatt ma nħarsu lejn il-qtil bħala soluzzjoni għat-tbatija.
Leħnu qalb ilħna differenti
Dan ifisser meta ngħidu li nisimgħu leħen il-Mulej u nagħtu widen għal dan il-leħen, u nagħmlu dan anke qalb ilħna differenti li nisimgħu. Nitolbu lill-Mulej biex ikun dejjem ir-ragħaj it-tajjeb tagħna li jmexxina fit-triq tas-sewwa, li anke fl-iktar mumenti ta’ tbatija, nafu li dejjem jakkumpanjana, jipproteġina u jimliena bl-imħabba tiegħu. Nafu li miegħu mexjin dejjem fit-triq it-tajba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta