L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Marru rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn” (Ġw 21:3). L-Evanġelju skont San Ġwann illum jippreżentalna din ix-xena ta’ dawn id-dixxipli ta’ Ġesù li, wara l-mewt u l-qawmien tiegħu, kienu għadhom konfużi, qishom ma jafux x’jaqbdu jagħmlu. U reġgħu lura għall-ħajja normali tagħhom – ħafna minnhom kienu sajjieda. Għalhekk, meta Pietru qal li sejjer jistad, dawn iddeċidew li jmorru miegħu. Imma l-Evanġelju jgħidilna li marru rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.

Ħa nħarsu ftit lejn tliet mumenti ta’ din is-silta li għadna kif smajna, u naraw il-messaġġ sabiħ li jagħtina hawnhekk l-Evanġelju għal ħajjitna.

L-ewwel nett, naraw lil dawn id-dixxipli, li għamlu li setgħu, u ħafna minnhom kienu esperti fis-sajd, jagħmlu lejl sħiħ jistadu u ma qabdu xejn. Imbagħad, ikun hemm Ġesù, li għall-bidu ma għarfuhx, u jgħidilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa, u ssibu” (Ġw 21:6). U dawn – minkejja li Ġesù ma kienx sajjied u huma kienu – għall-kelma tiegħu għamlu kif qalilhom hu. L-Evanġelju jgħidilna li mhux biss qabdu l-ħut, kif kienu xtaqu li jagħmlu meta ħarġu hemmhekk bid-dgħajsa, imma tant qabdu ħut li x-xibka mtliet u kellhom ikaxkruha għax-xatt.

Nagħtu każ tal-Kelma tiegħu

X’naraw f’dan l-ewwel kwadru ta’ din is-silta? Kemm tagħmel differenza l-preżenza ta’ Ġesù ħaj f’ħajjitna! Hawnhekk id-dixxipli setgħu jifhmu d-differenza li għamlet. Qabel, kienu qed jagħmlu l-isforzi tagħhom u ma kellhomx riżultat; imma għax semgħu l-kelma ta’ Ġesù, kellhom mhux biss riżultat tajjeb imma l-aqwa riżultat – għax semgħu l-kelma ta’ Ġesù u għamlu kif qalilhom hu. Din narawha kontinwament fl-Evanġelju: id-differenza li tagħmel il-preżenza ta’ Ġesù u li nisimgħu l-kelma tiegħu.

L-ewwel messaġġ importanti għal ħajjitna hu dan: li aħna jkollna qalbna miftuħa għall-kelma ta’ Ġesù; u li, kif nagħrfu li qed jitlob minna xi ħaġa, nagħmluha. Kultant ma jitlobx minna affarijiet kbar – bħalma hawnhekk qalilhom jibdlu d-direzzjoni, iwaddbu x-xibka n-naħa tal-lemin. Ma kinetx xi ħaġa ta’ barra minn hawn! Imma kienet tiswa li semgħu l-kelma ta’ Ġesù! L-istess f’ħajjitna. Tiswa ħafna meta aħna nieħdu bis-serjetà l-kelma ta’ Ġesù u nagħmluha. Nindunaw li din dejjem tħalli l-frott, u frott b’abbundanza. Il-ġid li tagħmel għalina u għall-oħrajn ikun ġid kbir.

L-isforzi tagħna meħtieġa

Ħa nħarsu lejn mument ieħor ta’ din is-silta, meta dawn qabdu l-ħut u issa resqin lejn ix-xatt. U x’innutaw? Iħarsu lejn dal-bniedem, lejn Ġesù, u jinnutaw li hemmhekk Ġesù diġa għandu xi ħut, qiegħed fejn in-nar jipprepara. Jgħidilhom “ejjew kulu” (Ġw 21:12). Ġesù diġà pprepara kemm il-ħut u ftit ħobż fuq il-faħam jaqbad. U jgħidilhom: issa ġibu xi ħut milli qbadtu ħa nieklu flimkien.

X’ninnutaw hawnhekk? Ġesù kellu hu stess il-ħut u xi ftit ħobż. Imma ried li dawn id-dixxipli tiegħu jagħmlu ħilithom fid-direzzjoni li jgħidilhom hu, u jgħaqqad flimkien imbagħad dak li pprepara hu ma’ dak li qabdu huma. Din kienet l-esperjenza tad-dixxipli ta’ Ġesù – li hu diġà jieħu l-inizjattiva u jipprepara xi ħaġa, imma jrid l-isforz tagħhom, u jgħaqqad flimkien dak li pprepara hu mal-isforz tagħhom, mal-ħidma tagħhom.

L-istess f’ħajjitna. Ġesù jrid li aħna nagħmlu l-ħidma tagħna, l-isforz tagħna, fid-direzzjoni li jgħidilna hu. Imbagħad nindunaw li hu diġà ħejja affarijiet sbieħ għalina, u jgħaqqad flimkien dak li ħejja għalina hu mal-ħidma u l-isforz tagħna u flimkien jagħmel minnhom xi ħaġa tassew sabiħa. Hawnhekk, lil dawn id-dixxipli Ġesù seta’ qalilhom: intom ma qbadtu xejn, ejjew issa ħa nipprovdi jien, la intom għamiltu lejl u ma qbadtu xejn. Mhux hekk għamel. Qalilhom biex jagħmlu l-isforz tagħhom f’direzzjoni oħra u jgħaqqad il-ħidma tagħhom ma’ dak li pprepara hu. Hekk jagħmel Ġesù fil-ħajja tagħna.

Servizz immexxi mill-imħabba

Fl-aħħar parti tal-Evanġelju, hemm id-djalogu sabiħ ħafna bejn Ġesù u Pietru. Jistaqsih għal tliet darbiet: “Tħobbni int?” (Ġw 21:15.16.17) Nafu li Pietru lil Ġesù kien ċaħdu għal tliet darbiet. Imma hawnhekk Ġesù ma joqgħodx ifakkru: x’għamiltli, ftakar li inti ċħadtni. Ma joqgħodx jgħidlu dawn l-affarijiet, imma jagħtih l-opportunità li jfiq u jinħeles mid-dnub tiegħu bi tliet dikjarazzjonijiet ta’ mħabba: “Mulej, inti taf li nħobbok” (Ġw 21:15.16.17). Hemmhekk Ġesù jerġa’ jafdalu l-missjoni, jurih il-fiduċja minkejja dik l-esperjenza kerha tal-Passjoni. Jagħtih il-fiduċja mill-ġdid, jgħidlu: irgħa l-ħrief tiegħi…irgħa n-nagħaġ tiegħi. Qed jgħidlu: din il-missjoni agħmilha ispirat u mmexxi mill-imħabba.

Ġesù jfakkru f’xi ħaġa importanti. Jgħidlu: irgħa n-nagħaġ, il-ħrief “tiegħi”. Ma jsirux tiegħek għax issa qed taħdem f’din il-missjoni. Jibqgħu “tiegħi” – ta’ Ġesù.

Kemm hu sabiħ dan, speċjalment meta qegħdin tlett ijiem qabel jibda l-Konklavi. Il-Papa l-ġdid irid ikun suċċessur ta’ Pietru f’dan: immexxi mill-imħabba, lest li jagħti ħajtu tassew f’din il-missjoni li jirgħa n-nagħaġ u l-ħrief ta’ Ġesù.

Imma dal-kliem jgħodd għalina wkoll, għal kull wieħed u waħda minna. Ġesù minna jrid li nkunu dejjem motivati mill-imħabba lejh u nuru l-imħabba lejh billi nservu lill-oħrajn. Tkun din li tmexxina: l-imħabba lejh timbuttana, tmexxina, biex aħna naqdu lill-oħrajn b’dan l-ispirtu li jsemmi Ġesù.

Nitolbu lill-Mulej illum biex jagħtina din l-imħabba kbira. Jgħinna biex niftakru li l-preżenza tiegħu magħna tagħmel id-differenza kollha f’ħajjitna, ngħaqqdu l-isforzi tagħna ma’ dak li jipprepara hu għall-ħajja tagħna, u nitolbuh biex aħna dejjem inkunu mmexxijin minn din l-imħabba lejh li tgħinna biex naqdu lill-oħrajn bl-imħabba kif uriena dejjem hu.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta