L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fl-Evanġelju skont San Ġwann dwar il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-aħħar kelma ta’ Ġesù hi “kollox hu mitmum” (Ġw 19:30) u l-evanglista juża l-verb għażiż ‘radd’ – “mejjel rasu u radd ruħu” (Ġw 19:30).
Li trodd ruħek tfisser li r-ruħ u l-ħajja tiegħek titlaqhom totalment f’idejn il-Missier.
F’din il-kelma għażiża tal-Evanġelju skont San Ġwannn, hemm ukoll dak li tlabna fis-salm responsorjali llum, “Missier, nerħi ruħi f’idejk” (Lq 23:46).
Il-Mulej Ġesù, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem u sid il-bniedem, jerħi ruħu f’idejn il-Missier, irodd ruħu lill-Missier.
Għall-passjoni ħarxa tiegħu, nitolbu l-grazzja li aħna nkunu soċjetà u kultura li tirrikonoxxi lil Alla bħala s-sid ta’ kull ħajja.
Nitlob lil Alla jeħlisna mit-tentazzjoni kbira li nqisu lilna nfusna s-sid tal-ħajja ta’ xi ħadd jew tagħna nfusna, la fil-bidu tagħha, la matul il-ħajja ta’ dak li jkun, u lanqas fi tmiemha.
It-tentazzjoni moderna hi li f’isem kompassjoni falza, ngħinu lil xi ħadd jieħu ruħu b’idejh jew noqtluh, u nsejħulha mewta tajba, ewtanasja. Illum, f’ġieħ il-passjoni ħarxa ta’ Ġesù, solennement nitlob lil Alla biex iħarisna minn din it-tentazzjoni u biex nakkumpanjaw kull ħajja umana u ntaffulha t-tbatija, imma qatt u qatt ma neħduha b’idejna jew inwasslu lil xi ħadd deliberalment għall-mewt.
“Missier, nerħi ruħi f’idejk.”
Agħtina l-grazzja li aħna nkunu flimkien fit-tbatija ta’ xulxin imma qatt u qatt ma nċedu għat-tentazzjoni li nagħmluha ta’ sidien tal-ħajja tagħna jew ta’ ħaddieħor.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 52:13-53:12
Salm: 30 (31):2,6,12-13,15-16,17,25
Qari II: Lhud 4:14-16; 5:7-9
L-Evanġelju: Ġw 18:1-19:42