L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Illum qed infakkru waħda mill-aktar ġranet speċjali fil-ħajja ta’ Ġesù – lejla qaddisa  li tkellem direttament lill-qalb tagħna, aħna min aħna. Tkellem lilna lkoll, u għandha tifsira kbira f’post bħal dan. Ħamis ix-Xirka mhuwiex dwar glorja jew setgħa. Mhuwiex dwar ħakma u poter. Huwa dwar l-imħabba, is-servizz, u t-tama li tinfed anke l-aktar rokna mudlama ta’ ħajjitna.

F’dan il-lejl, Ġesù qasam ikla mad-dixxipli tiegħu, l-iktar ħbieb qrib tiegħu. Imma Ġesù, li jagħraf il-qalb, kien jaf li fost dawn il-ħbieb wieħed kien se jittradih, ieħor kien se jiċħdu, u oħrajn kienu se jabbandunawh fil-mument tal-prova. Għalkemm kien jaf dan kollu, ried li jiltaqa’ magħhom ilkoll f’ikla.

Ħasda kbira

Mhux biss iltaqa’ magħhom f’ikla. Iktar minn hekk, waqt l-ikla, f’mument ta’  ħasda kbira għalihom ilkoll, niżel għarkupptejh jaħslilhom saqajhom – is-saqajn ta’ kull wieħed minnhom. Tistgħu timmaġinaw dan? Fl-Evanġelju naqraw fuq Ġesù li “l-Missier tah kollox f’idejh, u hu kien ġej mingħand Alla u kien sejjer għand Alla” (Ġw 13:3). Imma eżatt wara dan il-kliem, jgħidilna li Ġesù neħħa l-mantar, libes il-fardal, u niżel jaħsel saqajn it-tnax. L-Iben ta’ Alla, għarkupptejh, ineħħi t-trab u l-ħmieġ minn saqajhom. L-ebda ġudizzju ma jgħaddi fuq dawn id-dixxipli. Sempliċiment juri mħabba, juri ħniena.

Imma dak l-att tal-ħasil tas-saqajn ma kienx dwar saqajn indaf. Kien dwar qalb mimlija mħabba. Kien dwar kif turi li l-imħabba vera hi umli, lesta sservi lil kulħadd, anke lil min ma jistħoqqlux. Ġesù ma warrabx il-midinbin; niżel għarkupptejh quddiemhom.

U din hi l-imħabba u din il-ħniena li joffri anke hawn, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, lil kull wieħed u waħda minnkom.

Jingħata għalik

Innutaw kif l-Aħħar Ċena ma kinitx sempliċement ikla tal-aħħar, ikla ta’ tislima. Kienet, fil-fatt, il-bidu ta’ patt ġdid, ta’ wegħda ssiġillata f’ġismu u demmu stess. Kif jgħid Ġesù fil-kliem li aħna familjari miegħu għax niċċelebrawh f’kull quddiesa: “Dan huwa ġismi li jingħata għalikom”, “Dan huwa demmi li jixxerred għalikom”. Il-ġest tal-ħasil tas-saqajn qed juri dan, u l-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib iġibu dal-kliem fis-seħħ. Għalik, għal kull wieħed u waħda minna; anke għall-ħatja, dawk minsija. Il-ġisem ta’ Kristu nkiser għalik.

Forsi tħossok bħallikieku d-dinja warrbitek. Forsi ġġorr toqol, uġigħ, jew rabja. Imma Ħamis ix-Xirka jgħidlek dan: Ġesù jara lilek. Hu jinżel ħdejk. Joffrilek ġismu, demmu, u l-imħabba tiegħu. Mhux għax ħaqqek, imma għax inti tiegħu, u għax iħobbok bi mħabba kbira.

Libertà li tagħtik fejqan

Hawnhekk fil-Faċilità Korrettiva, Ġesù jiġi biex jagħti libertà partikulari – libertà li ebda ħajt tal-ħabs ma jista’ jżomm. Libertà mill-passat li żżommok marbut. Libertà mill-qtigħ ta’ qalb, mid-disperazzjoni. Libertà li tagħtik fejqan.

Illum, hekk kif infakkru dik il-kamra ta’ fuq, dik il-lenbija sempliċi tal-ilma, u dik il-mejda qaddisa, nistiednek tiftaħ qalbek. Ħalli lil Kristu jservik. Ħallih jgħinek biex ma tibqax imwaħħal fil-passat. Ħallih ifakkrek li anke hawn, m’intix minsi, m’intix minsija. Inti maħbub, inti maħbuba. Dan hu l-lejl meta l-imħabba niżlet għarkupptejha. Dan hu l-lejl meta t-tama tqassmet fil-ħobż u l-inbid. Dan hu l-lejl meta Alla fakkarna: inti ta’ min imut għalik.

Servizz bi mħabba

Ħamis ix-Xirka jfakkarna fil-kliem ta’ Ġesù: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:12-13).

Wara s-sorpriża li jagħtihom meta jaħslilhom saqajhom, Ġesù jagħtihom ħasda akbar meta jgħidilhom li huma wkoll għandhom jagħmlu bħalu, hu li hu l-Imgħallem u l-Mulej. Jgħidilhom: “Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll jgħidilhom” (Ġw 13:14-15). Hi din l-imħabba tiegħu li timla lil qalbna, u tgħinna biex ngħixuha mal-oħrajn. Kemm ikun sabiħ meta nħarsu lejn il-ħidma tagħna mhux bħala poter fuq l-oħrajn imma bħala servizz bi mħabba, li jġib il-paċi u l-ferħ.

Jien lilek inħobbok

Ġesù għadu jgħix din l-imħabba llum. Għadu jwasslilna l-maħfra u l-ħniena tiegħu. Permezz tal-grazzja siekta u b’saħħitha li saħansitra tidħol f’ċella u tgħid: “Int tiegħi. Jien lilek inħobbok. Lilek irrid nagħtik ħajja ġdida b’dinjità”. Ħalli dan il-lejl ifakkrek li m’intix minsi. Inti għażiż għal Alla.

Aħna u nfakkru f’dil-quddiesa dan li għamel Ġesù meta ħasel is-saqajn, żomm f’moħħok u f’qalbek dan: Alla li jaħsel saqajn, is-Salvatur li jaqsam il-ħobż, jinsab miegħek biex jagħtik ħajja ġdida. U l-imħabba tiegħu qatt ma tiġi nieqsa.

Talba

Noffri din it-talba għalikom ilkoll:

Mulej Ġesù,
F’dan il-jum qaddis,
int inżilt għarkupptejk biex taħsel saqajn il-midinbin.
qassamt il-ħobż u ferrajt l-imħabba tiegħek għal kulħadd.
Ejja f’din il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Ejja fil-qlub tagħna.
Kissrilna l-ktajjen li jorbtuna mal-passat.
Fejjaqna minn dak li ma jħalliniex ngħixu b’dinjità.
Għinna nirċievu l-imħabba tiegħek u naqsmuha ma’ oħrajn – hawnhekk, issa.
Anke f’dan il-post, ħallina nkunu parti mill-mejda tiegħek.
Anke fid-dlam, ħallina nilqgħu d-dawl tiegħek.
U meta nħossuna m’aħniex denji,
fakkarna fil-lejl meta nżilt għarkupptejk –
u ħabbejtna sal-aħħar.

Ammen.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju