L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kien hu li bagħatni”. Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù fit-tempju meta qed jitkellem fuq il-Missier, u jgħid lin-nies: “Jien min għandu ġej, u kien hu li bagħatni” (Ġw 7:29). Dan li jgħid Ġesù għandu tifsira kbira għalina lkoll, speċjalment għal din il-komunità, il-Parroċċa tal-Ibraġ, li qed tiċċelebra l-25 anniversarju tagħha bħala parroċċa.

Nixtieq li nħarsu lejn Ġesù f’din il-ġrajja tal-lum, mill-Evanġelju skont San Ġwann, għax għandha ħafna x’tgħallimna kif aħna nkunu, kif jixtieq minna l-Papa Franġisku, dixxipli missjunarji f’din il-komunità.

Hawnhekk Ġesù qiegħed qalb nies li għandhom ħsibijiet differenti fuqu. Fil-fatt, f’dan l-istess kapitlu skont San Ġwann, hemm dan fuq Ġesù: “min beda jgħid li kien raġel tajjeb, u min qal li ma kienx imma li kien qed iqarraq bin-nies” (Ġw 7:12), min jgħid ħaġa u min jgħid oħra. Fost dawn in-nies, kien hemm mhux biss ħsibijiet differenti fuqu, imma kien hemm min, kif smajna llum fl-Evanġelju, ried jeliminah. Fil-fatt darbtejn f’dis-silta naqraw: “qegħdin ifittxu li joqtluh” (Ġw 7:1.25)

Kien dan il-kuntest li fih kien Ġesù. Ġesù kien jaf li meta qed jaqdi l-missjoni tiegħu, se jsib din ir-realtà: min jaċċettah, u min jirrifjutah, anzi min ukoll irid jeliminah. Ġesù jmur fit-tempju. Għall-bidu ma kienx sejjer il-Festa tal-Għerejjex. Fil-fatt, il-qraba tiegħu kienu qalulu: mur, itla’ għall-festa, hemmhekk tista’ turihom min int. Għall-bidu Ġesù ma kienx sejjer, imbagħad mar f’nofs il-festa. Imma kif naraw hawnhekk, mar mhux biex jiġbed l-attenzjoni fuqu – fil-fatt għalhekk l-Evanġelju jgħid li tela’ “bil-moħbi” (Ġw 7:10). Mar mhux biex jaraw lilu u jkun hu ċ-ċentru tal-attenzjoni imma biex hemmhekk jidħol qalb in-nies, u fil-mument f’waqtu li għandu jitkellem, imur it-tempju biex iwassal il-Kelma ta’ Alla.

B’għaqal u b’kuraġġ

Naraw Ġesù b’liema għaqal u prudenza jimxi, u fl-istess waqt b’liema kuraġġ iwassal il-Kelma ta’ Alla. L-enfasi li jagħmel Ġesù, hu u jwassal il-Kelma ta’ Alla, hi kontinwament: jien mibgħut mill-Missier, jien ma nfittixx il-glorja tiegħi imma l-glorja tiegħu, jien ma nwassalx it-tagħlim li jiġi f’moħħi imma t-tagħlim tiegħu.

Dan hu ta’ għajnuna kbira għalina lkoll fil-Knisja, u speċjalment għalikom li qed tiċċelebraw dan l-anniversarju importanti: il-25 sena mill-bidu ta’ din il-parroċċa. Aħna msejħin ukoll biex inkunu dawk li mibgħuta minn Alla biex inwasslu l-Bxara t-Tajba, u għalhekk dixxipli missjunarji.

Għandna l-isbaħ eżempju b’dan li għamel Ġesù. L-ewwel nett, in-nies li magħhom kien jaħdem u magħhom kien jgħix. Aħna l-istess – hawn min jaċċetta l-Kelma ta’ Alla, hawn min jirrifjutaha. Hawn min hu mħeġġeġ biex jisma’ l-Aħbar it-Tajba, hawn min hu indifferenti. Hawn min jaħdem biex joqtol il-messaġġ ta’ Ġesù. Imma dan ma għandu qatt ifixkilna. L-eżempju ta’ Ġesù hu sabiħ ħafna. F’dal-kuntest, Ġesù dejjem mexa b’għaqal u b’kuraġġ. Dejjem hekk fittex, u hekk għandna nagħmlu aħna. Fil-ħidma tagħna li nkunu dixxipli ta’ Ġesù, għandna l-ewwel naħdmu biex inkunu tassew qrib tiegħu, biex aħna, li lilna bagħatna wkoll Ġesù meta qal “morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba” (Mk 16:15), aħna wkoll nistgħu nkunu d-dixxipli, u fl-istess waqt dixxipli missjunarji li nwasslu l-Aħbar it-Tajba.

Nagħmlu dan b’għaqal u b’kuraġġ. Nagħmlu dan bla biża’. Ma għandniex għalfejn nibżgħu jew inħossu xi sens ta’ inferjorità aħna u nwasslu l-Aħbar it-Tajba. Aħna qed inwasslu Aħbar li hija tajba, pożittiva, li tagħmel il-ġid. Qatt ma għandna għalfejn ikollna sens ta’ inferjorità.

Tgħidli: għax ma jaċċettawx, għax ma jagħtux każ! Xi ħaġa kbira din? Ġesù nnifsu jurina, u dejjem jurina fil-ħajja tiegħu. L-attitudni tagħna għandha tkun dejjem ta’ mħabba kbira, li nwasslu, b’mod pożittiv, l-Aħbar it-Tajba, u b’ħafna mħabba.

Iċ-ċentru tal-attenzjoni

Imma dejjem kif jurina Ġesù hawn: mhux aħna ċ-ċentru tal-attenzjoni, imma aħna rridu nwasslu lin-nies għand Ġesù. Bħalma hawnhekk jgħid Ġesù: jien mibgħut mill-Missier, u jagħti glorja lilu – hekk aħna, inwasslu lin-nies għand il-Mulej, mhux għandna.

F’kull ħidma tagħna din hi importanti, imma speċjalment fil-ħidma tagħna fil-komunità, fil-parroċċa, dejjem importanti li naħdmu b’dan l-ispirtu: li dak li nagħmlu nagħmluh mhux biex aħna nkunu fiċ-ċentru tal-attenzjoni, mhux biex in-nies jibqgħu għandna, imma biex aħna nwassluhom għand Ġesù. Għax hemm isibu tassew dak li hu l-isbaħ, dak li hu l-aqwa, dak li hu l-aħjar għalihom, għall-ħajja tagħhom. Hekk tinbena l-komunità: meta tkun komunità ta’ dixxipli missjunarji, li lkoll kemm aħna ngħinu lin-nies biex jaslu għand Ġesù.

Gratitudni u apprezzament

Aħna llum inħarsu lura u nirringrazzjawh ta’ dawn is-snin: tal-25 bħala parroċċa l-ewwel nett, imma wkoll tas-snin ta’ qabel, meta din kienet żona awtonoma, u qabel meta kienet tagħmel parti minn parroċċa oħra, ta’ Sant’Elena, B’kara. Nirringrazzjaw lil Alla ta’ dawk kollha li ħadmu hawnhekk – il-kappillani, ir-retturi, tant saċerdoti li ħadmu f’din il-komunità b’tant ġenerożita u dedikazzjoni biex jibnu komunità ta’ dixxipli missjunarji. Magħhom ukoll tant nies li ħadmu b’sens ta’ korresponsabbiltà kbira biex tkun tassew komunità sabiħa.

Aħna llum inħarsu lura u ngħidu grazzi. Inħarsu lura bi gratitudni u b’apprezzament. Fl-istess waqt, il-ġurnata tal-lum għandha tkun ukoll ġurnata li nħarsu lejn illum, u lejn is-snin li ġejjin. Biex inkomplu ninbnew bħala komunità li togħġob lill-Mulej, għall-qalb tal-Mulej. Inħarsu ’l quddiem, u nkomplu b’dan l-ispirtu tul is-snin li ġejjin, ħalli dak li aħna nbnejna fih, ngħadduh ukoll lill-oħrajn biex nibnu tassew din il-komunità ta’ dixxipli missjunarji.

Taħt il-ħarsien ta’ Omm

Dil-parroċċa hija ddedikata lill-Marija Immakulata, Omm il-Knisja. Marija hija l-isbaħ eżempju ta’ kif tilqa’ lill-Mulej u twasslu lill-oħrajn. Għalhekk, nagħmel din it-talba speċjali llum għal din il-komunità parrokkjali: biex aħna nkomplu ninbnew tassew f’komunità sabiħa ta’ dixxipli missjunarji, taħt il-protezzjoni ta’ Marija li dejjem takkumpanjana bħala Omm li tieħu ħsiebna u tħarisna, u dejjem tagħtina l-aqwa eżempju kif il-ħajja tagħna tilħaq tassew il-milja tagħha.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta