Mill-biża’ mill-prietki fl-ewwel jiem tal-ordinazzjoni tiegħu, għall-aċċettazzjoni li jkun ragħaj spiritwali għall-poplu Malti. Dan hu sommarju ċkejken tal-qadi li l-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P. fedelment offra lill-Knisja u, fuq kollox, lil Alla. Sommarju li fih, mal-ewwel daqqa t’għajn, nilmħu li ma kienx nieqes mill-vulnerabbilità; l-istess vulnerabbilità li Cremona qatt ma staħa jesponi, għaliex fiha dejjem lemaħ il-ħidma ta’ Kristu fih innifsu.
Twieled fil-25 ta’ Jannar tal-1946, wild Joseph, skrivan, u Josephine, mara tad-dar. Magħhom trabba f’tarf Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Darhom kienet miftuħa dejjem għan-nies, fosthom għal grupp ta’ 30 adolexxent li, sal-aħħar ta’ ħajjet Mons. Cremona, baqgħu f’kuntatt miegħu. L-omm spiss kienet tistedinhom għall-festini, fosthom fil-Karnival u l-Milied. Uħud minn sħabu ġieli stqarrew mal-Arċisqof Emeritu li f’ommu sabu t-tieni omm tagħhom. Il-missier, min-naħa l-oħra, kien jorganizzalhom mixjiet, u fis-sajf, anke jekk ma kienx isuq, kien jeħodhom għal xi għawma l-Għadira b’tal-linja. Din l-ospitalità mill-ġenituri tiegħu, Mons. Cremona kien jikkunsidraha l-ġenesi tal-imħabba tiegħu lejn in-nies.
Imħabbtu kienet estiża għall-ħlejjaq kollha: mill-insetti u l-qtates li tant kien iħobb sa minn tfulitu, u li tilħaq il-milja tagħha fil-bniedem. L-imħabba għall-bniedem, tabilħaqq, kienet ir-raġuni għat-tbissima perpetwa fuq wiċċu. Fil-bniedem, spiss kien jgħid li, kien jilmaħ xbieha ħajja t’Alla, irrispettivament mit-twemmin tal-persuna. Din il-perspettiva, skont l-Arċisqof Emeritu, hi ċavetta biex fid-djalogu ma’ xulxin, ma nibqgħux biss fil-qoxra, imma f’xulxin insibu l-imħabba t’Alla. Fid-dawl ta’ din l-imħabba, spiss kien jibki meta jiltaqa’ mat-tbatija tal-familji u l-individwi. Ta’ madwar 16-il sena, meta esprima mal-konfessur ix-xewqa li jsir Dumnikan l-ewwel darba, ir-raġuni tabilħaqq kienet li jgħix f’komunità ta’ nies.
Kienu tlieta li daħlu għall-formazzjoni flimkien, wieħed minnhom Mons. George Frendo O.P., l-Arċisqof Emeritu ta’ Tirana-Durrës, l-Albanija. Miegħu, kien kompla l-istudji tiegħu f’Ruma, f’università li fiha wkoll kienu jgħallmu għadd ta’ professuri Dumnikani minn Malta. Kienet l-ewwel esperjenza ta’ Mons. Cremona li fiha għex ma’ komunità internazzjonali li, hu stess kien jistqarr, tant ħeġġitu fis-sejħa tiegħu. Madankollu, kien jistenna bil-ħerqa l-ħin rikreattiv ta’ nofsinhar biex ma’ ħutu Maltin, ikollu ċ-ċans jitkellem bi lsien pajjiżu. Il-ħajja reliġjuża li għex, l- Mons. Cremona kien jiddiskriviha bħala “vojt,” permezz ta’ tliet voti: bil-vot tal-ubbidjenza, ir-reliġjuż jagħmel biss dak li jkun ġej minn Alla; bil-kastità, jagħtih imħabbtu b’mod sħiħ; u bil-faqar, ikun ħieles mill-irbit ta’ din id-dinja. Tliet opportunitajiet ta’ vojt konxju li bihom jagħti spazju għal-laqgħa tiegħu u tal-poplu m’Alla.
Anke jekk il-kariżma tad-Dumnikani hija l-predikazzjoni, wara l-ordinazzjoni tiegħu, spiss kien jitħasseb dwar l-abbiltajiet orali tiegħu bil-karattru mistħi tiegħu. Għall-ewwel omeliji ċkejkna tiegħu, kien iqatta’ sigħat sħaħ jitlob u jħarbex fis-skiet. L-istess kien jitħasseb dwar l-abbiltà tat-tmexxija, anke jekk tul ħajtu ġie fdat bl-irwoli ta’ Prijur, Provinċjal, Formatur u Isqof.
Meta kien appuntat għall-ħidma t’Arċisqof, il-biża’ u n-nuqqas ta’ twemmin fih innifsu kienu żewġ emozzjonijiet li mill-ġdid kien esperjenza. Madankollu, Mons. Cremona kien irrikonċilja ma’ dawn l-emozzjonijiet tant qawwija billi għaraf żewġ veritajiet: li ma kienx hu li qed isejjaħ lilu nnifsu – għalhekk kien hemm xi ħadd li emmen fih – u li r-responsabbiltà aħħarija tal-pajjiż mhijiex tiegħu. Spiss kien jgħid li l-unika responsabbiltà li kien iġorr, kienet tiegħu nnifsu. B’dan it-twemmin f’qalbu, aċċetta li jagħti ħajtu għall-merħla tal-Mulej f’Malta. Skontu, jekk qatt kien hemm virtù li setgħet għenitu fit-tmexxija, kienet il-maħfra: kemm biex jagħtiha lil min naqsu, imma wkoll biex jitlobha lil min naqas hu stess. Ilkoll niftakru l-maħfra li talab f’isem il-Knisja, anke għal ħtijiet li ma kienx ħati tagħhom, fosthom fi żmien meta l-każijiet tal-abbużi bdew jinstemgħu fil-Qrati, u anke wara r-riżultat tar-referendum dwar id-divorzju. Anke jekk kien jieħu l-impenn biex ma jweġġa’ ’l ħadd bi kliemu, għaraf li diversi nies fl-istess kampanja tiegħu setgħu weġġgħu lil ħaddieħor bi kliemhom. Ta’ ragħaj li kien, kien refa’ din ir-responsabiltà b’umiltà, u talab maħfra.
Fost l-impenji tiegħu bħala Arċisqof, jibqgħu jitfakkru l-vista li għamel liż-żgħażagħ f’Paceville u ċ-ċelebrazzjonijiet mat-tfal, li minn tal-aħħar twieldet il-Kummissjoni Djoċesana Tfal. Kull ċelebrazzjoni qatt ma kienet nieqsa mit-tbissima tiegħu, imma wkoll qatt ma kienet nieqsa mid-dispożizzjoni tiegħu li jitgħallem minn ma’ kull min jiltaqa’. Jirrakkonta li darba, waqt quddiesa tal-Vġili tal-Milied, inzerta kien hemm ħafna biki tat-trabi. Kien tnikket mhux għax kien hemm il-biki, imma mir-reazzjonijiet kontrihom mill-kumplament tal-miġegħma. Fl-omelija kien ħa l-opportunità biex jirringrazzja lill-ġenituri tal-impenn li ġabu ’l uliedhom magħhom, għaliex permezz tagħhom, taw lill-komunità atmosfera simili tal-għar ta’ Betlehem.
Spiss kien jiltaqa’ ma’ nies li kienu jitħawdu kif se jindirizzawh bħala isqof, jekk hux “Eċċellenza” jew “Monsinjur.” Ir-risposta tiegħu f’dawn is-sitwazzjonijiet kienet tkun: “Qatt qrajtu l-kelma ‘Eċċellenza’ fil-Kelma t’Alla? Le, imma l-kelma ‘Missier’ issibuha. Tistgħu ssejħuli Father jew Patri Pawl.”
F’waħda mill-intervisti wara r-riżenja tiegħu minn aċisqof, Mons. Cremona stqarr xewqtu li jerġa’ jiġi indirizzat bħala “Patri Pawl”, imneżża’ minn kull titlu ieħor. Kienet deċiżjoni, li għalkemm ħasdet lil bosta, ħa wara li beda jirrealizza n-nuqqas ta’ kreattività fih innifsu. Kien stqarr li kien eżawst, speċjalment għall-fatt li qatt ma ħa ġurnata ta’ mistrieħ f’ħames snin. Tul dawn is-snin kien żar 67 parroċċa u kien ikollu mill-inqas erba’ laqgħat kuljum. Skontu, ir-raġunijiet tar-riżenja kienu pjuttost simili għal dawk ta’ Papa Benedittu XVI; madankollu, ir-riżenja ta’ dan il-Papa kompliet tinkuraġġih jagħmel dan il-pass għall-ġid tiegħu u tal-merħla li tant ħabb.
Fl-età ta’ 77, għaraf dak li ħafna – konxjament jew inkonxjament – għadhom m’aċċettawx: li l-media soċjali mhijiex sempliċiment għodda jew rikreazzjoni, imma fuq kollox, spazju komunitarju li fih in-nies iqattgħu porzjon abbundanti ta’ ħajjithom. F’dan id-dawl, kien spiss jaqsam ma’ din il-komunità virtwali diversi episodji minn ħajtu u riflessjonijiet spiritwali. Mill-ġdid, permezz tas-social media, tħeġġeġ f’għodda biex ikun qrib in-nies, anke jekk l-età tiegħu ċaħditu milli jkun preżenti fiżikament fi mkejjen oħra. Meta ma setax imantni l-kuntatt minħabba xi viżta l-isptar jew xi raġuni oħra, mill-ġdid kien jitlob maħfra.
L-aħħar ‘post’ tiegħu nkitbet nhar il-11 ta’ Marzu tal-2025, li mill-ġdid tixhed imħabbtu lejn il-bniedem. Anke jekk hu stess kien suġġett għall-mard, Mons. Cremona ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu jduru lejn il-Mulej fit-talb u jressqu l-bżonnijiet tal-Papa Franġisku. F’din iċ-ċelebrazzjoni qsajra ta’ ħajjet l-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P., li ħalla din id-dinja fl-età ta’ 79 sena, nagħrfu eżempju ħaj ta’ tħejjija għal triq il-Mulej, il-motto episkopali tiegħu. Jalla b’dawn l-aneddoti, nitħeġġu aħna lkoll biex bħalu nħaddnu l-vulnerabbiltajiet tagħna u nibqgħu disposti li nestendu mħabbitna lejn Alla, lejh fil-proxxmu, u lejn il-ħlejjaq kollha.
Miktub minn Gabriel Cassar Tabone