L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ilbieraħ filgħaxija, ġewwa Pariġi fi Franza, kien hemm ċelebrazzjoni tal-ftuħ mill-ġdid tal-Katidral ta’ Notre Dame, wara r-restawr estensiv li sar minħabba n-nar li ħakem il-Katidral u għamel ħafna ħsara ħames snin ilu. Kienet ċelebrazzjoni kbira, li għaliha kienu mistiedna ħafna mexxejja minn pajjiżi differenti, u ntwera apprezzament kbir lejn tant nies li ħadmu tul dawn il-ħames snin għar-restwar ta’ din il-knisja.
Kien floku ħafna li din iċ-ċelebrazzjoni saret proprju lejlet is-solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni. Kien jixraq li okkażjoni bħal din, li tiċċelebra s-sbuħija, tintrabat ma’ din il-festa kbira, f’dan il-post iddedikat lis-“Sinjura tagħna” u li hu tant għażiż għall-Franċiżi u għall-Knisja kollha. Il-Papa Franġisku wkoll bagħat messaġġ f’waqtu għal din l-okkażjoni.
Mimlija bil-grazzja
L-Immakulata hi solennità importanti fil-ħajja tal-Knisja. Tfakkarna f’dan il-misteru: li Marija tnisslet mingħajr tebgħa ta’ dnub. Alla ried, bi grazzja partikulari, iħares lil Marija mill-bidu nett għax hi kellha tilqa’ fiha lil Ġesù, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem. Fl-Evanġelju skont San Luqa, l-anġlu Gabriel isejjaħ lil Marija “mimlija bil-grazzja” (Lq 1:28), u dak hu li niċċelebraw illum.
X’tgħidilna din il-festa għall-ħajja tagħna llum? Nixtieq li waqt li qed niċċelebraw illum l-għoxrin sena ta’ din il-parroċċa ta’ Pembroke, inħarsu lejn Marija u naraw żewġ messaġġi sbieħ għalina personalment, u għal din il-komunità parrokkjali – żewġ messaġġi marbutin maż-żewġ kelmiet fit-titlu nnifsu: Immakulata Kunċizzjoni.
Ċelebrazzjoni ta’ ħajja
Meta ngħidu “Kunċizzjoni” qed nirreferu għall-konċepiment. Aħna niċċelebraw it-tnissil ta’ Marija, f’din il-ġurnata, 8 ta’ Diċembru, u nagħmlu dan b’rabta maċ-ċelebrazzjoni tat-twelid tagħha disa’ xhur oħra, fit-8 ta’ Settembru. Il-festa tal-lum hi minnha nnifisha ċelebrazzjoni tal-ħajja li tibda mit-tnissil. Niċċelebraw lil Marija meta kient għadha ma twelditx, imma kienet żgħira ħafna fil-ġuf ta’ ommha Anna.
Araw x’messaġġ importanti tagħtina din il-festa: li għandna ngħożżu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Hemm diġà ħajja umana. Aħna ma ngħidux li kien hemm ftit ċelloli mingħajr dnub li mbagħad f’xi mument saru Marija, imma niċċelebraw lil Marija li bdiet il-ħajja tagħha umana mill-ewwel mument tat-tnissil. Kull meta qed niċċelebraw din il-festa, qed nagħtu dan il-messaġġ.
Hu messaġġ qawwi għalina lkoll, kulfejn tiġi ċċelebrata l-festa tal-Kunċizzjoni. Hu messaġġ importanti għall-komunità parrokkjali, u wkoll – jekk jieqfu jirriflettu – għal tant mexxejja li kien hemm preżenti lbieraħ filgħaxija. Fosthom l-awtoritajiet ta’ Franza stess, li aktar kmieni din is-sena, f’Marzu, saret l-ewwel pajjiż li fil-Kostituzzjoni taċċetta li ttemm ħajja umana meta għadha ma twelditx. Il-messaġġ qiegħed hawn: l-Immakulata Kunċizzjoni turina li daqskemm għandna nieħdu ħsieb u ngħożżu l-bini ta’ Katidral bħalma hu ta’ Notre Dame, u r-restawr tiegħu – u dan hu dmir tagħna – hekk ukoll għandna ngħożżu u nħarsu dak li hu santwarju maħluq minn Alla: il-ħajja umana mill-ewwel mument tagħha. L-ewwel talba li nagħmlu lil Marija llum hu li ngħixu dejjem dak li qed niċċelebraw illum – jiġifieri l-għożża tal-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, u nibqgħu nagħmlu dan fil-waqtiet kollha tal-ħajja, sat-tmiem naturali tagħha.
Ċelebrazzjoni ta’ sbuħija
It-tieni messaġġ hu marbut mal-kelma “Immakulata”, li tfisser mingħajr tebgħa, mingħajr dnub. Għandna hawnhekk lil Marija li kellha l-grazzja li sa mill-bidu tkun mingħajr dnub, u tibqa’ dejjem hekk fil-ħajja kollha tagħha. Marija hija dan is-simbolu ta’ ħajja kollha sbuħija għax mingħajr dnub. Il-Mulej irid jgħinna nħarsu dejjem lejha u naħdmu ħalli ħajjitna tkun ħajja wkoll sabiħa.
Aħna nafu li lkoll midinbin, ilkoll għandna d-dnubiet u n-nuqqasijiet tagħna. Imma l-Mulej jgħinna biex nagħrfu nixxennqu għal dak li hu sewwa, għal dak li hu xieraq, għal dak li hu sabiħ, u dejjem jippurifikana biex ngħixu ħajja ta’ grazzja. Meta aħna nħarsu lejn Marija Immakulata, tfakkarna kemm hu importanti li ħajjitna nagħrfu nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin, li ma niġġustifikawx ruħna fil-ħażen.
Kultant jista’ jiġri li fis-soċjetà nieħdu l-messaġġ li flok issejjaħ il-ħażin b’ismu, timxi ma’ li tħoss – mentalità ta’ xejn mhu xejn. Minħabba f’hekk nissetiljaw għal ħajja ħażina, u mmorru mill-ħażin għall-agħar. Naraw dan fis-soċjetà meta l-ħażin isir stil ta’ ħajja; narawh, pereżempju, fil-frodi, fil-korruzzjoni, fl-arroganza, fil-vjolenza, fl-abbuż tal-poter, fil-kilba għall-flus, fil-qerda tal-ambjent. Dan iġib kruha f’ħajjitna u fis-soċjetà tagħna. Marija Immakulata hi kuntrast għal dan kollu, għax kontinwament twassal il-messaġġ li s-suċċess mhux qiegħed fil-ħażin imma fit-tajjeb. Is-suċċess mhux qiegħed fil-kruha imma fis-sabiħ. Qiegħed f’dak li tassew jimliena bil-paċi u bil-ferħ, mhux dak li jħallilna qalbna bl-imrar.
Hu messaġġ għall-komunità parrokkjali: Marija tħeġġiġna dejjem għal dak li hu tajjeb, għal dak li hu xieraq, għal dak li hu sabiħ, għal dak li jibni komunità ta’ fidi, ta’ tama, ta’ mħabba.
Gratitudni
Nixtieq illum, f’din l-okkażjoni tal-għoxrin sena tal-parroċċa, nitlob għal kull wieħed u waħda minnkom u għal din il-komunità biex tkomplu tinbnew b’dan l-ispirtu ta’ Marija. Illum nirringrazzjaw lill-Mulej għal dak li għamel hawnhekk tul l-għoxrin sena: tant ħidma u servizz mill-kappillani, mis-saċerdoti u minn tant lajċi impenjati. Għandna għalfejn inkunu grati u nuru apprezzament lejn dawk kollha li taw sehem daqshekk importanti tul is-snin.
Hi okkażjoni wkoll biex aħna nitolbu lill-Mulej biex inkomplu nibnu fuq it-tajjeb li writna, inkomplu ngħożżuh, inkomplu nsaħħuh – biex hawnhekk f’Pembroke ikun hawn din il-komunità tassew sabiħa li tqim lil Alla, komunità ta’ Kristu Rxoxt li twassal il-messaġġ li Kristu hu ħaj.
Nitolbu lil Marija llum, aħna u niċċelebraw l-Immakulata Kunċizzjoni, biex tkompli takkumpanjana u takkumpanja din il-komunità. Nitolbuha: Marija, kun inti Ommna, kompli mexxina bħala Omm biex inkunu qrib Ġesù. Għinna biex nagħrfu ngħożżu dejjem il-ħajja f’kull waqt tagħha, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha; u biex f’ħajjitna nagħżlu dejjem dak li hu tajjeb, dak li jixraq, dak li jagħmel il-ħajja tassew sabiħa ħalli nibnu komunità li tkun għal qalb ibnek Ġesù.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta