L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Lil wieħed ngħidlu ‘mur’, u jmur; lill-ieħor ngħidlu ‘ejja’, u jiġi” (Mt 8:9). Dan hu l-kliem taċ-ċenturjun fl-Evanġelju llum, meta kien qed jitkellem ma’ Ġesù. Qed jgħidlu l-esperjenza tiegħu kif, għall-kelma tiegħu, in-nies li kellu miegħu kienu jobdu. Kien hemm dixxiplina. Iġib l-għira, kultant, dan iċ-ċenturjun kif kienu jimxu l-affarijiet man-nies li kien jieħu ħsieb! Imma kellu qaddej li kien marid ħafna, u lil dan ma setax jgħidlu “kun imfejjaq” u jfiq.
Imma kien jaf li kien hemm Ġesù li kellu din il-qawwa. U għalhekk rajna fl-Evanġelju kif imur isib lil Ġesù, u jitolbu bil-ħerqa biex ifejjaq lill-qaddej tiegħu li kien “mifluġ u batut wisq” (Mt 8:6). Ħa nħarsu ftit lejn iċ-ċenturjun, u lejn Ġesù.
Iċ-ċenturjun jgħallimna ħafna. Kien bniedem li jħobb lin-nies tiegħu. Dal-qaddej, li kien marid, sab fiċ-ċenturjun xi ħadd li jinteressah mill-pożizzjoni tiegħu, mill-ħajja tiegħu, u għamel minn kollox biex jista’ jwassallu l-fejqan. Kien bniedem li jħobb, kien bniedem determinat. Meta hu stess b’ebda mod ma seta’ jsib il-fejqan għal dal-qaddej, mar isib lil Ġesù u jitolbu bil-ħerqa. U kien bniedem ta’ fidi kbira – ta’ fidi li mexxietu biex imur għand Ġesù, għalkemm ma kienx wieħed mill-poplu Lhudi, u biex jistqarr kemm jemmen fil-kelma ta’ Ġesù. Kellu tant fidi kbira li għalih kien biżżejjed li Ġesù jgħid kelma mill-bogħod, ma kellux għalfejn imur ħdejn il-qaddej. Kelma mill-bogħod kienet biżżejjed biex lil dan il-qaddej tfejqu. Ara kemm jgħallimna ċ-ċenturjun, x’eżempju sabiħ għall-ħajja tagħna!
Ħa nħarsu lejn Ġesù. Li jolqotna f’ Ġesù hu dejjem li għalih kull persuna hi importanti, u jieħu azzjoni mal-ewwel. Hawnhekk, kif dan ġie jgħidlu li għandu qaddej marid ħafna, Ġesù jgħidlu mal-ewwel: “Niġi jien infejqu” (Mt 8:7). Mal-ewwel! Għaliex għal Ġesù, il-bniedem speċjalment li hu fil-bżonn, li hu batut, li għaddej minn tbatija, hu importanti u jagħtih l-attenzjoni sħiħa. Nafu kif Ġesù hekk dejjem mexa ma’ kulħadd. Anzi hawn jurina kif Ġesù ma jagħmilx distinzjoni ta’ razza, ta’ reliġjon, imma l-imħabba tiegħu hi lejn kulħadd. Fil-fatt, fl-aħħar jgħid, meta jfaħħar il-fidi ta’ dan iċ-ċenturjun: “Jiġu ħafna mil-Lvant u mill-Punent, u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham, u ma’ Iżakk, u ma’ Ġakobb fis-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 8:11). Qed jgħid li s-sejħa ta’ Alla mhijiex marbuta ma’ xi ħadd partikulari, jew xi grupp jew razza jew nazzjon partikulari, imma miftuħa għal kulħadd. Dan huwa Ġesù li l-imħabba tiegħu hija l-imħabba lejn kulħadd.
Hawnhekk Ġesù jfaħħar il-fidi taċ-ċenturjun, u jgħid li “f’ħadd minn Israel ma sibt fidi bħal din” (Mt 8:11). Aħna nitgħallmu ħafna minn dan l-episodju. Hu interessanti ħafna li tant baqgħet importanti din il-ġrajja, li aħna nirrepetu, fil-quddiesa, il-kliem taċ-ċenturjun. Iċ-ċenturjun, meta Ġesù qallu li jiġi jfejjaq il-qaddej, qallu hekk lil Ġesù: “Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int ordna biss b’kelma u l-qaddej tiegħi jfiq” (Mt 8:8). Aħna, fil-quddiesa qabel it-tqarbin, meta s-saċerdot jurina lil Ġesù u jgħid: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla, dan hu li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, henjin dawk li huma mistiedna għall-Ikla tal-Ħaruf”, aħna ngħidu: “Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi, iżda għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”. Għadna nirrepetu dal-kliem taċ-ċenturjun, kliem ta’ fidi qawwija, u kliem li jgħinna nagħrfu tassew kemm nitgħallmu minn dan l-episodju għall-ħajja tagħna. Hija fidi li, bħal tiegħu, għandha tkun imsieħba ma’ determinazzjoni biex nagħmlu l-ġid. Il-fidi f’Ġesù qatt ma tħallina passivi jew magħluqin fina nfusna, imma tmexxina biex nagħmlu l-ġid u, speċjalment, bħalma għamel dan iċ-ċenturjun, infittxu l-ġid ta’ dawk li huma fil-bżonn.
Nitolbu lill-Mulej illum: Mulej, saħħaħ fina l-fidi. Għinna biex l-Ewkaristija tkun l-esperjenza li fiha niċċelebraw il-fidi tagħna fik, inti li tfejjaqna, speċjalment minn ġewwa, fl-ispirtu tagħna, u inti li tagħtina l-qawwa biex dejjem infittxu li nagħmlu l-ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta