L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ħsieb qasir ispirat minn din il-kelma ta’ tama li jagħtina Ġesù stess. Aħna qegħdin f’post tan-niket. Qabel bdejna din il-quddiesa, jien u nersaq lejn din il-kappella għażiża, rajt familja qed tidfen xi ħadd għażiż.
Din hi l-istorja ta’ kuljum f’dan il-post. Dan hu l-post fejn aħna ninġabru bid-dmugħ f’għajnejna biex nagħtu l-aħar tislima lill-fdalijiet tal-maħbubin tagħna, tal-qraba tagħna. Hawn hu l-post fejn regolarment, b’mod speċjali fix-xahar ta’ Novembru, f’dan ix-xahar nerġgħu niġu fuq l-oqbra tal-għeżież tagħna, u nitolbu għalihom. Hawnhekk hu l-post fejn jinġabru t-tifkiriet, l-imħabbiet li ma nistgħux ngħixu kif xtaqna f’din id-dinja. Hawnhekk hi l-għatba ta’ eżistenza oħra.
Dan huwa post għażiż u post qaddis. U allura l-idea li din il-knisja li għandha 160 sena tiġi restawrata, tkompli tgħix, hu messaġġ ukoll tas-soċjetà tagħna, li mhux biss tgħożż lill-mejtin tagħha imma għandha wkoll tama u fidi fil-wegħda ta’ Ġesù. “Sejjer inħejjilkom post” (Ġw 14:2). Kull ġisem midfun hawnhekk indifen b’din it-tama.” Sejjer inħejjilkom post, nerġa’ niġi biex noħodkom miegħi”(Ġw 14:1-3).
Hawnhekk aħna inqimu dawn il-fdalijiet li jitmermru u jispiċċaw, u minn hawn tiġġedded il-fidi tagħna li l-ħajja ma tintemmx, imma tinbidel u titħejja għalina għamara li ma tispiċċa qatt. Jalla din il-fidi tibqa’ magħna, għax jekk inti trid tigħallem kemm hi għażiża l-ħajja, ejja hawnhekk ta’ spiss. Ejja u ltaqa’ mal-uċuħ li r-ritratti tagħhom qegħdin fuq l-oqbra għeżież ta’ dan il-post. Ta’ kull età, ta’ kull stat. Hawnhekk kulħadd l-istess.
Hawnhekk inqimu dawn il-fdalijiet li jitmermru u jispiċċaw, u minn hawn tiġġedded il-fidi tagħna li l-ħajja ma tintemmx, imma tinbidel u titħejja għalina għamara li ma tispiċċa qatt.
U kemm ikollna arja fil-ħajja? Hawnhekk il-ksuħat, kien jgħid patri Kapuċċin: “Il-kesħa tal-mewt tneħħi ħafna ksuħat,” hekk kien jgħid. Fiha x’tifhem. U San Ġorġ Preca, lis-soċji ġodda kien jagħmilhom appuntament, kien jgħidilhom “issa intom sirtu parti mill-familja tagħna, soċji tal-M.U.S.E.U.M., ħa noħodkom il-villa li għandi”. Fil-bid, qabel drawha din, kienu jgħidu ħa joħodna f’xi villa u kien iġibhom hawn u kien jgħidilhom “din il-villa tagħna” għax il-ħsieb tal-mewt iġagħlek tgħix il-ħajja ta’ nies.
Agħtihom o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi, fuqhom jistrieħu fis-sliem.
Ammen.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Ġw:4-9
Salm: 118 (119):1,2,10,11,17,18
L-Evanġelju: Lq 17:26-37