L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Bilqiegħda mal-ġenb tat-triq” (Mk 10:46). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skont San Mark, fuq dan il-bniedem li kien għama u kien ukoll tallab, li kien bilqiegħda mal-ġenb tat-triq kif kien għaddej Ġesù, flimkien ma’ “kotra kbira ta’ nies” (Mk 10:46). Dal-bniedem kien qiegħed hemmhekk qisu mwarrab, filwaqt li kienu għaddejjin f’din il-mixja, Ġesù, id-dixxipli u nies. Jien nixtieq li nħarsu lejn dawn it-tlieta: lejn dan il-bniedem għama, lejn il-folla tan-nies, u lejn Ġesù, u naraw x’jgħallmuna għall-ħajja tagħna.

Talba ħerqana

L-ewwel nett dan il-bniedem għama, li mhux biss kellu diffikultà li ma setax jara, u lanqas jara lil Ġesù ġej – fil-fatt semgħu u mhux rah – imma kien ukoll jittallab, kien mal-ġenb tat-triq, u allura kien imwarrab, kien emarġinat. Kellu dawn l-ostakli kollha fil-ħajja tiegħu. Imma li jolqotna f’dan il-bniedem hu li ma qagħadx jitħassar lilu nnifsu, u jgħid: issa jien x’nista’ nagħmel hawnhekk? Jekk hawn dawn in-nies kollha, billi ngħid xi ħaġa jien? Le! L-Evanġelju jgħid li “qabad jgħajjat” (Mk 10:47); u meta sikktuh, “hu aktar beda jgħajjat” (Mk 10:48) biex leħnu jasal għand Ġesù.

Dan il-bniedem kellu fidi kbira f’Ġesù, li Ġesù seta’ jagħmel xi ħaġa, seta’ jagħtih lura anke l-viżta biex jibda jara. Imma dan il-bniedem kien ukoll determinat. Il-fidi wasslitu biex ikun determinat, biex jegħleb l-ostakli kollha, u biex jagħmel minn kollox biex jasal għand Ġesù.

Lilna diġà jgħallimna ħafna. Jgħallimna li fil-ħajja għandna nqiegħdu l-fidi tagħna f’Ġesù; imma l-fidi tagħna tmexxina biex nagħmlu dak li hu meħtieġ, mhux tħallina passivi, imma tgħinna biex nagħmlu b’determinazzjoni dak li hu meħtieġ għall-ġid tagħna u għall-ġid tal-oħrajn, minkejja kull ostaklu.

Ostaklu fin-nofs

Ħa nħarsu lejn il-folla tan-nies, din il-kotra ta’ nies li kienet mixja ma’ Ġesù. Dawn in-nies kienu qegħdin isegwu lil Ġesù; imma għalihom dan il-bniedem fil-ġenb tat-triq ma kienx importanti. Anzi, meta beda jgħajjat, flok semgħu l-għajta tiegħu, ippruvaw isikktuh, għax kien qed ifixkilhom, ifixkel din il-mixja ma’ Ġesù. Din il-folla kienet ostaklu għal dan il-bniedem, kienet ta’ tfixkil għalih, biex hu jasal għand Ġesù.

Dan ir-rakkont jgħallimna kemm hu importanti li l-folla, il-kotra tan-nies, ma tkunx għalina tfixkil fil-ħajja tagħna biex naslu għand Ġesù, biex nagħmlu dak li hu sewwa. Jista’ jiġri dan, li aħna nimmaġinaw li aħjar jekk nimxu ma’ x’qed jagħmel kulħadd; nimmaġinaw li dak li qed jaħsbu ħafna min-nies bilfors hu tajjeb għax kulħadd qed jaħseb hekk. Kieku fost dawn in-nies kien hemm kif iħobbu jagħmlu llum, dawk li joqogħdu jistaqsu: x’taħsbu? Għandu jgħinu? Il-parti l-kbira kienu jgħidu: Le, nibqgħu mexjin, ħalluh hemm. Kienu żbaljati! Il-kotra tan-nies mhux bilfors għandha raġun, u nagħmlu żball jekk nieħdu l-kriterju ta’ x’inhu tajjeb u ħażin minn dak li jaħsbu n-nies.

Għandna l-aqwa eżempju aktar ’il quddiem, fil-passjoni ta’ Ġesù, meta kellhom l-għażla bejn Barabba u Ġesù; għażlu lil Barabba, u lil Ġesù qalulhom biex isallbuh. Għalhekk irridu noqogħdu attenti aħna mill-kotra, mill-folla; li dejjen niżnu t-tajjeb u l-ħażin, mhux bilfors dak li n-nies jaħsbu hu tajjeb; anzi jistgħu jkunu ostaklu biex nagħmlu dak li hu tajjeb.

Qalb tad-deheb

Ħa nħarsu lejn Ġesù. Ġesù hu dejjem ta’ qalb kbira. Hawnhekk narawh miexi man-nies. Huwa hu li jisma’ l-għajta ta’ dan il-bniedem hemmhekk fil-ġenb tat-triq. U l-Evanġelju jgħid: “Ġesù waqaf” (Mk 10:49), u miegħu waqfu n-nies kollha. U x’għamel? Qal lin-nies: “Sejħulu” (Mk 10:49). Lil dawk in-nies, li riedu jsikktuh, bagħathom biex jgħajtulu, biex jgħidulu: “Qiegħed isejjaħlek” (Mk 10:49).

U meta dan il-bniedem ġie quddiem Ġesù, Ġesù mimli mħabba, jagħtih lura d-dawl; imma anke l-mod kif jagħmel dan hu verament sabiħ. Il-Papa Franġisku, tlett ijiem ilu, ħareġ enċiklika fuq il-Qalb ta’ Ġesù, bl-isem Dilexit nos, kliem bil-Latin li jfissru: ‘Hu ħabbna’. U meta jsemmi dan ir-rakkont f’din l-enċiklika jsemmi dawk it-tliet karatteristiċi ta’ Ġesù, li kemm-il darba semmiehom, u jerġa’ jsemmihom f’din l-enċiklika: viċinanza, kompassjoni, tenerezza.

Dan hu Ġesù. Din hi l-esperjenza li kellu dan il-bniedem għama: li Ġesù waqaf, semgħu; jistaqsih ukoll: “Xi tridni nagħmillek?” (Mk 10:51) biex ikun hu li jgħid. Araw b’liema sensittività, b’liema tenerezza! Imbagħad Ġesù jagħtih lura d-dawl u jgħidlu: “il-fidi tiegħek fejqitek” (Mk 10:52). U jgħinu mhux biss biex jara lin-nies imma biex jara iktar fil-fond, għax l-Evanġelju jgħid: “U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq” (M10:52). Ra, imma ra wkoll ħaġa oħra: li timxi wara Ġesù hi l-isbaħ ħaġa, hi t-triq tiegħu bħala dixxiplu.

Ara kemm dan l-Evanġelju jgħallimna fil-ħajja tagħna. U tajjeb li nitolbu lill-Mulej illum, li aħna nitgħallmu kemm minn dan il-bniedem għama: il-persistenza fit-talb, il-kuraġġ biex negħlbu d-diffikultajiet, id-determinazzjoni li ħierġa mill-fidi li nqiegħdu f’Ġesù. Nitgħallmu mill-folla: li ma nħallux il-kotra tan-nies lilna tmexxina b’mod żbaljat, sempliċiment għax in-nies hekk qed jaħsbu, hekk qed jagħmlu. U nitgħallmu minn Ġesù, li hu ta’ qalb ħelwa u umli, ta’ mħabba kbira, biex aħna niftakru li magħna hu hekk Ġesù, wkoll fil-ħajja tagħna; u biex ukoll jagħtina qalb tixbah lil tiegħu. Biex aħna, meta niltaqgħu man-nies, anke ma’ dawk speċjalment li huma emarġinati u mwarrbin, ikollna din il-qalb mimlija mħabba li lilhom tipprova tgħinhom, tieqaf magħhom, u tgħinhom biex ikunu parti mis-soċjetà, fejn iħossu tassew li jkun hemm għożża kbira u mħabba fil-ħajja tagħhom.     

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju