Photo: Vatican News

Il-Papa Franġisku se jattendi għaċ-ċerimonja tat-tfigħ tal-petali tal-ward abjad fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore fil-5 ta’ Awwissu.

Kull sena f’dik il-ġurnata l-Knisja Kattolika tiċċelebra lil “Sidtna Marija tas-Silġ”, devozzjoni Marjana marbuta ma’ din il-Bażilika li ilha ġejja mis-snin bikrin tal-Knisja.

Il-Papa se jieħu sehem fl-Għasar li jibda fil-5.30pm u jkun preżenti għat-tifkira tal-“Miraklu tas-Silġ”.

Mirakolużament, fis-seklu 4, fl-eqqel tas-sajf Ruman, fil-5 ta’ Awwissu kienet għamlet xita ta’ borra u silġ fuq l-Għolja Eskwilina, il-post futur tal-bażilika.

Il-lejl ta’ qabel, il-Papa Liberju, kif ukoll patrizju Ruman jismu Ġwanni u martu kellhom ħolma li fiha l-Verġni Marija talbithom jibnu knisja fil-post fejn l-għada kienu se jsibu silġ frisk.

Il-Papa Liberju mmarka fis-silġ id-disinni tal-art tal-bażilika u din kellha ssir l-ewwel knisja ddedikata lill-Verġni Marija fil-Punent.

Biex ifakkru din ix-xita ta’ silġ u l-bini tal-bażilika, waqt l-Għasar tinfetaħ bieba fis-saqaf fuq l-altar maġġur u tinżel mill-fetħa bħal “xita” petali ta’ ward abjad.

Il-Bażilika għandha tifsira speċjali għall-Papa Franġisku. Hu żarha kmieni filgħodu fl-ewwel jum tal-pontifikat tiegħu, l-14 ta’ Marzu 2013, biex jafda l-ministeru tiegħu lil Omm Alla quddiem l-ikona ta’ Marija Salus Populi Romani, Protettriċi tal-poplu Ruman.

Huwa jmur quddiem Marija qabel u wara kull vjaġġ barra minn Ruma biex jitlobha u jroddilha ħajr għall-frott tal-vjaġġ tiegħu.

Fuq kollox, il-Papa xi xhur ilu stqarr li jixtieq jindifen f’din il-Bażilika proprju minħabba wegħda li għamel lill-Verġni Marija. Huwa qal ukoll li, fil-fatt, “il-post hu diġà mħejji”.

Source: Newsbook.com.mt