L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!” (Lq 1:42) F’din is-sentenza,
f’dawn il-ftit kelmiet ta’ Eliżabetta, għandna t-tifsira tal-festa li qed niċċelebraw illum taż-
Żjara ta’ Marija lil Eliżabetta. Kienet Marija li marret iżżur lill-kuġina tagħha hekk kif
irċeviet l-aħbar mingħand l-anġlu. U meta tidħol id-dar, jgħidilna l-Evanġelju skont San
Luqa, Eliżabetta “mtliet bl-Ispirtu s-Santu” (Lq 1:41), u tinfexx f’għajta kbira u tgħid:
“Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!”
Fil-fatt, hawnhekk f’din il-ġrajja, għandna żewġ ommijiet li t-tnejn li huma għandhom tarbija fil-ġuf. Marija għadu kif tnissel Ġesù fiha, u Eliżabetta kienet aktar ’il quddiem fit-tqala tagħha, fis-sitt xahar – kif kien qal l-anġlu lil Marija meta qalilha b’Eliżabetta – qed tistenna lil Ġwanni l-Battista. Għandhom it-tnejn tarbija fil-ġuf. Hawnhekk għandna proprju l-festa tal-ħajja ta’ Marija u t-tarbija tagħha, Eliżabetta u t-tarbija tagħha. Żewġ ommijiet li lesti biex iwelldu, u żewġ ulied li huma bħalissa taħt il-protezzjoni fil-ġuf tal-ommijiet tagħhom, fil-proċess biex jitwieldu. Għalhekk għandna din il-festa sabiħa ta’ ferħ, kif juri l-kliem kemm ta’ Eliżabetta kif ukoll ta’ Marija – ferħ kbir minħabba din il-ħajja.
L-Evanġelju jurina wkoll, flimkien mal-festa tal-ħajja, il-festa ta’ mħabba. Marija turina dan meta, kif irċeviet l-aħbar mill-anġlu Gabriel li hi se tkun Omm Alla u aċċettat, l-ewwel ħaġa li għamlet kienet li “qamet u marret tħaffef” (Lq 1:39) – jgħidilna l-Evanġelju – lejn il-kuġina tagħha Eliżabetta. Ma ngħalqitx fiha nnifisha, u sempliċiment tieħu pjaċir hi bl-aħbar, imma marret tħaffef. Hija l-istess kelma li aktar ’il quddiem naraw li għamlu r-rgħajja meta semgħu mingħand l-anġlu l-aħbar li twieled Ġesù: marru “jgħaġġlu” (Lq 2:16) lejn Ġesù. Dan għaliex din l-aħbar tgħinna biex inħaffu, u nħaffu biex inkunu mal-oħrajn, kif għamlet Marija hawnhekk – Marija li xtaqet tkun ma’ Eliżabetta kemm biex taqsam l-esperjenza tagħha magħha, kif ukoll biex tkun magħha fl-aħħar xhur tat-tqala; kif jgħidilna l-Evanġelju, baqgħet magħha “tliet xhur” (Lq 1:56) sakemm Eliżabetta waslet biex twelled.
Għalhekk għandna festa ta’ ħajja u festa ta’ mħabba. Nixtieq li niftakru f’dawn it-tnejn illum, fil-festa taż-Żjara ta’ Marija lil Eliżabetta. Għandna l-festa tal-ħajja. Kemm hu importanti għalina biex aħna ngħożżu l-ħajja. Il-kliem li qalet Eliżabetta lil Marija “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” kellu tifsira partikulari hawn, imma huwa kliem li jgħodd għal kull omm li qed tistenna tarbija: Imbierka inti, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. Kemm hu sabiħ meta aħna niftakru f’dan il-miraklu tal-ħajja. Illum, aktar minn żmien Marija u Eliżabetta, nistgħu naraw dan għax anke fuq l-iskrin naraw it-tarbija tiżviluppa bil-mod il-mod biex imbagħad tista’ titwieled wara numru ta’ xhur. Għandna l-ħajja umana li bdiet mat-tnissil u li tkompli tiżviluppa sa meta l-omm twelled. Għalhekk lil kull omm dan huwa l-messaġġ li jagħti l-Mulej: imbierka inti, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. Kemm hu importanti li aħna jkollna din l-għożża tal-ħajja, u l-barka għall-ħajja!
Marija tgħallimna wkoll bl-imħabba tagħha. Kemm hi sabiħa din l-imħabba li tmexxi lil Marija lejn Eliżabetta, tħaffef lejha, biex imbagħad, meta tiltaqa’ ma’ Eliżabetta, jifirħu flimkien, ibierku lil xulxin, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jgħinu lil xulxin. Sabiħa wisq din l-imħabba li tgħinna, lilna wkoll, biex inkunu viċin tal-oħrajn, naqsmu magħhom il-ħajja, kif semma San Pawl fl-Ittra lir-Rumani: “Ifirħu ma’ min jifraħ, u ibku ma’ min jibki” (Rum 12:15). Naqsmu l-esperjenza mal-oħrajn biex noħolqu tassew dan l-ambjent ta’ mħabba.
Ispirati mill-kelma tiegħu f’din il-festa taż-Żjara ta’ Marija lil Eliżabetta, nitolbu lill-Mulej biex dejjem inissel fina din l-għożża tal-ħajja, u ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju