L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Baqgħu mistagħġbin” (Mk 1:22). Dawn iż-żewġ kelmiet ifissru dak li n-nies ħassew meta kienu qed jisimgħu lil Ġesù fis-sinagoga ta’ Kafarnahum. L-Evanġelju jgħidilna li Ġesù, meta wasal Kafarnahum, malajr daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem; u ħoloq dan l-istagħġib.
X’kienet ir-raġuni? Għaliex stagħġbu meta semgħuh jitkellem? Qal xi ħaġa ta’ barra minn hawn, jew diskors mhux f’postu? Xejn minn dan! Stagħġbu “bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa” (Mk 1:22).
Imma r-rakkont juri li l-istagħġib tagħhom kien doppju. Filli qed jistagħġbu bil-mod tat-tagħlim tiegħu, u f’daqqa waħda nqala’ incident għax kien hemm raġel bi spirtu ħażin u beda jgħajjat. Ġesù, bi tliet kelmiet – “Iskot, oħroġ minnu” (Mk 1:25) – keċċa l-ispirtu ħażin u ħeles lir-raġel. L-Evanġelju jerġa’ jirrepeti: “Ilkoll stagħġbu” (Mk 1:27). Issa mhux biss bil-mod kif kien iwassal it-tagħlim tiegħu, imma għax raw b’għajnejhom stess il-kelma ta’ Ġesù sseħħ, il-kelma li għandha qawwa kbira għax iseħħ dak li tgħid.
Dan ir-rakkont qiegħed fil-bidu tal-Evanġelju skont San Mark u jagħtina messaġġ sabiħ ħafna għal ħajjitna. Insemmi tliet punti.
Kelma ta’ awtorità
It-tagħlim ta’ Ġesù huwa tagħlim “mogħti bis-setgħa” (Mk 1:27), b’awtorità, għax hu t-tagħlim ta’ Alla. Mhuwiex sempliċi tagħlim ta’ xi ħadd għaref, bħal tant għorrief tul is-snin li qalu u jgħidu affarijiet bis-sens. Hu ħafna aktar minn hekk. Jgħaqqad mal-ewwel qari, mill-Ktieb tad-Dewteronomju, fejn naqraw il-kliem ta’ Mose: “Il-Mulej Alla tiegħek iqajjimlek profeta…lilu għandkom tisimgħu” (Dewt 18:15).
Kien qed iħabbar minn qabel lil Ġesù. U anzi Ġesù kien iktar minn profeta, kif għajjat dak ir-raġel bi spirtu ħażin: “Jien naf min int: il-qaddis ta’ Alla” (Mk 1:24). Huwa Ġesù li fih għandna l-kelma ta’ Alla. Din importanti għall-ħajja tagħna, għax aħna l-ħin kollu nisimgħu ħafna ilħna li jgħidulna x’inhu l-aħjar, kif għandna nimxu, x’jagħtina gost fil-ħajja. Il-kelma ta’ awtorità nsibuha f’Ġesù. Huwa hu li jurina t-triq li għandna nimxu f’ħajjitna, huwa hu li jwasslilna l-kelma li hi vera mhux fake, huwa hu li bil-kelma tiegħu jagħtina l-ħajja fil-milja tagħha.
Għalhekk il-messaġġ għalina hu li nieħdu bis-serjetà l-kelma ta’ Ġesù li din tkun tassew kelma ta’ awtorità li tmexxi ħajjitna llum.
Kelma ħafna aqwa mill-forza tal-ħażen
Ir-rakkont tal-Evanġelju jurina kif Ġesù hu aktar b’saħħtu mix-xitan, il-kelma tiegħu għandha l-qawwa li teqred il-forza tal-ħażen. Din ir-realtà tagħtina ċertezza biex qatt ma naqtgħu qalbna.
Kultant jista’ jiġrilna li aħna stess li nemmnu f’Ġesù nittieħdu mill-preokkupazzjoni dwar il-ħażen – u hawn ħafna ħażen – u nsiru dawk li jwasslu aħbar ħażina flok l-Aħbar it-Tajba. Ġieli tisma’ min joħloq biża’ billi jitkellem fuq l-aħħar tad-dinja minħabba l-ħażen li hawn, qisha d-dinja se tispiċċa għada. Tista’ tispiċċa għada, verament, u jekk tgħid dan il-messaġġ kuljum, xi darba jkun għada. Imma li int il-ħin kollu tkun mehdi li xxerred dan il-biża’ ma jurix il-messaġġ li joħroġ fl-Evanġelju: li aħna mexjin wara Ġesù li għandu l-qawwa li teqred il-forza tal-ħażen.
Fl-Evanġelju, ir-raġel bl-ispirtu ħażin jgħajjat: “Ġejt biex teqridna?” (Mk 1:24) Iva, Ġesù jeqred il-ħażen. Imma jagħmel dan mhux bil-vjolenza imma bil-qawwa tal-imħabba.
Kelma li tgħinna fit-taqtigħa tal-ħajja
L-Evanġelju jurina li f’ħajjitna hemm dejjem it-taqtigħa bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, bejn il-qawwa ta’ Ġesù u l-forza tal-ħażen. Inħossu dan fina, naraw dan madwarna.
Bil-qawwa ta’ Alla aħna ma għandniex għalfejn naqtgħu qalbna, ma għandniex għalfejn nibżgħu, għax hu jagħtina l-għajnuna biex nagħżlu dak li hu tajjeb. Imma hu importanti li ma nippruvawx ngħattu x-xemx bl-għarbiel. It-tajjeb għandna nsejħulu tajjeb, imma l-ħażin għandna nsejħulu ħażin.
Din hi sfida llum. Hemm tendenza fi żmienna li dak li hu ħażin insejħulu tajjeb biex nakkomodaw lilna nfusna. Ħu, per eżempju, il-korruzzjoni. Kultant ikun hemm min jiġġustifikaha. Jgħidlek: u iva, billi tieħu xi ħaġa minn taħt, x’fiha? Ma hawnx min jagħmel agħar minn hekk! Anke fl-affarijiet iż-żgħar il-korruzzjoni hi ħażina, aħseb u ara fl-affarijiet il-kbar. Imma jekk aħna, flok ngħidu li ħażina, niġġustifikawha, inkunu qed ngħidu tajjeb dak li hu ħażin.
Ħu, per eżempju, id-droga. Sa ftit ta’ żmien ilu, konna ngħidu li aħna soċjetà li rridu naħdmu kontra d-droga. Qisu kien hawn messaġġ wieħed u ċar. Issa hawn messaġġi differenti. Issib xi wħud li jiġġustifikaw sustanzi partikulari u jgħidu: “u iva, din biex tirrikrea ruħek! Ma hemm xejn ħażin!” Anke jekk tant professjonisti li huma esperti fil-qasam, bħal psikjatri, tobba, social workers u tant oħrajn, juru biċ-ċar il-ħsara li tista’ tagħmel mentalment u fit-tul – hawn min xorta jsejħilha tajba. Illum jistgħu anke jwassluhielna d-dar bil-mutur u tiġi f’pakketti attraenti u kkuluriti. Imma dak li hu ħażin jibqa’ ħażin, dak li hu ta’ ħsara jibqa’ ta’ ħsara. Qed inbatu aħna diġà fi żmienna l-konsegwenzi ta’ dan, u ħa jbatu l-aktar it-tfal, iż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri jekk aħna ma nkunux kapaċi nsejħu b’ismu dak li hu ħażin u jagħmel ħsara, u npinġuh b’mod li qisu tajjeb.
Nitolbu lill-Mulej illum biex ikompli jagħtina l-ispirazzjoni b’din il-kelma tiegħu: li nagħrfu fih il-kelma ta’ awtorità li tmexxina f’ħajjitna, li nemmnu li l-qawwa tiegħu hija akbar mill-forza tal-ħażen, u fid-dawl tiegħu nagħrfu nagħżlu wkoll f’ħajjitan t-tajjeb minn dak li hu ħażin.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta