L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.” Dan hu li għidna fis-salm illum, u rrepetejnieh, u din in-nota ta’ ferħ narawha llum f’kull silta tal-kelma ta’ Alla. Rajna fl-Ewwel Qari mill-Profeta Isaija: “Nifraħ fuq li nifraħ fil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi” (Isaija 61:10). U anke fit-Tieni Qari, fl-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin, San Pawl jgħidilhom: “Ifirħu dejjem” (1 Tess 5:16).
Kif nafu dan hu l-Ħadd speċjali, fejn aħna naħsbu fuq din it-tema tal-ferħ, il-ferħ li jġib il-Milied – il-ġrajja tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem fostna. Anke fl-Evanġelju, meta llum insibu lil Ġwanni l-Battista jagħti xhieda – irridu niftakru li meta l-anġlu Gabriel ħabbar lil Żakkarija li se jitwieled Ġwanni, qallu: “Din se tkun ħaġa li tqanqlek bil-ferħ u thennik ħafna, u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel” (Lq 1:14): u min-naħa tiegħu, Ġwanni l-Battista qal fuq Ġesù: “Dan hu l-ferħ li bih qalbi mtliet: jeħtieġ jikber Hu u niċkien jien” (Ġw 3:30). Għandna kontinwament dan il-ferħ preżenti fil-Kelma ta’ Alla b’rabta mal-ġrajja ta’ Ġesù li jitwieled fostna.
Maħbuba u nħobbu
Għaliex il-ferħ hu marbut daqshekk mal-Milied? Aħna nafu li anke meta l-anġlu deher lir-rgħajja u tahom l-Aħbar li twieled Ġesù, hekk qalilhom: “Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu” (Lq 2:10). X’inhu eżattament dal-ferħ li ġab Ġesù? Aħna lkoll ngħaddu minn mumenti ta’ tbatija, u fil-familja ġieli ngħaddu minn diversi esperjenzi ibsin. Mela kif San Pawl jgħid “ifirħu dejjem”? Għaliex kull darba nerġgħu nġeddu dit-tema ta’ ferħ?
Irridu nifhmu d-differenza bejn il-ferħ tal-Mulej u mumenti oħra li fil-ħajja jferrħuna għal żmien jew jagħtuna pjaċir. Fil-ħajja hemm ħafna affarijiet li jagħtu sodisfazzjon wara li nkunu ħdimna bis-sħiħ, u din ħaġa tajba; u affarijiet li jagħtuna pjaċir, u din ħaġa sabiħa. Imma l-ferħ li jagħti l-Mulej hu iktar fil-fond minn hekk. Hu mfisser tajjeb ħafna fil-ġrajja tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem fostna, ġrajja li tgħidilna: aħna maħbuba, u aħna għandna fina l-qawwa, il-kapaċità, li nħobbu. Hawn qiegħed il-ferħ li jagħtina l-Mulej f’qalbna: hu marbut proprju mal-esperjenza li aħna maħbuba, u l-esperjenza meta aħna nħobbu.
Dan hu l-messaġġ li wasslilna Ġesù meta twieled fostna: li aħna maħbuba minn Alla – “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-Waħdieni” (Ġw 3:16) – u li l-imħabba tiegħu fina tgħinna biex aħna nħobbu. Fil-fatt, fost il-ħafna esperjenzi tal-ħajja, l-isbaħ esperjenza fil-ħajja tagħna hi proprju meta aħna maħbuba u meta aħna nħobbu. Meta aħna maħbuba, aħna nħossu l-ferħ f’qalbna li jibqa’. Meta nħobbu lill-oħrajn u nagħmlu l-ġid, hi wkoll esperjenza ta’ ferħ li jibqa’. Hu l-ferħ tal-imħabba, il-ferħ f’qalbna għax aħna maħbuba u aħna nħobbu.
Alla wriena dan speċjalment permezz ta’ Ġesù. Hu jfakkarna li ngħaddu minn xiex ngħaddu fil-ħajja, aħna jista’ jkollna l-ferħ tiegħu f’qalbna meta nkunu maħbuba u nħobbu. Speċjalment fil-ħajja tal-familja. Din hi s-sejħa tal-familja: li tkun l-ambjent fejn inti tista’ tgħix bl-isbaħ mod l-esperjenza li tkun maħbub, li tkun maħbuba, u li tħobb.
Il-ħidma tal-Grufan
Illum, f’din iċ-ċelebrazzjoni, nixtieq ngħid grazzi lil Alla tal-ħidma kbira li ssir mill-Grufan. Issir tul is-sena kollha, issir bl-ikbar sempliċità fil-ħajja ordinarja, u tagħmel tant ġid. Hi ħidma li tgħin lill-familji biex jiskopru tassew dan l-akbar ferħ meta jgħixu din l-imħabba fi ħdan il-familja. Aħna nafu li ngħaddu minn diversi diffikultajiet fil-ħajja tagħna. Imma hu għalhekk li Ġesù qalilna li dan hu l-ferħ “li ħadd ma jeħodhulkom” (Ġw 16:22). Għax ngħaddu kemm ngħaddu minn mumenti ibsin li lilna jippreokkupawna jew joħolqulna tbatija, dejjem tibqa’ fina dik il-konvinzjoni f’qalbna li Alla lilna jħobbna, iridna napprezzaw l-imħabba tal-oħrajn, u jridna nħobbu lill-oħrajn, l-ewwel nett lil dawk li huma qrib tagħna. Tkun grazzja li fi ħdan il-familja tista’ tgħix dan għax fi ħdan il-familja għandek l-okkażjoni li tapprezza l-imħabba u din tiftħek għall-oħrajn.
Kemm hu sabiħ meta aħna ngħinu lill-oħrajn, meta aħna nferrħu lill-oħrajn. Il-ferħ li tana Ġesù hu ferħ biex naqsmuha mal-oħrajn. Kultant b’kelma ta’ ġid, ta’ inkoraġġiment. Kultant billi tisma’ biss. Kultant billi tagħti għajnuna lil min hu fil-bżonn. Tindunaw kemm din tagħmel il-ħajja tagħna u tal-oħrajn isbaħ: tibda fi ħdan iċ-ċirku ta’ ġewwa, imbagħad fil-komunitajiet tagħna, meta niltaqgħu flimkien, u tinfirex fis-soċjetà. B’dal-mod inkunu qed nagħmlu l-iktar żerriegħa importanti għal soċjetà b’saħħitha: meta aħna nsaħħu l-ambjent ta’ mħabba li ġġib il-ferħ.
Alla l-fuħħari u aħna t-tafal
It-tema li qed tirriflettu fuqha hija dik ta’ Alla li hu l-fuħħari u aħna t-tafal f’idejh (ara Is 64:7). Bil-mod kif jagħġinna hu, jiffurmana hu, jista’ joħloq xi ħaġa tassew sabiħa. Qalb id-diffikultajiet u l-limitazzjonijiet tagħna, Alla jimliena bl-imħabba tiegħu meta aħna nħalluh. Hemm insibu tassew il-ferħ f’qalbna, meta aħna nħallu lilu jiffurmana.
Nixtieq li nagħmel din it-talba llum, aħna u nippreparaw għall-Milied meta niftakru fl-Iben ta’ Alla li sar bniedem fostna – l-ikbar ġrajja ta’ mħabba: nitolbu lill-Mulej biex aħna niftħu qalbna għall-imħabba tiegħu, jimlihielna bl-imħabba tiegħu, biex aħna nistgħu nħobbu lill-oħrajn u nferrħu lill-oħrajn. B’dal-mod, anke fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, inkunu qegħdin nagħmlu l-ikbar ġid lis-soċjetà Maltija.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta