L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kif għidtilkom fil-bidu, b’dan l-Evanġelju qed nibdew nisimgħu b’wieħed mill-erba’ ħbieb tagħna, li tawna Evanġelju, Aħbar it-Tajba. Dawn l-erbat iħbieb huma: Mattew, Mark, Luqa u Ġwanni. Dawk li aħna ngħidulhom evanġelisti, għax tawna l-Aħbar it-Tajba, tawna l-Evanġelju ta’ Ġesù. Din is-sena bdejna naqraw siltiet mill-Evanġelju tal-ħabib tagħna San Mark. Is-simbolu ta’ San Mark hu ljun bil-ġwienaħ. Peress li San Mark kiteb evanġelju qasir, l-iqsar wieħed, allura matul din is-sena wkoll nisimgħu siltiet mill-ħabib l-ieħor tagħna, Ġwanni l-Evanġelista.

Aħna fil-Ħdud, sena wara sena, l-ewwel nisimgħu siltiet mill-Evanġelju ta’ San Mattew, dak kien is-sena li għaddiet. Issa bdejna nisimgħu siltiet mill-Evanġelju ta’ San Mark; is-sena d-dieħla siltiet mill-Evanġelju ta’ San Luqa. U nerġgħu nibdew hekk, ċiklu ta’ tliet snin, fejn naqraw Evanġelju differenti kull nhar ta’ Ħadd. San Ġwann jinqara kull sena, mhux kull tliet snin, fil-festi l-kbar: fil-Milied, fil-Ġimgħa l-Kbira, fl-Għid il-Kbir; u anke meta tkun is-sena ta’ San Mark, peress li qasir, fis-sajf nisimgħu ħafna l-Evanġelju wkoll ta’ San Ġwann.

San Mark jagħmel bħal sħabu l-oħra, Mattew u Luqa, jagħtina kliem ta’ Ġesù fuq tmiem id-dinja, anke fuq it-tmiem ta’ ħajjitna. L-Evanġelju tal-lum, jintgħażel fl-1 Ħadd tal-Avvent, għax ifakkarna xi jrid ikun il-ħsieb tagħna, l-atteġġjament tagħna, biex nużaw kelma tqila, meta qed nistennewh jiġi fil-glorja. Mela aħna, diġà bdejna nixgeħlu d-dwal tal-Milied, għax ħerqanin li niċċelebraw l-ewwel miġja tiegħu bħala bniedem, u nagħmluha fil-25 ta’ Diċembru. Imma f’dan l-ewwel mument tal-Avvent, illum l-ewwel Ħadd, it-tieni Ħadd, niftakru ftit li aħna għadna nistennew lil Ġesù; mhux għax ma ġiex, għax irid jerġa’ jiġi, u se jerġa’ jiġi fil-glorja. X’qalilna, waqt li qed tistennewni, ħajjitkom gawduha sal-aħħar, u taħluhiex.

Meta jien ninħela fir-rabja, fil-kattiverja, fil-mibegħda, fis-saħta ta’ min jobgħodni, qed naħli ħajti.

Il-kelma ‘tishar’ xi tfisser? Il-ġenituri tagħkom jafu x’inhi sahra. Meta min iħaddmek jgħidlek: ‘Għamilli siegħa oħra sahra; inħallsek siegħa, siegħa u nofs.’ Sahra hi li tmur lil hinn mill-ħin tal-mistrieħ u tibqa’ taħdem. Aħna qed jgħidilna Ġesù, “Ishru, torqdux.” Tgħidli, ‘Imma jien hemm bżonn nistrieħ.” Mela le! Imma inti anke waqt li tistrieħ, fil-qalb tiegħek ibqa’ stenna lil Ġesù. Kif? Billi dejjem tagħżel it-triq tal-imħabba. Min għandu għajnejh miftuħa, bħalma jgħidilna Ġesù, min jishar ħajtu tkun dejjem imħabba. Meta jien ninħela fir-rabja, fil-kattiverja, fil-mibegħda, fis-saħta ta’ min jobgħodni, qed naħli ħajti. M’iniex qed nishar, ħajti qed tisġiċċali minn idejha, qed naħliha, flok ġenna ssir infern. Immaġinaw lil Ġesù qisu qed jgħidilna, jiena qisni tlaqt, ħallejt kollox f’idejkom, issa meta niġi, ħa nagħmlu l-kontijiet, u intom sakemm niġi ħudu ħsieb.

Bħalissa, pereżempju, qed jiltaqgħu l-kbarat tad-dinja, inkluż il-Prim Ministru tagħna, biex jiddiskutu x’se nagħmlu b’din id-dinja sabiħa li afdalna l-Mulej. Se nkomplu neqirduha? X’se nagħmlu biha? Afdahielna f’idejna. Din id-diskussjoni importanti fuq il-klima. Imma anke fir-relazzjonijiet tagħna bejnietna u l-ħajja tal-familja; għax Ġesù jgħid, kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu. Kollox ħalla f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, kull wieħed skont il-vokazzjoni tiegħu. Inti l-vokazzjoni tiegħek, afdata minn Alla lilek, biex tieħu ħsieb. Dak hu li tishar. Il-ġenituri tagħkom, tfal, jafu x’jiġifieri tishar, għax meta tkunu morda, il-mamà bl-inkwiet lanqas torqod sew billejl, u lanqas il-papà. Għax kultant tiġi naqra sahra mhux ta’ siegħa, siegħa u nofs, imma ta’ tliet sigħat, għax tiġi bl-inkwiet ukoll magħha. Imma għaliex jagħmlu hekk il-ġenituri tagħkom? Għax iħobbukom, u intom meta tikbru, u anke issa, ħudu ħsieb li lil Ġesù tgħidulu, ‘Ġesù, waqt li qed nistenniek, agħmel li jiena nħobb dejjem, mhux darba iva, u darba le.’

Dawk id-dwal tal-Milied jixegħlu u jintfew, iteptpu. Il-fjamma tal-imħabba tagħna trid tixgħel dejjem. U hekk nilqgħu l-istedina ta’ Ġesù, li qed jgħid lit-tfal, l-adulti, liż-żgħażagħ u l-anzjani: “Ishru, ħobbu dejjem, ħajjitkom prezzjuża wisq.”         

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 63:16b-17,19b; 64:2-7
Salm: 79 (80):2aċ,3b,15-16,18-19
Qari II: 1 Kor 1:3-9
L-Evanġelju: Mk 13:33-37

Aktar ritratti