L‑Arċisqof Charles Scicluna qed jafda il‑ħidma pastorali tal‑parroċċa ta’ San Girgor il‑Kbir f’Tas‑Sliema, f’idejn Mons. Etienne Sciberras. Monsinjur Arċisqof jirringrazzja lil Dun Victor Scicluna tal‑ħidma tiegħu bħala kappillan f’din il‑parroċċa għal dawn l‑aħħar 12‑il sena.
Dun Etienne twieled f’Tas‑Sliema fil‑21 ta’ Frar 1969. Irċieva l‑edukazzjoni tiegħu fl‑iskola Immaculate Conception f’Ħal Tarxien, fis‑Seminarju Minuri f’Tal‑Virtù fir‑Rabat, u fis‑Sixth Form tal‑Kulleġġ Stella Maris fil‑Gżira. Kompla l‑istudji terzjarji fil‑Filosofija u t‑Teoloġija u ggradwa fit‑Teoloġija Pastorali mill‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta. Mit‑Tribunal Metroplitan tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta rċieva diploma fl‑Istudji Matrimonjali. Huwa temm ukoll kors għall‑Postulaturi tal‑Kawżi tal‑Qaddisin mill‑Kongregazzjoni tal‑Kawżi tal‑Qaddisin tas‑Santa Sede.
Fis‑30 ta’ Ġunju 1995 ġie ordnat saċerdot u beda jservi bħala viċi kappillan fil‑parroċċa tal‑Madonna tal‑Karmnu fil‑Gżira. Fl‑2001 beda s‑servizz pastorali tiegħu fil‑parroċċa ta’ Sant’Elena f’Birkirkara. Sena wara beda s‑servizz tiegħu bħala Kanċillier u aktar tard bħala Difensur taż‑Żwieġ fit‑Tribunal tal‑Arċidjoċesi. Fl‑istess żmien serva bħala segretarju personali u ċerimonier tal‑Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca. Fl‑2009 beda jservi bħala uffiċjal fi ħdan il‑Kongregazzjoni għall‑Evanġelizzazzjoni tal‑Popli (Dikasteru għall‑Evanġelizzazzjoni) tas‑Santa Sede. Fl‑2016 il‑Papa Frangisku nnominah Cappellano di Sua Santità.
Il‑parroċċa ta’ San Girgor il‑Kbir f’Tas‑Sliema tiġbor fiha madwar 4,000 persuna.