Ġie inawgurat iċ-Church Trails of Malta, proġett li permezz tiegħu knejjes li jinsabu f’26 lokalità madwar Malta, inġabru ġeografikament biex titjib l‑esperjenza tal‑Maltin u t‑turisti li jżurhom u jiġi apprezzat aktar il‑patrimonju kulturali Malti. Il‑knejjes u l-kappelli magħżula huma l‑istess li f’dawn l‑aħħar ħames snin għaddew minn xogħol ta’ konservazzjoni u restawr permezz ta’ fondi Ewropej, b’ħafna miż-żoni huma ddedikati lill‑Madonna u lil San Pawl.
Bil‑għan li dawn ix‑xogħlijiet ta’ restawr iħallu riżultat pożittiv fuq il‑prodott turistiku Malti, il‑knejjes inġabru fi tliet gruppi ta’ rotot (it‑Tramuntana, iċ‑ċentru, u n‑Nofsinhar ta’ Malta) sabiex it‑turist ikun jista’ jagħżel ir‑rotta skont iż‑żona li jixtieq iżur. Sabiex tiġi ffaċilitata din l‑għażla, inħolqot il-website churchtrailsmalta.com b’iktar dettalji dwar il‑proġett ta’ restawr li sar f’kull post tar-rotta.
Dawn id‑dettalji tħabbru f’konferenza tal‑aħbarijiet indirizzata mill‑Isqof Awżiljajru Joseph Galea‑Curmi fil‑preżenza tal‑Ministru għat‑Turiżmu Clayton Bartolo, is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Chris Bonett u s-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross.
L‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi qal li l‑proġetti kollha ta’ restawr li saru f’dawn il-ħames snin kif ukoll il‑proġett taċ‑Church Trails of Malta huma att ta’ ġustizzja ma’ dawk li ġew qabilna u ħallewlna dan il‑patrimonju li permezz tiegħu esprimew il‑fidi tagħhom b’mod sabiħ. Qal li proprju għalhekk, irridu nagħmlu l‑almu tagħna sabiex inħarsu dan il‑patrimonju ħalli jkun apprezzat mill‑Maltin kollha llum u mit‑turisti li jiġu jżuruna, kif ukoll mill‑ġenerazzjonijiet futuri li lilhom irridu nħallu wirt tassew sabiħ. L‑Isqof saħaq li jħares ’il quddiem għal aktar proġetti ta’ kollaborazzjoni li jħallu l‑ġid fis‑soċjetà tagħna. Irringrazzja lil kull min ta’ sehmu f’dan il‑proġett, b’mod partikolari lill‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, lill‑EMCS għas‑servizz ta’ konsulenza, u lid‑diversi restawraturi li ħadmu fuq il‑proġetti kollha.
Il‑Ministru għat‑Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka kif il-proġett Church Trails of Malta se jkompli jsaħħaħ l‑impenn tal‑Gvern li jattira iżjed turiżmu reliġjuż lejn pajjiżna. “Malta hija żona turistika waħda. Fil‑qasam tal‑kultura u r‑reliġjon kull raħal u belt f’Malta u Għawdex għandhom ħafna x’joffru lit‑turisti li jiġu jżuruna. Ninsabu ottimisti li din it‑trail, fost ħafna iżjed inizjattivi oħrajn, ser tagħti spinta enormi lill‑isforzi tagħna li nsaħħu din in‑niċċa tant importanti għas‑sostenibbiltà tas‑settur turistiku f’pajjiżna,” saħaq il‑Ministru Clayton Bartolo.
Is‑Segretarju Parlamentari Chris Bonett spjega kif permezz tal‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali qiegħed isir żvilupp kulturali madwar bosta lokalitajiet f’Malta. L‑għan tal‑proġett huwa li jsaħħaħ il‑pożizzjoni ta’ knejjes diġà frekwentati filwaqt li jintroduċi oħrajn fit‑turiżmu lokali. “Dan l‑investiment ta’ madwar €4 miljun se jgħin sabiex postijiet żgħar iżda b’wirt kulturali importanti jkomplu jikbru, u jikkontribwixxu għal prodott iżjed awtentiku tat-turiżmu Malti”, għalaq Dr Bonett.