L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Mill-għolja tat-Tabor b’kull dija mimlija
lit-Trinità Mqaddsa kull ġieħ u foħrija.

Il-Knisja, hi u tifraħ f’din il-festa solenni li dis-sena taħbat jum il-Ħadd u għalhekk tiġi ċċelebrata b’solennità fil-knejjes kollha tad-dinja Kattolika, din il-festa li tgħaqqadna wkoll ma’ ħutna l-Ortodossi li jiċċelebrawha wkoll f’dan il-jum qaddis, tissejjaħ fit-tradizzjoni orjentali l-Epifanija  tas-sajf. L-Epifanija niċċelebrawha, almenu fil-kalendarju l-antik, fis-6 ta’ Jannar. Daż-żmien, hawn Malta niċċelebrawha fil-Ħadd ta’ wara l-1 ta’ Jannar, imma fil-Ħadd qrib is-6 ta’ Jannar.

Il-festa tal-Epifanija, meta l-Mulej Ġesù juri lilu nnifsu fil-glorja tiegħu bħala tarbija lill-ġnus,     tħares lejn din il-festa fis-sajf fejn il-Mulej Ġesù, raġel matur li qed iħares ukoll lejn l-għuda tas-salib fuq il-muntanja Tabor, jitlibbes bid-dija u juri lilu nnifsu lid-dixxipli. Jekk fl-Epifanija tal-Milied hemm tliet slaten Maġi li ġew mil-Lvant u mill-bogħod, illum il-Mulej juri lilu nnifsu fl-identità, fil-jien vera tiegħu, quddiem tliet dixxipli li għażilhom fuq ix-xtajta tal-Baħar tal-Galilija jew ix-xtajta ta’ Tiberijade: lil Pietru, lil Ġwanni u lil ħuh Ġakbu.

Imma hemm sinifikat ukoll profond fil-festa tal-lum li ma nsibuhx fl-Epifanija tal-Milied għaliex l-Epifanija tas-sajf li qegħdin niċċelebraw illum, it-trasfigurazzjoni tal-Mulej, hija wkoll, ippermettuli nuża kelma oħra mill-Grieg ‘Theofania’; mela minn Epifanija, li tfisser li turi lilek innifsek lil xi ħadd, li turi lilek innifsek fil-jien veru tiegħek, Epifanija, illum qed niċċelebraw wieħed mill-misteri fil-ħajja ta’ Ġesù fejn naraw, niftħu tieqa ċkejkna, fuq il-ħajja ta’ Alla l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. ‘Theos’ tfisser Alla; ‘Theofania’ huwa l-mument li Alla lilna l-bnedmin jurina ftit mill-ħajja, mid-dija, mill-glorja tiegħu.

Hemm episodju ieħor ta’ Theofania, biex nużaw din il-kelma, fit-testment il-ġdid, u ħafna drabi dan l-episodju tal-ewwel Theofania jibda l-istorja tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù, u dan huwa l-episodju ta’ meta l-Mulej jitgħammed fix-xmara Ġordan. Dakinhar, il-Mulej Ġesù, il-mastrudaxxa ta’ Nazaret, Bin Marija, jissieħeb mal-kotra, jidħol fil-kju ta’ dawk li qegħdin jistennew biex jitgħammdu minn Ġwanni l-Battista bil-magħmudija tal-indiema. Jinżel magħna fil-Ġordan, jissieħeb magħna għalkemm mingħajr dnub, għalkemm huwa l-Ħaruf bla tebgħa, jissieħeb magħna midinbin u magħna jitlob maħfra, jitlob l-indiema, il-purifikazzjoni, it-tisfija. U hu jitla’ mill-ilma, itellagħna miegħu. Il-ħarsa tiegħu hija lejn is-sema.

L-evanġelisti jgħidulna – b’mod speċjali Mattew, Mark u Luqa – li dak il-ħin instema’ leħen li jgħid: “Dan hu ibni l-għażiż li fih sibt il-għaxqa tiegħi” (Mt 17:5, Mk 9:7, Lq 9:35). U l-Ispirtu s-Santu jidher forma ta’ ħamiema. Mela għandna l-Iben li qed jitgħammed, il-leħen tal-Missier jiddikjara li dan il-mastrudaxxa ta’ Nazaret, Ġesù, huwa Ibnu, huwa l-maħbub li fih sab il-għaxqa tiegħu, u l-Ispirtu s-Santu li deher forma ta’ ħamiema, il-ħamiema li fil-ktieb tal-Ġenesi hija l-ħamiema ta’ rikonċiljazzjoni ta’ meta, wara d-diżastru tad-dilluvju, l-art reġgħet bdiet ittella’ l-inwar u l-ħamiema tidher ħdejn l-arka ta’ Noe bi ftit weraq taż-żebbuġ fil-munqar tagħha. Dak is-simbolu għadu simbolu tal-paċi, tar-rikonċiljazzjoni. U l-Ispirtu s-Santu, li deher forma ta’ ħamiema fil-magħmudija ta’ Ġesù, jirritorna wkoll fil-qawwa tan-nar f’Pentekoste u llum fis-sħaba li għattiet lid-dixxipli.

Mela mit-Theofania tal-Ġordan ngħaddu għal Theofania oħra. F’intuwizzjoni sabiħa, il-maħbub qaddis Malti San Ġorġ Preca, fl-1956 jew 57, għax ma nafux eżatt, issuġġerixxa ħames misteri tad-dawl għar-Rużarju mqaddes, u fil-kitba tiegħu Dun Ġorġ issuġġerixxa li l-ewwel misteru tad-dawl ikun il-magħmudija tal-Mulej u li r-raba’ misteru tad-dawl ikun it-trasfigurazzjoni. Snin wara, fl-2003, il-maħbub San Ġwann Pawlu II jħabbar fil-Knisja kollha l-ħames misteri tad-dawl tar-Rużarju u b’xi mod jaqblu ħafna mas-suġġeriment ta’ San Ġorġ Preca. U San Ġwann Pawlu II, meta nieda l-misteri tad-dawl li aħna nitolbu nhar ta’ Ħamis, ħabbar dawn iż-żewġ Theofaniji: l-ewwel misteru huwa l-magħmudija ta’ Ġesù fil-Ġordan u r-raba’ misteru t-titular maħbub u solenni tagħna: it-trasfigurazzjoni.

Imma jekk fil-Ġordan, it-Trinità qaddisa għarrfet lilha nnifisha, Alla għarraf lilu nnifsu Alla wieħed fi tliet Persuni: fl-Iben li jitgħammed, fil-leħen tal-Missier u fil-ħamiema li tissawwab fuq l-Iben maħbub fuq it-Tabor, kif isseħħ it-Theofania? L-ewwel nett għandna l-Iben, għax meta ngħidu Theofania aħna qed ngħidu l-laqgħa tagħna mat-Trinità Qaddisa: mal-Missier, mal-Iben u mal-Ispirtu s-Santu. “Mill-għolja tat-Tabor, b’kull dija mimlija, lit-Trinità Mqaddsa, kull ġieħ u foħrija.” Mela l-Iben, “għax Alla ħadd ma jista’ jarah”, jgħid San Ġwann, imma l-Iben rajnieh, missejnieh. Jgħid San Ġwann: smajnieh, rajnieh ibati, rajnieh mislub, imma rajnieh ukoll tiela’ fuq din l-għolja, l-għolja tat-Tabor.

U aħna, lill-Iben fil-Kredu nsejħulu ‘Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru’. U aħna qegħdin niċċelebraw din il-fidi, li meta nħarsu lejn is-Salvatur li aħna nistgħu narawh, nistgħu nagħmlu statwa tiegħu u nitpaxxew bil-ġmiel tiegħu, aħna nemmnu li dak huwa l-Iben t’Alla magħmul bniedem, l-Iben minn dejjem, li hu dawl minn dawl li sar bħalna, kollox bħalna minbarra fid-dnub. U fuq l-għolja tat-Tabor, dan l-Iben jieħu sura mimlija dija. L-Evanġelju ta’ San Mattew, li qralna l-Kappillan ftit ilu, jgħidilna: “Wiċċu sar jiddi” (Mt 17:1). Kollu ġmiel, kollu sbuħija, kollu dawl. U allura nistgħu nimmaġinaw li meta “wiċċu sar jiddi bħax-xemx”, jgħid San Mattew “u lbiesu sar abjad bħad-dawl”, din id-dija mhix dija umana imma dija ġejja min-natura tiegħu ta’ Alla, Alla li sar bniedem bħalna f’kollox imma Alla magħmul bniedem, l-Iben t’Alla li sar bniedem u għammar fostna. U din id-dija hija d-dija tar-ruħ divina ta’ Kristu li fil-mument tat-trasfigurazzjoni tidher; jarawha d-dija tiegħu li tista’ taraha. “Wiċċu jiddi bħax-xemx, ilbiesu abjad bħad-dawl”.

U l-Iben, li għalkemm jagħżel it-triq tal-umiltà, hu li kien Alla, ma ħax din id-dinjità bħala xi ħaġa ta’ min jaħtafha, imma tneżża’ minn kollox, ħa n-natura ta’ lsir, sar ubbidjenti, ubbidjenti sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. U Alla għollieh ’il fuq fis-smewwiet u tah glorja, u kull ilsien ifaħħar, kull irkoppa tmil quddiemu.

Imma jekk l-Iben juri d-divinità tiegħu bħala t-tieni Persuna tas-Santissima Trinità fid-dija u d-dawl tal-glorja, dawl li jgħammex iżjed mix-xemx, il-Missier ukoll isemma leħnu: “Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt l-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu” (Mt 17:5). Jekk fit-Theofania tal-Ġordan, Alla l-Missier jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt il-għaxqa tiegħi”, fuq it-Tabor il-Missier iżid dik l-istedina: “isimgħu lilu”. Din il-kelma nistgħu ngħidu li tiġbor dak kollu li jixtieq jgħidilna Alla l-Missier, Missierna li hu fis-smewwiet: bgħattilkom lil Ibni, isimgħu lilu.

U anke ommu Marija, ejjew niftakru ftit l-aħħar kelmiet li qalet fit-tieġ ta’ Kana. Kienu lill-qaddejja veru: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Imma dik il-kelma, għax hi l aħħar kelma li nsibu fl-Evanġelju mlissna minn Marija, hija wkoll il-parir tal-omm fuq Binha għalina: “agħmlu dak li jgħidilkom hu”. U kemm hi ħaġa sabiħa ninnutaw li l-kelma tal-Missier: “Isimgħu lilu” u l-kelma tal-omm naturali tiegħu, li hija omm Alla wkoll, jaqblu. Il-Missier jgħid: “isimgħu lilu”; l-omm tgħid: “agħmlu dak li jgħidilkom hu”.

Il-kelma tal-Missier hija wkoll konferma li Ġesù ta’ Nazaret huwa l-lben ta’ Alla, li Ġesù ta’ Nazaret, fl-ubbidjenza tiegħu, fl-umiltà tiegħu, fl-għatx għall-ġustizzja tiegħu, dak kollu li hu jipprietka fil-beatitudnijiet: imbierka s-safja f’qalbhom, imbierka dawk li jġibu l-paċi, imbierka dawk li huma foqra fl-ispirtu, imbierka dawk li huma ppersegwitati (ara Mt 5:3-10), Ġesù qiegħed f’sintonija, f’għaqda mar-rieda ta’ Missieru. “Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt il-għaxqa tiegħi. Isimgħu lilu”.

L-Ispirtu s-Santu, fil-misteru ta’ din it-Theofania, ta’ din ir-rivelazzjoni tat-Trinità Qaddisa, jidher fi sħaba li tgħatti lid-dixxipli. L-Evanġelji kollha jsejħulna, isemmu din is-sħaba. “Kif kienu għadhom jitkellmu, Pietru lil Ġesù jgħidlu: ‘Kemm hu sew li qegħdin hawn” (Mt 17:4). L-Evanġelju ta’ San Mattew jgħidilna, imma nsibuha fit-tliet Evanġelji li jirrakkuntaw it-trasfigurazzjoni: “sħaba kollha dawl għattiethom” (Mt 17:5). Fl-istatwa sabiħa li ħallewlna missirijietna u waslet hawn fl-1864, is-sħaba tfakkarna f’dan il-mument tat-trasfigurazzjoni. Ġesù, Mosè u Elija qegħdin fuq is-sħaba, din is-sħaba li l-istudjużi kollha antiki: San Ġwann Krisostmu, imma anke San Tumas D’Akwinu, anke t-talb tal-Knisja, jirrikonoxxu li hija l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu.

Fit-Testment l-Antik, il-preżenza ta’ Alla fil-mument tal-Eżodu, fil-ħruġ mill-Eġittu, kienet immarkata b’kolonna tan-nar u bi sħaba. Kienu żewġ sinjali tal-preżenza ta’ Alla. U l-anġlu Gabrijel lill-Madonna jgħidilha: “L-Ispirtu s-Santu jgħattik” bħalma tgħattik sħaba. Id-dixxipli jidħlu wkoll f’din is-sħaba, fil-glorja tal-Ispirtu s-Santu, u titnissel fihom il-biża’ ta’ min qiegħed fil-preżenza ta’ Alla. Meta nidħlu fil-preżenza ta’ Alla u nagħrfu l-kobor tiegħu, il-ġustizzja tiegħu, il-verità tiegħu, aħna nimtlew bil-biża’, mhux bit-terrur, imma bis-sens kemm aħna ċkejknin u kemm hu infinitament ħafna ħafna akbar minna.

In-nagħsa ħelwa tad-dixxipli, li ġejja mill-għeja tal-vjaġġ u mill-fatt li l-lejl kien qed jagħfas, tissawwab u tinbidel fil-ferħ kif jidħlu f’din is-sħaba għax l-Ispirtu s-Santu miegħu iġib il-paċi, l-armonija u l-ferħ. L-Ispirtu s-Santu huwa wkoll il-mod kif il-Mulej iwassal il-kelma tiegħu. Fil-fatt, l-Evanġelju jgħidilna li l-leħen tal-Missier jinstema’ mis-sħaba.  “Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: ‘Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt il-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu’” (Mt 17:5).  L-Ispirtu s-Santu huwa dak li jnebbħek xi jrid minnek Alla, u tinduna li dak hu li jrid minnek Alla, jekk ma’ dik il-kelma jkollok il-paċi, il-qawwa fit-tiġrib, ir-rassenjazzjoni fil-mard, il-qawwa li taħfer, li tinsa l-offiżi. Dak huwa l-frott tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej.

Aħna u nagħmlu din is-solennità qaddisa f’din is-sena, ejjew nimmeditaw l-imħabba ta’ Alla li tidher għalina fil-misteru tas-trasfigurazzjoni, u nistedinkom bħala konklużjoni li ssegwu ftit is-sunett ta’ din is-sena li jiġbor f’sunett fuq mudell ta’ Shakespear, Shakesperjan, dak li għadni kemm irriflettejt fuqu f’din l-omelija qasira.

L-Iben minn dejjem li hu dawl minn dawl,
li bħalna sar bniedem minbarra mid-dnub
tela’ ma’ sħabu fuq l-għolja qaddisa
u tbiddel f’kull dija li tħeġġeġ il-qlub.

Missierna mis-sema jlissen il-kelma
li twissi u twennes biex nersqu flimkien
nisimgħu lill-Iben li fih kollu għaxqa
biex ngħumu fi mħabbtu sal-ibgħad imkien.

L-Ispirtu tal-glorja, tad-dija, tas-sewwa   
ileħħ minn ġos-sħaba li twiegħed kull serħ; 
bil-biża’, bil-qima, ilibbes l-imsieħba
kull nagħsa tal-ħlewwa tissawwab fil-ferħ.

Mill-għolja tat-Tabor b’kull dija mimlija,      
lit-Trinità Mqaddsa kull ġieħ u foħrija.

Viva s-Salvatur!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 50, 4-9a
Salm: 68 (69), 8-10.21bçd-22.31 u 33-34
Qari II: 2 Pietru 1: 16-19
L-Evanġelju: Mt 17:1-9